Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0519/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0519/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

10.12.2007

sabiex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Cristiana Muscardini, Brian Crowley, Roberta Angelilli, Adam Bielan, Gintaras Didžiokas u Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-ġlieda kontra ż-żieda ta' l-estremiżmu fl-Ewropa

Proċedura : 2007/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0519/2007
Testi mressqa :
B6-0519/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0519/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra ż-żieda ta' l-estremiżmu fl-Ewropa

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR), it-tnejn li huma ffirmati mill-Istati Membri kollha u minn numru kbir mill-istati terzi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-istatut ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 dwar il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċertu forom u espressjonijiet razzisti u ksenofobi permezz tal-liġi kriminali[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel dwar ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-estremiżmu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  jinsab imħasseb sew dwar ir-reklutaġġ tal-fundamentalisti Iżlamiċi u dwar il-kampanja ta' propoganda vjolenti, flimkien ma' attakki terroristiċi fl-Unjoni Ewropea, ibbażati fuq il-mibgħeda tal-valuri Ewropew u fuq l-anti-Semitiżmu,

B.  jinsab imħasseb dwar il-qawmien ta' movimenti u partiti estremisti fl-Ewropa li waqqfu l-ideoloġija tagħhom u l-linja politika tagħhom, il-prattiki u l-kondotta fuq l-intolleranza, ir-razziżmu u l-anti-Semitiżmu,

C.  jinsab imħasseb dwar l-attivitajiet vjolenti u l-attakki terroristiċi ta' movimenti estremisti tal-lemin ibbażati fuq it-tixrid tal-mibgħeda u l-ġlieda tal-klassi soċjali,

D.  billi dawn l-ideoloġiji huma inkompatibbli mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u mal-prinċipji u l-valuri li fuqhom twaqqfet l-UE,

E.  billi l-ebda Stat Membru m'huwa immun mit-theddidiet intrinsiċi li l-estremiżmu joħloq għad-demokrazija, u billi l-ġlieda kontra l-attitudnijiet politiċi u reliġjużi vjolenti hija sfida Ewropea,

F.  billi parti mill-midja, kif ukoll numru kbir ta' paġni ta' l-internet, huma s-sors ewlieni ta' l-informazzjoni dwar movimenti u gruppi li jinċitaw il-mibgħeda, l-attakki kontra l-istituzzjonijiet demokratiċi, atti terroristiċi u l-vjolenza,

1.  Jikkundanna bis-sħiħ l-attakki kollha li jinħolqu mill-mibgħeda, jħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kollha biex jagħmlu dak kollu possibbli fil-poter tagħhom biex jikkastigaw lil dawk responsabbli u biex jiġġieldu kontra l-klima ta' l-impunità fir-rigward ta' dawk l-attakki, u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi kollha ta' attakki bħal dawn u mal-familji tagħhom;

2.  Jirrimarka li l-movimenti estremisti li jinċitaw il-vjolenza xi drabi jabbużaw mid-dritt ta' l-assoċjazzjoni mil-lenti politika. Hu ta' l-opinjoni li miżuri mmirati li jillimitaw il-kapaċità ta' azzjoni ta' dawn il-movimenti għandhom jitqiesu fi proporzjon mal-periklu tal-vjolenza u bl-għan ċar li jiġu żgurati l-ugwaljanza u l-libertà għal kulħadd;

3.  Jitlob lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, bħal ma huma n-nuqqas ta' impjieg, l-immigrazzjoni u s-sigurtà, li dawn il-partiti u l-movimenti jħobbu jużaw għall-argumenti tagħhom u biex jiġu żviluppati politiki ta' edukazzjoni għaċ-ċittadinanza demokratika bbażati fuq id-drittijiet u r-responsabilitajiet taċ-ċittadini;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex imexxu t-tiftixa għal tweġibiet politiċi u legali xierqa, speċjalment fl-istadju preventiv, u mingħajr ma jintesew it-tweġibiet neċessarji rigward l-edukazzjoni u l-informazzjoni pubblika għaż-żgħażagħ, billi jitgħallmu dwar it-totalitariżmu u l-firxa tal-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali sabiex tinżamm ħajja l-memorja ta' l-atti u l-avvenimenti kif verament ġraw fl-Ewropa u fid-dinja;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja l-applikazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti magħmula biex tipprojbixxi t-tixwix favur il-vjolenza politika u reliġjuża;

6.  Jitlob lill-midja biex tħeġġeġ u tferrex il-prinċipji u l-valuri tad-demokrazija, l-ugwaljanza u t-tolleranza u l-ugwaljanza fil-messaġġi tagħha;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinstab soluzzjoni dwar l-użu ta' l-internet b'mod li jagħmel ħsara, u jenfasizza li kull sorveljar ta' l-internet bil-għan li jiġu evitati attakki terroristiċi m'għandu taħt l-ebda ċirkostanza jħalli miftuħa l-possibilità għat-terroristi li jużaw l-internet biex iħeġġu atti terroristiċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu favur it-tħeġġiġ tal-valuri demokratiċi, is-solidarjetà, l-inklużjoni soċjali, id-djalogu interkulturali u l-kuxjenza soċjali bħala mezz li bih jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti;

9.  Jitlob lill-Kunsill u l-Kummissjoni biex isaħħu l-programmi Ewropej li għandhom l-għan li jħeġġu l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza demokratika u biex jindirizzaw problemi soċjali u ekonomiċi bħal ma huma n-nuqqas tas-sigurtà, in-nuqqas ta' l-impjieg u l-esklużjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.