Proċedura : 2007/2676(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0518/2007

Testi mressqa :

B6-0518/2007

Dibattiti :

PV 13/12/2007 - 3

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2007 - 6.7

Testi adottati :

P6_TA(2007)0621

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 121kWORD 71k
10.12.2007
PE398.200v01-00
 
B6‑0518/2007
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Angelika Beer, Raül Romeva i Rueda u Frithjof Schmidt,
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar l-10 Anniversarju mill-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, tal-Ħażna, tal-Produzzjoni u tat-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u l-Qerda Tagħhom ta' l-1997

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-10 Anniversarju mill-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, tal-Ħażna, tal-Produzzjoni u tat-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u l-Qerda Tagħhom ta' l-1997 
B6‑0518/2007

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-mini ta' l-art, u b'mod partikulari dik tas-7 ta' Lulju dwar dinja ħielsa mill-mini,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ottawa dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, tal-Ħażna, tal-Produzzjoni u tat-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u l-Qerda Tagħhom ta' l-1997,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Nairobi kif adottat f'Diċembru 2004,

–  wara li kkunsidra t-8 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottawa, li saret fil-Ġordan f'Novembru 2007, id-9 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji fl-2008 u l-1 Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2009,

–  wara li kkunsidra l-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni tal-Mini ta' l-Art li topera f'iktar minn 70 pajjiz fid-dinja kollha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1724/2001 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1725/2001,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi minn Novembru 2007, kien hemm 156 Stat Firmatarju għall-Konvenzjoni ta' Ottawa,

B.  billi sensiela ta' parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew niedu inizjattivi għall-promozzjoni ta' żvilupp ulterjuri ta' azzjonijiet għall-kontroll u l-projbizzjoni tal-mini ta' l-art;

C.  billi huma biss ftit pajjiżi li għadhom jipproduċu l-mini antipersonell (APMs) u l-kummerċ tal-mini antipersonell prattikament waqaf, u billi mill-1999, inqerdu madwar 41.8 miljuni mini antipersonell,

D.  billi, bejn l-1999 u l-2004, tneħħew 4 miljun mina antipersonell u iktar minn 2,000 km² (ekwivalenti għad-daqs tal-Lussemburgu) ta' art ikkontaminata tnaddfu mill-mini antipersonell,

E.  billi madanakollu huwa stmat li iktar minn 200 000 km² ta' territorju madwar id-dinja (ekwivalenti għad-daqs tas-Senegal) huwa kkontaminat minn mini u munizzjon li għadu ma splodiex,

F.   billi dan ifisser li aktar minn 90 pajjiż għadhom qed jaffaċċjaw il-problema tal-mini u tal-munizzjon li għadu ma splodiex, u minnhom 56 għandhom problemi bil-mini antivettura u mill-inqas 25 għandhom problemi b'munizzjon tat-tip "cluster",

G.  billi n-numru ta' vittmi rappurtati naqas minn 11 700 (fl-2002) għal 5,751 (fl-2006),

H.  billi madanakollu n-numru stmat ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati ta' vittmi tal-mini ta' l-art u ta' munizzjon li għadu ma splodiex, għadu bejn 15 000 u 20 000 kull sena,

I.  billi għall-ewwel darba, qed jinqerdu u jitneħħew iktar mini milli qed jitpoġġew,

J.  billi l-użu minn gvernijiet ta' mini antipersonell kompla jonqos u kienu biss il-Myanmar/Burma u r-Russja li komplew iqiegħdu mini ġodda u billi l-protagonisti mhux statali armati naqqsu l-użu tagħhom ta' mini antipersonell jew ta' apparat esplożiv improvviżat għalkemm għadhom jużawhom f'mill-inqas 8 stati,

K.  billi minn Dicembru 2007, 35 protagonista mhux statali armati ħadu l-impenn għal projbizzjoni totali tal-mini antipersonell permezz tal- 'Att ta' Impenn skond it-Talba ta' Ġinevra għall-Adeżjoni għal Projbizzjoni Totali tal-Mini Antipersonell u għal Koperazzjoni fl-Azzjoni kontra l-Mini',

L.  billi hu stmat li 78 pajjiż għad għandhom xi 250 miljun mina ta' l-art maħżunin, u billi hemm il-provi li f'iktar minn 15-il pajjiż hemm maħżuna mini antivettura u li 13-il stat li m'humiex firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottowa mit-Trattat għadhom jipproduċu jew iżommu d-dritt li jipproduċu mini antipersonell,

M.  billi l-ħażniet ta' APMs għandhom jinqerdu malajr kemm jista' jkun, u mhux iktar tard mil-limitu ta' erba' snin stipulat mill-Konvenzjoni ta' Ottawa;

N.  billi hemm disa' Stati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottowa, li għad iridu jeqirdu l-ħażniet tagħhom fi żmien erba' snin mill-adeżjoni għall-Konvenzjoni,

O.  billi jrid jingħata appoġġ supplimentari lill-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottawa, sabiex in-numru massimu ta' Stati Firmatarji jitħeġġu jwettqu l-obbligu tagħhom li jneħħu l-mini kollha fi żmien 10 snin minn meta jaderixxu mal-Konvenzjoni;

P.  billi sa mill-bidu tas-snin disgħin, il-komunità internazzjonali allokat iktar minn USD 3.4 biljun għall-programmi ta' azzjoni kontra l-mini (għat-tneħħija tal-mini u għall-għajnuna għall-vittmi) u l-Unjoni Ewropea nefqet kważi EUR 335 miljun,

Q.  billi, madanakollu, in-nefqa għal programmi ta' dan it-tip madwar id-dinja naqset għal EUR 250 miljun fl-2005, u għalkemm żdiedet għal EUR 316-il miljun fl-2006, il-proċess qed jimxi bil-mod wisq,

R.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata biex ikollha rwol ta' mexxejja għal żmien twil f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-azzjonijiet kontra l-mini u ma' l-iffinanzjar tagħhom sabiex jinkisbu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tat-Trattat,

S.  billi fl-2007 l-Kummissjoni impenjat total ta' EUR 33 miljun għal azzjoni kontra l-mini f'10 pajjiżi (il-Belarus, il-Bożnja Ħerzegovina, il-Kambodja, Ċipru, l-Etjopja, il-Ginea-Bissaw, il-Ġordan, il-Libanu, is-Senegal u s-Sudan),

T.  billi d-Dokument ta' Strateġija 2005-2007 jenfasizza l-benefiċċji ta' linja baġitarja speċifika għall-mini antipersonell (APLs) sabiex tiġi provduta l-kapaċità "għal rispons għal bżonnijiet gravi u mhux pjanati","biex jissaħħu u jitqawwew l-effiċjenza u l-effettività ta' l-azzjonijiet kontra l-mini li jitwettqu fi ħdan programmi umanitarji fuq perjodu ta' żmien twil u programmi għall-iżvilupp soċjoekonomiku fuq perjodu ta' żmien twil" fil-każi meta "s-CSP, l-NIP jew l-istrumenti ekwivalenti ma jistgħux legalment jappoġġjaw attivitajiet relatati mal-mini antipersonell jew f'każi ta' sensittività jew interess politiċi għall-KE", u biex jiġu appoġġjati organizzazzjonijiet mhux governattivi,

U.  billi madankollu, il-linja baġitarja APL tal-Kummissjoni tneħħiet mill-Istrument għall-Istabbilità fl-aħħar ta' l-2006 u l-Istrateġija u l-Ipprogrammar ta' l-Azzjoni tal-KE dwar il-Mini ta' l-Art se ssir kważi b'mod sħiħ mid-delegazzjonijiet KE fuq il-bażi tal-linji gwida li għandhom jiġu mfasslin mill-Kummissjoni u billi tiġi integrata azzjoni dwar il-mini ta' l-art fid-Dokumenti ta' Strateġija ta' Pajjiż jew Reġjun; billi barra minn hekk, se jkunu l-imsieħba tal-KE affettwati mill-mini li se jiddeċiedu l-grad ta' importanza li se jingħata lill-azzjoni kontra l-mini fil-listi globali tagħhom ta' prijoritajiet għall-assistenza fit-talbiet tagħhom lill-Kummissjoni għal għajnuna finanzjarja,

V.  billi, għalkemm il-Kummissjoni tistqarr li se tibqa' impenjata fermament fl-appoġġ tagħha għall-Konvenzjoni ta' Ottowa, jista' jintwera tħassib, li fil-fatt intwera, dwar il-livelli finanzjarji futuri ta' l-azzjoni kontra l-mini ta' l-KE,

W.  billi jridu jittejbu l-għajnuna għall-vittmi u l-inklużjoni soċjoekonomika tal-vittmi tal-mini kif mitlub mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Ottawa; billi huwa stmat li fid-dinja jeżistu 450,00-500,000 sopravissut u n-numru ta' persuni li baqgħu jgħixu wara inċident ikkawżat minn mini ta' l-art jew munizzjon li għadu ma splodiex u li għandhom bżonn kura u rijabilitazzjoni qed jikber; billi tliet-kwarti mill-vittmi rreġistrati kienu nies ċivili, li minnhom 34% kienu tfal,

X.  waqt li jerġa' jafferma l-bżonn li tissaħħaħ il-liġi umanitarja internazzjonali (IHL) abblikabbli għall-mini antivettura li għandha tiġi stabbilita mill-Grupp ta' Esperti Governattivi skond il-Konvenzjoni ta' Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW), waqt li jitqies li l-mini antivettura li huma armati bi 'fuses' sensittivi u apparat antimanipulazzjoni li jistgħu jieħdu minħabba l-att involontarju ta' persuna diġà huma pprojbiti mill-Konvenzjoni ta' Ottawa peress li huma theddida mortali għall-komunitajiet vulnerabbli u għall-ħaddiema li qed jagħtu għajnuna umanitarja, u kif ukoll għal dawk li jkunu qed ineħħu l-mini,

Y.  jinsab imħasseb li 29 pajjiż li għandhom żmien sa l-2009 jew l-2010 biex ineħħu l-mini ta' l-art skond mandat tat-Trattat, ma tantx fadlilhom żmien biex jagħmlu dan u jenfasizza b'mod partikolari li Stat Membru wieħed ta' l-UE naqas milli għall-inqas jibda attivitajiet ta' tneħħija ta' mini ta' l-art minkejja l-obbligu tat-Trattat biex itemm l-attivitajiet kollha ta' tneħħija sa l-2009, filwaqt li Stat Membru ieħor beda l-attivitajiet f'Ottubru li għadda biss,

Z.  jirrimarka bi tħassib li l-iffinanzjar għall-għajnuna għal dawk li baqgħu ħajjin jinkludi biss 1% ta' l-iffinanzjar totali għal azzjoni kontra l-mini u li l-progress biex jintlaħqu l-bżonnijiet u ta' dawk li baqgħu ħajjin u biex jiġu rrispettati d-drittijiet tagħhom għandu jitqies bħala mhux biżżejjed; billi mill-inqas 13-il pajjiż għandhom ħtieġa urġenti ta' programmi ġodda jew supplimentari għall-edukazzjoni dwar ir-riskju tal-mini,

1.  Iħeġġeġ lill-istati kollha biex jirratifikaw u jaċċedu għall-Konvenzjoni ta' Ottawa sabiex it-Trattat jiġi universalizzat biex jinkiseb l-għan komuni ta' dinja ħielsa mill-mini;

2.  Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Pakistan u l-Indja, jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottawa;

3.  Jinkoraġġixxi liż-żewġ Stati Membri ta' l-UE li għadhom ma ssiħbux mal-Konvenzjoni jew li għadhom ma temmewx il-proċess ta' ratifikazzjoni biex jagħmlu dan qabel il-konferenza ta' reviżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni ta' Ottawa li se ssir fl-2009;

4.  Iħeġġeġ lill-atturi mhux statali armati kollha biex juru r-rispett tagħhom għall-istandard umanitarju stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Ottowa billi jwaqqfu l-produzzjoni u l-użu tal-mini ta' l-art antipersonell u biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Impenn taħt it-Talba ta' Ġinevra;

5.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri ta' l-UE biex jibdew immedjatament il-preparamenti għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ottowa li se ssir fl-2009 u biex jagħmlu proposta għal 'azzjoni konġunta' ppjanata f'dan il-kuntest;

6.  Jistieden lill-Istati Firmatarji kollha biex jimplimentaw b'mod sħiħ u malajr l-obbligi tagħhom kollha skond il-Konvenzjoni ta' Ottowa;

7.  Iħeġġeġ lil kull Stat Membru, kull pajjiż kandidat u kull firmatarju għall-Konvenzjoni ta' Ottowa biex jinsistu li kwalunkwe mina li hemm ċans tisplodi bil-preżenza, bil-viċinanza jew mal-kuntatt ma' persuna hija mina antipersonell projbita mill-Konvenzjoni; jirrimarka li, speċifikament, dan ifisser li tripwires, break wires, tilt rods, fuses ta' pressjoni baxxa, apparat antimanipulazzjoni u fuses simili huma projbiti għall-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni;

8.   Jitlob li l-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati immedjatament jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-mini antivettura li hemm ċans jisplodu bil-preżenza, il-viċinanza jew il-kuntatt ta' persuna sabiex jinqerdu bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ottawa;

9.  Iħeġġeġ sabiex taħt l-ebda ċirkustanza jew kundizzjoni t-truppi ta' l-UE m'għandhom jużaw l-ebda tip ta' mini ta' l-art u li t-truppi ta' l-UE mhux se jikkooperaw, fi u barra n-NATO, f'operazzjonijiet fejn allejati mhux ta' l-UE qed jużaw dawn it-tip ta' armi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm bis-sħiħ id-determinazzjoni u l-isforzi kontinwi tagħha biex tgħin finanzjarjament lill-komunitajiet u lill-individwi affettwati mill-mini antipersonnel permezz ta' l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż fit-territorji taħt il-kontroll jew l-influwenza ta' protagonisti mhux statali armati u jistieden lill-Kummissjoni biex tidher quddiem il-Parlament fil-bidu ta' l-2008 biex tiċċara l-azzjoni tagħha f'dan il-kuntest;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' ddaħħal mill-ġdid il-linja baġitarja speċifika dwar il-mini għall-iffinanzjar ta' azzjoni kontra l-mini ta' l-art, għall-għajnuna lill-vittmi u għall-qerda tal-ħażna meħtieġa mill-Istati Firmatarji li ma jistgħux jiġu ffinanzjati permezz ta' l-istrumenti għall-iffinanzjar il-ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi wara l-2007;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm biżżejjed staff biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tagħha dwar il-projbizzjoni ta' mini antipersonell, u anke biex tiżgura li l-azzjoni kontra l-mini hija espliċitament inkluża fid-Dokumenti ta' Strateġija għal Pajjiżi ta' l-Istati Firmatarji affettwati mill-mini u fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali u biex tkun tista' ssegwi l-iffinanzjar kollu għall-azzjoni kontra l-mini permezz ta' l-istrumenti differenti għall-iffinanzjar;

13.  Jistieden lill-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni, b'mod partikolari lill-Istati Membri ta' l-UE, biex jiżguraw li l-iffinanzjar tagħhom għat-tneħħija tal-mini ta' l-art jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità nazzjonali għat-tneħħija ta' mini ta' l-art biex ikun garantit li attivitajiet għat-tneħħija ta' mini ta' l-art jitkomplew sakemm jiġu mnaddfin l-inħawi kollha magħrufa li fihom mini jew li hemm xi suspett li fihom;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu jappoġġaw l-isforzi biex jimpenjaw lill-partijiet armati mhux statli favur il-projbizzjoni tal-mini ta' l-art; billi dan ma jimplikax appoġġ għal jew rikonoxximent tal-leġittimità tal-partijiet armati mhux statali jew l-attivitajiet tagħhom;

15.  Jistieden lill-pajjiżi affettwati mill-mini ta' l-art u lid-donaturi internazzjonali biex jagħtu prijorità ikbar lir-rijabilitazzjoni fiżika u ekonomika tal-persuni sopravissuti, minħabba li l-bżonnijiet tagħhom mhumiex qed ikunu indirizzati biżżejjed;

16.  Jistieden lill-kumitati rilevanti biex jimmoniterjaw mill-qrib u jipparteċipaw fil-laqgħat tas-CCW, biex jirrappurtaw dwar inizjattivi ta' Stati Membri dwar mini ta' l-art, u biex jirrappurtaw dwar miżuri internazzjonali oħra li jikkonċernaw armi bħal dawn;

17.  Ifakkar li kull Stat Firmatarju tal-Konvenzjoni ta' Ottowa jwiegħed li qatt taħt l-ebda ċirkustanza ma jassisti, jinkoraġġixxi, jew jipperswadi b'xi mod lil xi persuna biex tinvolvi ruħha fi kwalunkwe attività projbita għal Stat Firmatarju skond il-Konvenzjoni;

18.  Jistieden lill-Istati Firmatarji biex jiżguraw li huma ma jippermettux lill-istituzzjonijiet finanzjarji li huma attivi fit-territorju tagħhom u/jew li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tagħhom biex jinvestu f'kumpaniji involuti fil-produzzjoni, il-ħażna jew it-trasferimenti ta' mini ta' l-art;

19.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprojbixxu kwalunkwe tip ta' appoġġ finanzjarju dirett jew indirett minn istituzzjonijiet finanzjarji privati jew pubbliċi li huma attivi fit-territorju tagħhom u/jew li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tagħhom għal kumpaniji involuti fil-produzzjoni, il-ħażna u t-trasferiment ta' mini ta' l-art; iqis li din il-projbizzjoni għandha tkun inkorporata fil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali ta' l-OSCE, lill-Komunità Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Grupp ta' Azzjoni kontra l-Mini ta' l-Art (Aktionsbündnis Landmine.de), lill-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni tal-Mini ta' l-Art (ICBL), lis-Sejħa ta' Ġinevra, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, lill-Federazzjoni Russa, lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Iżrael, lill-Pakistan, lill-Indja u lill-President Maħtur tad-9 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji tal-Konvenzjoni u ta' l-Ewwel Konferenza ta' Reviżjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza