Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0515/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0515/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

10.12.2007

sabiex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Giusto Catania
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar Il-ġlieda kontra ż-żieda ta' l-estremiżmu fl-Ewropa

Proċedura : 2007/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0515/2007
Testi mressqa :
B6-0515/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0515/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra ż-żieda ta' l-estremiżmu fl-Ewropa

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 7 u 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jorbtu lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jipprovdu mezzi Ewropej biex jiġġieldu kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, l-omofobija u l-ħarsien tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, b'mod partikolari dik ta' l-20 ta' Frar 1997 dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-lemin estrem u dik tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofoba fl-Ewropa[1],

–  wara li kkunsidra l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea u l-istrumenti legali biex tikkumbatti r-razziżmu u l-ksenofobija, partikolarment id-Direttiva 2000/43/KE, li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini razzjali jew etnika u l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali u etnika, u b'mod partikolari l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), it-tnejn li huma ffirmati mill-Istati Membri kollha u numru kbir mill-Istati terzi,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar 'Ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE' ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-UE, ippreżentata lill-Parlament Ewropew fis-27 ta' Awissu 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  jinsab imħasseb sew dwar il-qawmien ta', u l-appoġġ li qed jikber fl-Ewropa lejn movimenti u partiti estremisti li jibnu l-ideoloġija u l-prattiki politiċi tagħhom, u l-kondotta fuq l-esklużjoni, ir-razziżmu, il-ksenofobija, l-anti-Semitiżmu, u l-ultra-nazzjonaliżmu,

B.  billi xi partiti u movimenti politiċi, inklużi dawk fil-poter f'numru ta' pajjiżi jew dawk li huma rappreżentati fil-livell nazzjonali jew lokali, konxjament poġġew fiċ-ċentru ta' l-aġenda tagħhom kwistjonijiet ta' orjentament ibbażati fuq ir-razza, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, ir-reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali, li b'hekk ippermettew lill-kapjijiet politiċi biex jużaw lingwaġġ li jħeġġeġ il-mibgħeda razzjali u forom oħra tagħha u biex isaħħu l-estremiżmu fis-soċjetà,

C.  billi l-pożizzjonijiet politiċi estremi, ħafna drabi murija f'atti razzisti, xenofobiċi, anti-Semitiċi, Iżlamofobi jew omofobi jew proklamazzjonijiet pubbliċi, huma xi drabi motivati minn ragunijiet varji u huma marbuta ma' l-emarginazzjoni u l-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-qgħad.

D.  billi li l-ebda Stat Membru m'huwa immun mit-theddidiet intrinsiċi li l-estremiżmu joħloq għad-demokrazija, u billi l-ġlieda kontra l-attitudnijiet ksenofobiċi u l-movimenti politiċi estermisti tal-lemin hija sfida Ewropea,

E.  billi attakki razzisti u ksenofobiċi ħafna drabi jsiru minn gruppi neo-Nażisti u minn gruppi oħra ksenofobiċi u militanti tal-lemin u l-membri tagħhom, qed jimmiraw l-attakki vjolenti tagħhom kontra firxa wiesgħa ta' gruppi vulnerabbli, inklużi migranti, lesbjani u omosesswali, attivisti anti-razzisti, nies bla dar u żgħażagħ li jagħmlu parti minn subkulturi li mhumiex estremisti,

F.  billi l-Istati Membri introduċew miżuri varji kontra partiti politiċi li jippromwovu r-razziżmu u l-ksenofobija, kif ukoll l-irtirar ta' fondi pubbliċi,

1.  Jikkundanna bis-sħiħ l-attakki kollha li jinħolqu mir-razziżmu u l-mibgħeda u jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kollha biex jagħmlu dak kollu possibbli fil-poter tagħhom biex jikkastigaw lil dawk responsabbli u biex jiġġieldu kontra l-klima ta' l-impunità fir-rigward ta' dawk l-attakki, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha ta' attakki bħal dawn u mal-familji tagħhom;

2.  Jitlob lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u l-partiti politiċi Ewropej kollha sabiex jikkundannaw u jiġġieldu lill-partiti u lill-gruppi estremisti kollha li huma favur l-intolleranza, l-inċitament, il-fastidju jew il-vjolenza u sabiex jikkundannaw mingħajr riserva il-forom kollha ta' razziżmu, anti-Semitiżmu, Iżlamofobija u ksenofobija;

3.  Jistieden lill-partiti politiċi u lill-politiċi kollha, kif ukoll lill-persuni li għandhom influwenza fuq l-opinjoni ta' l-oħrajn u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jiċħdu pubblikament u jibqgħu lura milli jagħmlu kwalunkwe dikjarazzjoni jew att li għandu bħala l-għan tiegħu ir-razziżmu, l-anti-Semitiżmu, l-Iżlamofobija u l-ksenofobija;

4.  Jinnota li ż-żieda fl-appoġġ għall-organizzazzjonijiet estremisti tal-lemin (ħafna drabi b'elementi anti-Semitista u neo-faxxista) hi marbuta mas-sitwazzjoni soċjali li qed teħżien, mal-qgħad, mal-globilizzazzjoni, mal-emarġinazzjoni soċjali u mal-falliment fl-iskola;

5.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-implimentazzjoni ta' miżuri prattiċi sabiex jiġġieldu kontra pożizzjonijiet politiċi estremi li jinvolvu razziżmu u ksenofobija, inklużi l-implimentazzjoni stretta u t-titjib kostanti ta' liġijiet kontra r-razziżmu, kampanji ta' informazzjoni u li jqajmu l-kuxjenza fil-midja u fl-istabbilimenti edukattivi, u azzjoni legali kontra partiti u gruppi li jippromwovu r-razziżmu;

6.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-partiti politiċi kollha sabiex jissorveljaw u jiġġieldu kontra l-eżistenza ta' organizzazzjonijiet paramilitari li għadhom kif twaqqfu mill-partiti politiċi estremi tal-lemin;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jipprovdi aktar għajnuna lill-NGOs li jimmonitorjaw u jiġġieldu kontra gruppi estremi tal-lemin;

8.  Jappella lill-personalitajiet politiċi fuq livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali, li għandhom responsabilità li jagħtu eżempji billi jippromwovu t-tolleranza, il-fehem, ir-rispett u l-koeżistenza paċifika;

9.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu punti ta' kuntatt lokali għall-vittmi ta' vjolenza estrema tal-lemin, sabiex joffru servizzi ta' counselling u ta' appoġġ lill-vittmi (bħal ma hi informazzjoni dwar kumpens finanzjarju u kif jirrapurtaw l-inċident lill-pulizija), kif ukoll assistenza biex isibu avukat;

10.  Jitlob lill-Istati Membri kollha sabiex jikkunsidraw il-possibilità li jirtiraw il-fondi pubbliċi lill-partiti politiċi li huma ta' karattru razzist jew ksenofobu;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati.