MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
10.12.2007
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ģirts Valdis Kristovskis, Brian Crowley, Ewa Tomaszewska u Adam Bielan
f'isem il-Grupp UEN
dwar l-10 Anniversarju mill-Konvenzjoni ta' Ottowa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, l-Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u dwar il-Qerda Tagħhom
B6‑0523/2007
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-10 Anniversarju mill-Konvenzjoni ta' Ottowa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, l-Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u dwar il-Qerda Tagħhom
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-mini ta' l-art, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju dwar dinja ħielsa mill-mini,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ottowa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, l-Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u dwar il-Qerda Tagħhom (Trattat għall-Projbizzjoni tal-Mini),
– wara li kkunsidra t-8 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottowa, li saret fil-Ġordan f'Novembru 2007, id-9 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji fl-2008 u l-ewwel Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2009,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Nairobi adottat f'Dicembru 2004,
– wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill Ewropew (KE) Nri 1724/2001 u 1725/2001,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
billi minn Novembru 2007, kien hemm 156 Stat Firmatarju għall-Konvenzjoni ta' Ottowa,
B billi numru ta' parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew bdew inizjattivi li jippromwovu iktar żvilupp ta' azzjonijiet li jikkontrollaw u jipprojbixxu l-mini ta' l-art anti-personell (APM),
C. billi bejn l-1999 u l-2004, tneħħew 4 miljun mina antipersonell u iktar minn 2000 km² (ekwivalenti għad-daqs tal-Lussemburgu) ta' art ikkontaminata tnaddfu mill-mini ta' l-art,
D. billi huma biss ftit pajjiżi li għadhom jipproduċu l-mini antipersonell u l-kummerċ tal-mini antipersonell prattikament waqaf, u billi mill-1999, inqerdu madwar 41.8 miljuni mini antipersonell,
E. billi madanakollu huwa stmat li iktar minn 200 000 km² ta' territorju madwar id-dinja (ekwivalenti għad-daqs tas-Senegal) huma kkontaminati b'mini u b'munizzjon li għadu ma splodiex,
F. billi dan ifisser li iktar minn 90 pajjiż għadu mgħobbi bil-piż tal-mini ta' l-art u l-munizzjon li għadu ma splodix;
billi n-numru ta' vittmi rrapurtati naqas minn 11 700 (fl-2002) ghal 5 751 (fl-2006),
billi madanakollu n-numru stmat ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati ta' vittmi tal-mini ta' l-art u ta' munizzjon li għadu ma splodix, għadu bejn 15 000 u 20 000 kull sena,
billi għall-ewwel darba, qed jinqerdu u jitneħħew iktar mini milli qed jitpoġġew,
billi l-użu minn gvernijiet ta' mini antipersonell kompla jonqos u kienu biss il-Myanmar/Burma u r-Russja li komplew iqiegħdu mini ġodda u billi l-atturi mhux statali armati naqqsu l-użu tagħhom ta' mini antipersonell jew ta' apparat esplożiv improvizzat għalkemm għadhom jużawhom f'mill-inqas 8 stati,
K. billi minn Dicembru 2007, 35 attur mhux statali armat impenjaw ruħhom għal projbizzjoni totali tal-mini antipersonell permezz tal-"Ftehim ta' Impenn taħt it-Talba ta' Ġinevra għall-Adeżjoni għal Projbizzjoni Totali tal-Mini Antipersonell u għal Koperazzjoni fl-Azzjoni kontra l-Mini",
L. billi huwa stmat li 78 pajjiż għad għandhom 250 miljun APM maħżunin u li tlettax -il Stat mhux firmatarji tal-Konvenzjoni ta' Ottowa għadhom jipproduċu jew iżommu d-dritt biex jipproduċu mini ta' l-art antipersonell;
M. billi l-ħażniet ta' mini antipersonell għandhom jinqerdu malajr kemm jista' jkun, preferibbilment qabel ma jintemm il-limitu ta' erba' snin stipulat mill-Konvenzjoni ta' Ottowa,
N. billi hemm disa' Stati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottowa, li għad iridu jeqirdu l-ħażniet tagħhom fi żmien erba' snin mill-adeżjoni għall-Konvenzjoni,
O. billi jrid jingħata appoġġ supplimentari lill-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottowa, sabiex in-numru massimu ta' Stati Firmatarji jitħeġġu jwettqu l-obbligu tagħhom li jneħħu l-mini kollha fi żmien 10 snin minn meta jaderixxu mal-Konvenzjoni;
P. billi sa mill-bidu tas-snin disgħin, il-komunità internazzjonali allokat iktar minn USD 3.4 biljuni għall-programmi ta' azzjoni kontra l-mini (għat-tneħħija tal-mini u għall-għajnuna għall-vittmi) u l-Unjoni Ewropea nefqet kważi EUR 335 miljun,
Q. billi, madanakollu, in-nefqa għal programmi ta' dan it-tip madwar id-dinja naqset għal EUR 250 miljun fl-2005, u għalkemm żdiedet għal EUR 316-il miljun fl-2006, il-proċess qed jimxi bil-mod wisq,
R. billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata biex ikollha rwol ta' mexxejja għal żmien twil f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-azzjonijiet kontra l-mini u ma' l-iffinanzjar tagħhom sabiex jinkisbu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tat-Trattat,
S. billi fl-2007 l-Kummissjoni impenjat total ta' EUR 33 miljun għal azzjoni kontra l-mini f'10 pajjiżi (il-Belarus, il-Bosnja Ħerzegovina, il-Kambodja, Ċipru, l-Etjopja, il-Ginea-Bissaw, il-Ġordan, il-Libanu, is-Senegal u s-Sudan),
T. billi d-Dokument ta' Strateġija 2005-2007 jenfasizza l-benefiċċji ta' linja baġitarja speċifika għall-mini antipersonell sabiex tiġi provduta l-kapaċità "għal rispons għal bżonnijiet gravi u mhux pjanati","biex jissaħħu u jitqawwew l-effiċjenza u l-effettività ta' l-azzjonijiet kontra l-mini li jitwettqu fi ħdan programmi umanitarji fuq perjodu ta' żmien twil u programmi għall-iżvilupp soċjoekonomiku fuq perjodu ta' żmien twil" fil-każi meta "s-CSP, l-NIP jew l-istrumenti ekwivalenti ma jistgħux legalment jappoġġjaw attivitajiet relatati mal-mini antipersonell jew f'każi politiċi ta' sensittività jew interess għall-KE", u biex jiġu appoġġjati l-organizzazzjonijiet mhux governattivi;
U. billi madanakollu, il-linja baġitarja tal-Kummissjoni dwar il-mini antipersonell tneħħiet mill-Istrument għall-Istabbilità fl-aħħar ta' l-2006 u l-Istrateġija u l-Ipprogrammar ta' l-Azzjoni tal-KE kontra l-Mini se tintemm din is-sena u se tiġi sostiwita bi programm li se jsir kważi kompletament mid-delegazzjonijiet ta' l-UE fuq il-bażi tal-linji gwida li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni u billi tiġi integrata azzjoni kontra l-mini fid-Dokumenti ta' Strateġija għal Pajjiżi jew Reġjuni; billi barra minn hekk, se jkunu l-imsieħba tal-KE affettwati mill-mini li se jiddeċiedu l-grad ta' importanza li se jingħata lill-azzjoni kontra l-mini fil-listi globali tagħhom ta' prijoritajiet għall-assistenza fit-talbiet tagħhom lill-Kummissjoni għal għajnuna finanzjarja,
V. billi, għalkemm il-Kummissjoni tistqarr li se tibqa' impenjata fermament fl-appoġġ tagħha għall-Konvenzjoni ta' Ottowa, jista' jintwera tħassib, li fil-fatt intwera, dwar il-livelli finanzjarji futuri ta' l-azzjoni kontra l-mini ta' l-UE,
W. billi jridu jittejbu l-għajnuna għall-vittmi u l-integrazzjoni mill-ġdid soċjoekonomika tal-vittmi tal-mini kif mitlub mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Ottowa; billi huwa stmat li fid-dinja jeżistu 450,00-500,000 sopravissut u n-numru ta' persuni li baqgħu jgħixu wara aċċident ikkawżat minn mini ta' l-art jew munizzjon li għadu ma splodiex u li għandhom bżonn kura u rijabilitazzjoni qed jikber; billi tliet-kwarti mill-vittmi rreġistrati kienu nies ċivili, li minnhom 34% kienu tfal,
X. jinsab imħasseb li 29 pajjiż li għandhom żmien sa l-2009 jew l-2010 biex ineħħu l-mini ta' l-art skond mandat tat-Trattat, ma tantx fadlilhom żmien biex jagħmlu dan u jenfasizza b'mod partikolari li Stat Membru wieħed ta' l-UE naqas milli għall-inqas jibda attivitajiet ta' tneħħija ta' mini ta' l-art minkejja l-obbligu tat-Trattat biex itemm l-attivitajiet kollha ta' tneħħija sa l-2009, filwaqt li Stat Membru ieħor beda l-attivitajiet f'Ottubru li għadda biss,
Y. jiġbed l-attenzjoni bi tħassib li l-iffinanzjar ta' għajnuna għall-persuni li baqgħu ħajjin tinkludi 1% biss ta' l-iffinanzjar totali għal azzjoni kontra l-mini ta' l-art u li l-progress biex jintlaħqu l-bżonnijiet u d-drittijiet tal-persuni li baqgħu ħajjin għandu jitqies bħala mhux biżżejjed; billi mill-inqas 13 -il pajjiż jeħtieġu programmi ġodda jew supplimentari dwar ir-riskju tal-mini ta' l-art;
1. Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottawa sabiex il-Konvenzjoni tiġi universalizzata biex din tikseb l-għan komuni ta' dinja ħielsa mill-mini;
2. Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Pakistan u l-Indja, jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottowa;
3. Jinkoraġġixxi liż-żewġ Stati Membri ta' l-UE li għadhom ma aderixxewx mal-Konvenzjoni jew li għadhom ma temmewx il-proċess ta' ratifikazzjoni biex jagħmlu dan qabel il-konferenza ta' reviżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni ta' Ottowa li se ssir fl-2009;
4. Iħeġġeġ lill-parteċipanti ewlenin kollha mhux statali li huma armati biex juru l-osservazzjoni tagħhom għall-istandard umanitarju mitlub mill-Konvenzjoni ta' Ottowa billi jwaqqfu l-produzzjoni u l-użu ta' mini ta' l-art antipersonell u biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Impenn taħt it-Talba ta' Ġinevra;
5. Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri ta' l-UE biex jibdew immedjatament il-preparamenti għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ottowa li se ssir fl-2009 u biex jagħmlu proposta għall-'azzjoni konġunta' ppjanata f'dan il-kuntest;
6. Jistieden lill-Istati Firmatarji biex jimplimentaw b'mod sħiħ u malajr l-obbligi kollha tagħhom skond il-Konvenzjoni ta' Ottowa;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura b'mod sħiħ id-determinazzjoni tagħha u l-isforzi kontinwi biex tgħin finanzjarjament lill-komunitajiet u lill-individwi affettwati mill-APMs permezz ta' l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż it-territorji taħt il-kontroll jew l-influwenza ta' parteċipanti ewlenin mhux statali armati u jistieden lill-Kummissjoni biex tidher quddiem il-Parlament fil-bidu ta' l-2008 biex tikkjarifika l-azzjoni tagħha f'dan il-kuntest;
8. Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa ddaħħal mill-ġdid il-linja baġitarja speċifika dwar il-mini għall-iffinanzjar ta' azzjoni kontra l-mini ta' l-art, għall-għajnuna lill-vittmi u għall-qerda tal-ħażna meħtieġa mill-Istati Firmatarji li ma jistgħux jiġu ffinanzjati permezz ta' l-istrumenti għall-iffinanzjar il-ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li wara l-2007 jkun hemm disponibbli riżorsi biżżejjed;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżomm biżżejjed staff biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tagħha għall-projbizzjoni ta' mini ta' l-art antipersonell, inkluża assigurazzjoni li azzjoni kontra l-mini hija espliċitament inkluża fid-Dokumenti ta' Strateġija għal Pajjiżi ta' l-Istati Firmatarji affettwati mill-mini ta' l-art u fil-Programmi Nazzjonali Indikattivi u biex ikollha rendikont ta' l-iffinanzjar kollu għal azzjoni kontra l-mini ta' l-art permezz ta' l-istrumenti differenti għall-iffinanzjar;
10. Jistieden lill-Istati Firmatarji, b'mod partikolari lill-Istati Membri ta' l-UE, biex jiżguraw li l-iffinanzjar tagħhom għat-tneħħija tal-mini ta' l-art jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità nazzjonali għat-tneħħija ta' mini ta' l-art biex ikun garantit li attivitajiet għat-tneħħija ta' mini ta' l-art jitkomplew sakemm jiġu mnaddfin l-inħawi kollha magħrufa li fihom mini jew li hemm xi suspett li fihom;
11. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jappoġġjaw l-isforzi biex il-parteċipanti ewlenin mhux statali li huma armati jimpenjaw ruħhom li jipprojbixxu APM, sitwazzjoni li ma timplikax appoġġ għal jew rikonoxximent tal-leġittimità tal-parteċipanti ewlenin mhux statali li huma armati jew l-attivitajiet tagħhom;
12. Jistieden lill-pajjiżi affettwati mill-mini ta' l-art u lid-donaturi internazzjonali biex jagħtu prijorità ikbar lir-rijabilitazzjoni fiżika u ekonomika tal-persuni sopravissuti, minħabba li l-bżonnijiet tagħhom mhumiex qed ikunu indirizzati biżżejjed;
13. Jistieden lill-kumitati rilevanti biex jimmoniterjaw mill-qrib u jipparteċipaw fil-laqgħat tas-CCW, biex jirrappurtaw dwar inizjattivi ta' Stati Membri dwar APMs u biex jirrappurtaw dwar miżuri internazzjonali oħra li jikkonċernaw armi bħal dawn;
14. Ifakkar li kull Stat Firmatarju tal-Konvenzjoni ta' Ottowa jwiegħed li qatt taħt l-ebda ċirkustanza ma jassisti, jinkoraġġixxi, jew jipperswadi b'xi mod lil xi persuna biex tinvolvi ruħha fi kwalunkwe attività projbita għal Stat Firmatarju skond il-Konvenzjoni;
15. Jistieden lill-Istati Firmatarji biex jiżguraw li huma ma jippermettux lill-istituzzjonijiet finanzjarji li huma attivi fit-territorju tagħhom u/jew li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni biex jinvestu f'kumpaniji involuti fil-produzzjoni, il-ħażna u t-trasferimenti ta' APM;
16. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jipprojbixxu kwalunkwe tip ta' appoġġ finanzjarju dirett jew indirett minn istituzzjonijiet finanzjarji privati jew pubbliċi li huma attivi fit-territorju tagħhom u/jew li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tagħhom għal kumpaniji involuti fil-produzzjoni, il-ħażna u t-trasferiment ta' APMs; iqis li din il-projbizzjoni għandha tkun inkorporata fil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali ta' l-OSCE, lill-Komunità Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, lill-Federazzjoni Russa, lir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, lill-Pakistan, lill-Indja u lill-President Maħtur tad-9 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji tal-Konvenzjoni u ta' l-Ewwel Konferenza ta' Reviżjoni.