MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
5.12.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Ryszard Czarnecki, Adam Bielan u Janusz Wojciechowski
f'isem il-Grupp UEN
dwar Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika
B6‑0511/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (ACP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku” tat-23 ta' Ottubru 2007 (COM(2007)0635),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tad-19 ta' Novembru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE adottata fl-20 ta’ Novembru 2007 f'Kigali dwar ir-reviżjoni tan-negozjati dwar Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' politika tad-9 ta' Novembru 2007 mill-Ministri tal-pajjiżi ta' l-ACP dwar l-EPAs,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ftehima ta' Cotonou tistabbilixxi, fl-Artikolu 36.1, tagħha l-ftehim tal-partijiet biex jikkonkludu arranġamenti ġodda ta' kummerċ kompatibbli mad-WTO, li progressivament ineħħu l-ostakli għall-kummerċ bejniethom u jtejjbu l-koperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ u l-iżvilupp,
B. billi ld-deroga li teżenta din il-ftehima mil-liġi tad-WTO se tiskadi fi tmiem l-2007, ħaġa li toħloq tħassib f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-ACP,
C. billi diversi Stati ta’ l-ACP qed isibuha bi tqila ħafna li jikkonkludu EPAs u ddikjaraw li tpoġġew taħt pressjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiffirmaw EPA, waqt li oħrajn jinsistu fuq l-importanza ta' l-aċċess għas-suq ta' l-UE għall-ekonomija tagħhom,
D. billi n-negozjati dwar Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika kompluti, biex tiġi ssostitwita l-Ftehima ta' Cotonou, m'humiex mixjin 'il quddiem bl-istess pass fis-sitt reġjuni u x’aktarx li fi kwalunkwe każ m’humiex se jiġu konklużi qabel tmiem l-2007,
E. billi f'Ottubru 2007 l-Kummissjoni Ewropea għamlet offerta lill-Istati ta' l-ACP ta' Ftehima Temporanja, bħala l-ewwel fażi ta' l-EPAs li jkopru biss il-kummerċ ta’ prodotti, li l-implimentazzjoni tagħha għandha tibda mill-31 ta' Diċembru 2007,
1. Itenni t-twemmin tiegħu li l-EPAs iridu jkunu strumenti ta’ żvilupp, sabiex ikunu promossi l-iżvilupp sostenibbli, l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-faqar fl-Istati ta’ l-ACP u biex titrawwem l-integrazzjoni gradwali ta’ l-Istati ta’ l-ACP fl-ekonomija dinjija;
2. Jesprimi, madankollu, it-tħassib kbir tiegħu għat-tnikkir fin-negozjati, li bħala riżultat tiegħu, fl-akbar probabilità, l-ebda ftehima kompluta m’hi se tiġi ffirmata ma’ xi wieħed mill-gruppi reġjonali ta’ l-ACP sal-31 ta' Diċembru 2007;
3. Jisħaq fuq l-importanza li jiġu eliminati r-riskji li jkun hemm vakwu fir-relazzjoni bejn l-UE u l-ACP sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali li teżisti madwar ir-relazzjoni ta’ bejn l-UE u l-ACP, li jkollha konsegwenzi disastrużi għall-pajjiżi ta’ l-ACP li m’humiex fil-kategorija tal-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati (LDCs) b’mod partikulari, u li tkun ta’ theddida għall-benesseri u l-għajxien ta’ miljuni ta’ nies fl-Istati ta’ l-ACP;
4. Jinnota l-proposta magħmula mill-Kummissjoni fit-23 ta' Ottubru 2007 u d-deċiżjoni tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u għall-Affarijiet Esterni tas-17 ta' Novembru 2007 biex jiġu konklużi, fl-ewwel fażi tan-negozjati, Ftehimiet Temporanji limitati għall-kummerċ ta' prodotti;
5. Jenfasizza l-importanza tal-proċessi ta' integrazzjoni reġjonali ta' l-ACP li għadhom għaddejjin; jirrikonoxxi dan l-approċċ ta’ ‘żewġ fażijiet’ kif propost mill-Kummissjoni Ewropea bħala approċċ temporanju u pragmatiku mfassal biex tkun evitata l-interruzzjoni tal-fluss ta' prodotti b'vantaġġi tariffarji lejn l-UE wara l-1 ta' Jannar 2008;
6. Jinnota b'interess il-konklużjoni reċenti tal-Ftehimiet ta' Qafas temporanji bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa, u l-Istati Msieħba tal-Komunità ta' l-Afrika tal-Lvant u l-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar ta' l-Afrika fuq in-naħa l-oħra, li jiggarantixxu aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti ta’ dawn ta' l-aħħar għas-suq ta’ l-UE;
7. Jenfasizza li t-twaqqif ta' suq reġjonali ġenwin jirrappreżenta bażi essenzjali biex l-EPAs jiġu implimentati b'suċċess u li l-integrazzjoni reġjonali hija essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi ta' l-ACP; jienfasizza li fejn ikun hemm Ftehimiet Temporanji ma' gruppi subreġjonali, il-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali għar-reġjuni ta' l-EPA jrid jibqa’ kundizzjoni prinċipali;
8. Jistieden liż-żewġ partijiet biex jassumu r-responsabilità tagħhom biex ikomplu n-negozjati dwar il-kwistjonijiet l-oħra malajr kemm jista’ jkun; jenfasizza li ftehima fit-tul tista' biss tintlaħaq jekk il-partijiet kollha kkonċernati jkunu impenjati għaliha;
9. Jirrikonoxxi li huwa importanti li l-pajjiżi ta' l-ACP jikkommettu ruħhom għall-proċess tas-sħubija ekonomika u li jippromwovu r-riformi meħtieġa biex l-istrutturi soċjali u ekonomiċi jiġu konformi mal-ftehimiet; iħeġġeġ lill-gvernijiet ta' l-ACP biex jimplimentaw regoli ta' governanza tajba; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżomm mal-prinċipji ta’ asimmetrija sħiħa u ta’ flessibilità;
10. Jisħaq li l-asimmetrija sħiħa fil-ftehimiet, skond ir-rekwiżiti tad-WTO, għandha tinkludi flessibilità massima fir-rigward tat-tnaqqis fit-tariffi, il-kopertura ta’ prodotti sensittivi u perjodu ta’ tranżizzjoni adegwat qabel ma l-ftehima tkun trid tiġi implimentata bis-sħiħ;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqis is-sitwazzjoni diffiċli, li għada fis-seħħ, tas-settur taz-zokkor fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea meta tinnegozja l-kwantitajiet ta' zokkor li joriġinaw mill-pajjiżi ta' l-ACP;
12. Jenfasizza li l-offerta tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta' l-oriġini hija sinjal ta' tnaqqis tar-restrizzjonijiet tad-dispożizzjonijiet attwali; jemmen li l-flessibilità meħtieġa għandha tkun parti mill-ftehima, filwaqt li jitqiesu d-differenzi fil-livell ta' l-iżvilupp industrijali bejn l-UE u l-pajjiżi ta' l-ACP, fost l-Istati ta' l-UE u fost l-Istati ta' l-ACP; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex terġa' tikkunsidra l-offerta tagħha dwar ir-regoli ta' l-oriġini sabiex tipprovdi l-ħarsien meħtieġ kontra l-esportazzjoni mill-ġdid ta' prodotti ta' setturi sensittivi bħal ħwejjeġ u tessuti;
13. Jinnota l-importanza li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa biex jiġu stimulati l-investiment, il-kummerċ ta’ servizzi u regoli dwar il-kompetizzjoni fl-EPAs, peress li dan kollu jwassal għal tkabbir ekonomiku; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tqis il-kapaċitajiet differenti tal-pajjiżi ta' l-ACP u t-talbiet ta' ċerti gruppi reġjonali ta' l-ACP dwar dawn is-suġġetti;
14. Ifakkar fil-garanziji tal-Kunsill u l-Kummissjoni li ma jinnegozjawx dispożizzjonijiet TRIPS-plus relatati mal-farmaċewtika li jaffettwaw is-saħħa pubblika u l-aċċess għal mediċini, bħall-esklużività tad-dejta, l-estenzjonijiet ta’ privattivi u l-limitazzjoni tar-raġunijiet ta’ liċenzji obbligatorji;
15. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi sistematika, matul in-negozjati u wara li jiġu konklużi, ta' l-impatt soċjali ta' l-EPAs fuq il-gruppi li l-iktar jinsabu f'riskju;
16. Jisħaq li r-regoli tal-kummerċ għandhom ikunu akkumpanjati minn żieda fl-appoġġ għall-assistenza marbuta mal-kummerċ; jitlob li jittieħdu impenji konkreti qabel ma ssir il-konklużjoni tan-negozjati ta' l-EPA, li jindirizzaw kemm l-assistenza marbuta mal-kummerċ u wkoll l-ispejjeż ta' aġġustament assoċjati ma' l-EPA, inkluża l-għajnuna teknika biex l-Istati ta' l-ACP jkunu jistgħu jikkonformaw mar-regolamenti u jissodisfaw l-istandards ta' l-importazzjoni ta' l-UE u b'hekk jibbenefikaw bis-sħiħ mill-aċċess imtejjeb għas-suq;
17. Jisħaq li l-Ftehimiet Temporanji rigward 'merkanzija biss' għandhom jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għajnuna marbuta ma' l-EPA għall-appoġġ tal-kummerċ;
18. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkonsultaw lill-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-Ftehimiet Temporanji dwar l-EPAs skond l-Artikolu 300(3), it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;
19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill ta' l-ACP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ta' l-ACP-UE.