Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0524/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0524/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

10.12.2007

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck, Johan Van Hecke, Danutė Budreikaitė, Marios Matsakis u Elizabeth Lynne
f'isem il-Grupp ALDE
dwar l-10 Anniversarju mill-Konvenzjoni ta' Ottawa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, l-Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u dwar il-Qerda Tagħhom

Proċedura : 2007/2676(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0524/2007
Testi mressqa :
B6-0524/2007
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0524/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-10 Anniversarju mill-Konvenzjoni ta' Ottawa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, l-Ħażna, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u dwar il-Qerda Tagħhom

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-mini ta' l-art, u b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju dwar dinja ħielsa mill-mini,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ottawa ta' l-1997 dwar il-Projbizzjoni ta' l-Użu, tal-Ħażna, tal-Produzzjoni u tat-Trasferiment ta' Mini Antipersonell u dwar il-Qerda Tagħhom (Trattat għall-Projbizzjoni tal-Mini),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Nairobi adottat f'Dicembru 2004,

–  wara li kkunsidra t-8 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottawa, li saret fil-Ġordan f'Novembru 2007, id-9 Laqgħa ta' l-Istati Firmatarji fl-2008 u l-ewwel Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2009,

–  wara li kkunsidra l-Kampanja Internazzjonali għall-Projbizzjoni tal-Mini ta' l-Art li topera f'iktar minn 70 pajjiz fid-dinja kollha,

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Kunsill Ewropew (KE) Nri 1724/2001 u 1725/2001,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi minn Novembru 2007, kien hemm 156 Stat Firmatarju għall-Konvenzjoni ta' Ottawa,

B.  billi sensiela ta' parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew niedu inizjattivi għall-promozzjoni ta' l-iżvilupp ulterjuri ta' azzjonijiet għall-kontroll u l-projbizzjoni tal-mini ta' l-art u billi, f'dan ir-rigward, il-Parlament Ewropew appoġġja b'mod attiv programm għat-tneħħija tal-mini f'Ċipru,

C.  billi huma biss ftit pajjiżi li għadhom jipproduċu l-mini antipersonell u l-kummerċ tal-mini antipersonell prattikament waqaf, u billi mill-1999, inqerdu madwar 41.8 miljuni mini antipersonell,

D.  billi bejn l-1999 u l-2004, tneħħew 4 miljuni mini antipersonell u miljun mina antivettura u iktar minn 2000 km² (ekwivalenti għad-daqs tal-Lussemburgu) ta' art ikkontaminata tnaddfu mill-mini ta' l-art,

E.  billi madanakollu huwa stmat li iktar minn 200 000 km² ta' territorju madwar id-dinja (ekwivalenti għad-daqs tas-Senegal) huma kkontaminati b'mini u b'munizzjon li ghadu ma splodiex,

F.  billi dan ifisser li aktar minn 90 pajjiż għadhom kontaminati b'mini u munizzjon li għadu ma splodiex, u li minnhom 56 għandhom problemi bil-mini antivettura u li minnhom mill-inqas 25 għandhom problemi b'munizzjon tat-tip "cluster" li għadu ma splodiex,

G.  billi n-numru ta' vittmi rrapurtati naqas minn 11 700 (fl-2002) ghal 5751 (fl-2006),

H.  billi madanakollu n-numru stmat ta' każijiet li ma jiġux irrappurtati ta' vittmi tal-mini ta' l-art u ta' munizzjon li għadu ma splodix, għadu bejn 15 000 u 20 000 kull sena,

I.  billi għall-ewwel darba, qed jinqerdu u jitneħħew iktar mini milli qed jitpoġġew,

J.  billi l-użu minn gvernijiet ta' mini antipersonell kompla jonqos u kienu biss il-Myanmar/Burma u r-Russja li komplew iqiegħdu mini ġodda u billi l-atturi mhux statali armati naqqsu l-użu tagħhom ta' mini antipersonell jew ta' apparat esplożiv improvizzat għalkemm għadhom jużawhom fi 8 stati mill-inqas,

K.  billi minn Dicembru 2007, 35 attur mhux statali armat impenjaw ruhhom ghal projbizzjoni totali tal-mini antipersonell permezz tal-"Ftehim ta' Impenn taħt it-Talba ta' Ġinevra għall-Adeżjoni għal Projbizzjoni Totali tal-Mini Antipersonell u għal Koperazzjoni fl-Azzjoni kontra l-Mini",

L.  billi hu stmat li 78 pajjiż għad għandhom xi 250 miljun mina ta' l-art maħżunin, u billi hemm il-provi li f'iktar minn 15-il pajjiż hemm maħżuna mini antivettura u li tlettax-il stat li m'humiex firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottawa mit-Trattat għadhom jipproduċu jew iżommu d-dritt li jipproduċu mini antipersonell,

M.  billi l-ħażniet ta' mini antipersonell jridu jinqerdu malajr kemm jista' jkun, preferibbilment qabel ma jintemm il-limitu ta' erba' snin stipulat mill-Konvenzjoni ta' Ottawa,

N.  billi hemm disa' Stati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottawa, li għad iridu jeqirdu l-ħażniet tagħhom fi żmien erba' snin mill-adeżjoni għall-Konvenzjoni,

O.  billi jrid jingħata appoġġ supplimentari lill-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni ta' Ottawa, sabiex in-numru massimu ta' Stati Firmatarji jitħeġġu jwettqu l-obbligu tagħhom li jneħħu l-mini kollha fi żmien 10 snin minn meta jaderixxu mal-Konvenzjoni;

P.  billi sa mill-bidu tas-snin disgħin, il-komunità internazzjonali allokat iktar minn USD 3.4 biljuni għall-programmi ta' azzjoni kontra l-mini (għat-tneħħija tal-mini u għall-għajnuna għall-vittmi) u l-Unjoni Ewropea nefqet kważi EUR 335 miljun,

Q.  billi, madanakollu, in-nefqa għal programmi ta' dan it-tip madwar id-dinja naqset għal EUR 250 miljun fl-2005, u għalkemm żdiedet għal EUR 316-il miljun fl-2006, il-proċess qed jimxi bil-mod wisq,

R.  billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata biex ikollha rwol ta' mexxejja għal żmien twil f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-azzjonijiet kontra l-mini u ma' l-iffinanzjar tagħhom sabiex jinkisbu l-universalizzazzjoni u l-implimentazzjoni sħaħ tat-Trattat,

S.  billi fl-2007 l-Kummissjoni impenjat total ta' EUR 313-il miljun għal azzjoni kontra l-mini f'10 pajjiżi (il-Belarus, il-Bosnja Ħerzegovina, il-Kambodja, Ċipru, l-Etjopja, l-Ginea-Bissaw, il-Ġordan, il-Libanu, is-Senegal u s-Sudan),

T.  billi d-Dokument ta' Strateġija 2005-2007 jenfasizza l-benefiċċji ta' linja baġitarja speċifika għall-mini antipersonell sabiex tiġi provduta l-kapaċità "għal rispons għal bżonnijiet gravi u mhux pjanati","biex jissaħħu u jitqawwew l-effiċjenza u l-effettività ta' l-azzjonijiet kontra l-mini li jitwettqu fi ħdan programmi umanitarji fuq perjodu ta' żmien twil u programmi għall-iżvilupp soċjoekonomiku fuq perjodu ta' żmien twil" fil-każi meta "s-CSP, l-NIP jew l-istrumenti ekwivalenti ma jistgħux legalment jappoġġjaw attivitajiet relatati mal-mini antipersonell jew f'każi ta' sensittività jew interess politiċigħall-KE", u biex jiġu appoġġjati organizzazzjonijiet mhux governattivi,

U.  billi madanakollu, il-linja baġitarja tal-Kummissjoni dwar il-mini antipersonell tneħħiet mill-Istrument għall-Istabbilità fl-aħħar ta' l-2006 u l-Istrateġija u l-Ipprogrammar ta' l-Azzjoni tal-KE kontra l-Mini se tintemm din is-sena u se tiġi sostiwita bi programmaw li se jsir kważi kompletament mid-delegazzjonijiet ta' l-UE fuq il-bażi tal-linji gwida li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni u billi tiġi integrata azzjoni kontra l-mini fid-Dokumenti ta' Strateġija għal Pajjiżi jew Reġjuni; billi barra minn hekk, se jkunu l-imsieħba tal-KE affettwati mill-mini li se jiddeċiedu l-grad ta' importanza li se jingħata lill-azzjoni kontra l-mini fil-listi globali tagħhom ta' prijoritajiet għall-assistenza fit-talbiet tagħhom lill-Kummissjoni għal għajnuna finanzjarja,

V.  billi, għalkemm il-Kummissjoni tistqarr li se tibqa' impenjata fermament fl-appoġġ tagħha għall-Konvenzjoni ta' Ottawa, jista' jintwera tħassib, li fil-fatt intwera, dwar il-livelli finanzjarji futuri ta' l-azzjoni kontra l-mini ta' l-UE,

W.  billi jridu jittejbu l-għajnuna għall-vittmi u r-rijintegrazzjoni soċjoekonomika tal-vittmi tal-mini kif mitlub mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta' Ottawa; billi huwa stmat li fid-dinja jeżistu 450 00 – 500 000 persuna li baqgħu ħajjin u n-numru ta' persuni li baqgħu ħajjin wara aċċident ikkawżat minn mina ta' l-art jew munizzjon li għadu ma splodiex u li għandhom bżonn kura u rijabilitazzjoni qed jikber; billi tliet kwarti tal-vittmi rreġistrati huma nies ċivili u 34% tal-vittmi ċivili huma tfal,

X.  waqt li jerġa jafferma l-bżonn li tissaħħaħ il-liġi umanitarja internazzjonali abblikabbli għall-mini antivettura li għandha tiġi stabbilita mill-Grupp ta' Esperti Governattivi taħt il-Konvenzjoni ta' Ċerti Armi Konvenzjonali, waqt li jitqies li l-mini antivettura li huma armati bi fuses sensittivi u apparat antimanipulazzjoni li jistgħu jieħdu minħabba l-att involontarju ta' persuna diġà huma pprojbiti mill-Konvenzjoni peress li huma theddida mortali għall-komunitajiet vulnerabbli u għall-ħaddiema li qed jagħtu għajnuna umanitarja, u kif ukoll għal dawk li jkunu qed ineħħu l-mini,

Y.  waqt li jinsab imħasseb li 29 pajjiż li għandhom skadenzi għat-tneħħija tal-mini mandati mit-trattat fl-2009 jew l-2010 ma tantx fadlilhom żmien biex jagħmlu dan u jenfasizza b'mod partikolari li Stat Membru ta' l-UE saħansitra naqas milli jibda l-attivitajiet ta' tneħħija tal-mini minkejja l-obbligu tat-trattat biex itemm l-attivitajiet kollha ta' tneħħija sa l-2009, filwaqt li Stat Membru ieħor ma bdiex l-attivitajiet qabel Ottubru li għadda,

Z.  jirrimarka bi tħassib li l-iffinanzjar għall-għajnuna għal dawk li baqgħu ħajjin jinkludi biss 1% ta' l-iffinanzjar totali għal azzjoni kontra l-mini u li l-progress biex jintlaħqu l-bżonnijiet u ta' dawk li baqgħu ħajjin u biex jiġu rrispettati d-drittijiet tagħhom għandu jitqies bħala mhux biżżejjed; billi mill-inqas 13-il pajjiż għandhom ħtieġa urġenti ta' programmi ġodda jew supplimentari għall-edukazzjoni dwar ir-riskju tal-mini,

1.  Iħeġġeġ lill-istati kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottawa sabiex il-Konvenzjoni tiġi universalizzata biex jinkiseb l-għan komuni ta' dinja ħielsa mill-mini;

2.  Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza li l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Pakistan u l-Indja jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Ottawa;

3.  Jinkoraġġixxi liż-żewġ Stati Membri ta' l-UE li għadhom ma aderixxewx mal-Konvenzjoni jew li għadhom ma temmewx il-proċess ta' ratifikazzjoni biex jagħmlu dan qabel il-konferenza ta' reviżjoni li jmiss tal-Konvenzjoni ta' Ottawa li se ssir fl-2009;

4.  Iħeġġeġ lill-atturi mhux statali armati kollha biex juru r-rispett tagħhom għall-istandard umanitarju stabbilit mill-Konvenzjoni ta' Ottawa billi jwaqqfu l-produzzjoni u l-użu tal-mini ta' l-art antipersonell u biex jiffirmaw il-Ftehim ta' Impenn taħt it-Talba ta' Ġinevra;

5.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati biex jibdew immedjatament it-tħejjijiet għall-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Konvenzjoni ta' Ottawa li se ssir fl-2009 u biex jagħmlu proposta għall-'azzjoni konġunta' ppjanata f'dan il-kuntest;

6.  Jistieden lill-Istati Firmatarji kollha biex jimplimentaw b'mod sħiħ u malajr l-obbligi tagħhom kollha skond il-Konvenzjoni ta' Ottawa;

7.  Iħeġġeġ lil kull Stat Membru, kull pajjiż kandidat u kull firmatarju għall-Konvenzjoni ta' Ottawa biex jinsistu li kwalunkwe mina li hemm ċans tisplodi bil-preżenza, l-qrubija jew il-kuntatt ma' persuna hija mina antipersonell projbita mill-Konvenzjoni; jirrimarka li, speċifikament, dan ifisser li tripwires, break wires, tilt rods, fuses ta' pressjoni baxxa, apparat antimanipulazzjoni u fuses simili huma projbiti għall-Istati Firmatarji għall-Konvenzjoni;

8.  Jitlob li l-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati immedjatament jieħdu l-miżuri biex jiżguraw li l-mini antivettura li hemm ċans jisplodu bil-preżenza, qrubija jew kuntatt ta' persuna jinqerdu bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Ottawa;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura b'mod sħiħ id-determinazzjoni u l-isforzi kontinwi tagħha biex tgħin finanzjarjament lill-komunitajiet u lill-individwi affettwati mill-mini antipersonell permezz ta' l-istrumenti kollha disponibbli, inkluż fit-territorji taħt il-kontroll jew l-influwenza ta' atturi mhux statali armati u jistieden lill-Kummissjoni biex tidher quddiem il-Parlament fil-bidu ta' l-2008 biex tiċċara l-azzjoni tagħha f'dan il-kuntest;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa ddaħħal mill-ġdid linja baġitarja speċifika dwar il-mini antipersonell għall-iffinanzjar ta' l-azzjonijiet kontra l-mini, ta' l-għajnuna lill-vittmi u tal-qerda ta' ħażniet meħtieġa mill-Istati Firmatarji li ma jistgħux jiġu ffinanzjati permezz ta' l-istrumenti għall-iffinanzjar il-ġodda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li jsiru disponibbli biżżejjed riżorsi wara l-2007;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżomm biżżejjed staff biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tagħha dwar il-projbizzjoni ta' mini antipersonell, u anke biex tiżgura li l-azzjoni kontra l-mini hija espliċitament inkluża fid-Dokumenti ta' Strateġija għal Pajjiżi ta' l-Istati Firmatarji affettwati mill-mini u fil-Programmi Indikattivi Nazzjonali u biex tkun tista' ssegwi l-iffinanzjar kollu għall-azzjoni kontra l-mini permezz ta' l-istrumenti differenti għall-iffinanzjar;

12.  Jistieden lill-Istati Firmatarji, b'mod partikolari lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati ta' l-UE, biex jiżguraw li l-iffinanzjar tagħhom għat-tneħħija tal-mini jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' kapaċità nazzjonali għat-tneħħija tal-mini biex ikun garantit li l-attivitajiet għat-tneħħija tal-mini jitkomplew sakemm jitnaddfu l-inħawi kollha magħrufa li fihom il-mini jew li huma ssuspettati li fihom;

13.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jappoġġjaw l-isforzi biex l-atturi mhux statali armati jimpenjaw ruħhom għal projbizzjoni tal-mini ta' l-art, sitwazzjoni li ma timplikax appoġġ għal atturi mhux statali armati jew l-attivitajiet tagħhom jew rikonoxximent tal-leġittimità tagħhom;

14.  Jistieden lill-pajjiżi affettwati mill-mini u lid-donaturi internazzjonali biex jagħtu prijorità ikbar lir-rijabilitazzjoni fiżika u ekonomika ta' dawk li baqgħu ħajjin, minħabba li l-bżonnijiet tagħhom m'humiex qed ikunu indirizzati b'mod xieraq;

15.  Jistieden lill-kumitati relevanti kollha biex jimmonitoraw u jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, biex jirrapurtaw dwar l-inizjattivi ta' l-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati dwar il-mini ta' l-art, u biex jirrapurtaw dwar miżuri internazzjonali oħra li jikkonċernaw armi ta' dan it-tip;

16.  Ifakkar li kull Stat Firmatarju għall-Konvenzjoni ta' Ottawa impenja ruħu li fl-ebda ċirkostanza m'hu se jassisti, jinkoraġġixxi jew jipperswadi, bi kwalunkwe mod, lil xi ħadd biex iwettaq xi attività projbita lil Stat Firmatarju mill-Konvenzjoni;

17.  Jistieden lill-Istati Firmatarji biex jiżguraw li huma ma jippermettux lill-istituzzjonijiet finanzjarji li huma attivi fit-territorju tagħhom u/jew li huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni tagħhom biex jinvestu f'kumpaniji involuti fil-produzzjoni, il-ħażna jew it-trasferimenti ta' mini ta' l-art;

18.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati biex jipprojbixxu kull tip ta' appoġġ finanzjarju dirett jew indirett minn istituzzjonijiet finanzjarji privati jew pubbliċi li jkunu attivi fit-territorju tagħhom u/jew suġġett għal-leġiżlazzjoni tagħhom lil kumpaniji involuti fil-produzzjoni, il-ħażna jew it-trasferiment ta' mini ta' l-art; iqis li din il-projbizzjoni għandha tkun inkorporata fil-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali;

19.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.