Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0543/2007Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0543/2007

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

11.12.2007

biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
mressqa minn Hannes Swoboda u Pasqualina Napoletano
f'isem il-Grupp PSE
dwar is-Sammit bejn iċ-Ċina u l-UE, Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Proċedura : 2007/2678(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0543/2007

B6‑0543/2007

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sammit bejn l-UE u ċ-Ċina - Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-għaxar Samit bejn l-UE u ċ-Ċina, li seħħ f'Beijing fit-28 ta' Novembru 2007 u d-Dikjarazzjoni Konġunta adottata,

–   wara li kkunsidra l-aktar żewġ laqgħat interparlmentari reċenti maċ-Ċina, li seħħew f'Beijing u t-Tibet f'Ġunju 2007 u fi Strasburgu f'Settembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina,

–   wara li kkunsidra r-rawnds tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina li saru f'Beijing fis-17 ta' Ottubru 2007 u f'Berlin fil-15 u s-16 ta' Mejju 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura.

A.  billi s-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina hija ta' importanza kbira għar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina, u billi sħubija ġenwina għandha tkun bbażata fuq valuri komuni għat-tnejn,

B.  billi l-valuri demokratiċi, il-kredibilità, l-istabilità u r-responsabilità għandhom jikkostitwixxu l-bażi fundamentali għar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

C.  billi l-aċċettazzjoni tal-politika ta' Ċina waħda ssaħħaħ ir-rispett għal riżoluzzjoni paċifika għall-kwistjoni tat-Tajwan permezz ta' djalogu kostruttiv,

D.  billi t-tisħiħ tar-relazzjoni ta' l-UE maċ-Ċina se jkun kruċjali fl-iffaċċjar ta' sfidi globali bħall-bidla fil-klima, is-sikurezza u t-twaqqif tal-proliferazzjoni ta' l-armi,

E.  billi l-'koperazzjoni settorjali' bejn l-UE u ċ-Ċina kibret konsiderevolment f'dawn l-aħħar snin,

F.  Billi r-relazzjonijiet kummerċjali u l-koperazzjoni ekonomika bejn l-UE u ċ-Ċina jeħtieġu aċċess reċiproku għas-suq bbażat fuq il-bażi legali tar-regoli tad-WTO, b'mod partikolari fir-rigward tas-siġurtà u s-sikurezza tal-prodotti kif ukoll id-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali (IPR),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istqarrija Konġunta ta' l-għaxar Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li fih iż-żewġ partijiet ikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżviluppaw sħubija strateġika komprensiva biex jiġu indirizzati sfidi globali,

2.  Jenfasizza l-importanza tan-negozjati li għaddejjin dwar Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni li se jinvolvi l-ambitu sħiħ tar-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluża koperazzjoni msaħħa fi kwistjonijiet politiċi,

3.  Jistieden biex jitħaffef id-djalogu maċ-Ċina u ma' pajjiżi emerġenti oħra, sabiex jinbena suq ta' l-enerġija globali li jkun stabbli u prevedibbli, ibbażat fuq regoli ġusti u trasparenti u mmirat lejn sforz kollettiv fil-ġlieda kontra t-tisħin tad-dinja u l-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli,

4.  Iqis li l-piraterija u l-iffalsifikar ta' prodotti u ditti Ewropej mill-industriji Ċiniżi jikkostitwixxu vjolazzjoni serja tar-regoli kummerċjali internazzjonali, iħeġġeġ lill-Awtoritajiet Ċiniżi biex itejbu konsiderevolment il-ħarsien tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali u jistieden liċ-Ċina biex tinfurza l-liġijiet attwali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' progress konkret fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' rispett reċiproku li jiggwidaw ir-relazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina,

   Jenfasizza l-pressjoni li jqiegħed fuq id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina, inkluż is-seminar legali ta' akkumpanjament;

   iqis li r-rappreżentazzjoni ta' NGOs u partijiet interessati soċjali oħra hija riżorsa importanti ħafna għall-partijiet kollha involuti fid-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina u għalhekk għandhom ikunu mħeġġa;

7.  Iqis li l-kwistjonijiet diskussi fir-rawnds ta' djalogu suċċessivi maċ-Ċina, bħar-ratifika tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ir-riforma tas-sistema tal-ġustizzja kriminali, inkluża l-piena kapitali u s-sistema ta' edukazzjoni mill-ġdid permezz tax-xogħol, il-libertà ta' espressjoni, partikolarment l-internet, il-libertà ta' l-istampa, il-libertà ta' l-aċċess għall-informazzjoni, il-libertà ta' kuxjenza, ħsieb u reliġjon, is-sitwazzjoni tal-minoritajiet fit-Tibet, il-ħelsien tal-maqbuda wara l-ġrajjiet fi Pjazza Tiananmen, u d-drittijiet tal-ħaddiema u drittijiet oħra, għandhom ikomplu jitqajmu fil-kuntest tad-djalogu, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn djalogi preċedenti li kien hemm qbil reċiproku dwarhom miż-żewġ partijiet u minn seminars dwar kwistjonijiet legali; għal dan il-għan, jistieden lill-Kunsill biex iqis li jestendi l-perjodu ta' żmien tad-djalogu u jippermetti aktar żmien għad-diskussjoni għall-kwistjonijiet imqajma;

8.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) kemm jista' jkun malajr;

9.  Jistieden liċ-Ċina biex tikkopera mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u tikkonforma ma' l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fl-istrumenti internazzjonali rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoritajiet.

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn biex tappoġġja l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fit-twettiq tal-funzjoni tagħha li tindirizza l-kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet tal-bniedem b'mod kredibbli, objettiv u b'mod mhux selettiv u jistedinha għal koperazzjoni msaħħa fi ħdan is-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti;

11.  Jistieden liċ-Ċina u lill-UE biex iżidu l-opportunitajiet ta' skambji miż-żewġ naħat ta' informazzjoni u strateġiji dwar il-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li l-poplu taċ-Ċina għandu rikjesta dejjem akbar għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza li għalkemm sar progress f'xi oqsma, huwa diffiċli biex wieħed jivvaluta x'impatt kellu id-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina fir-rigward tal-bidliet li seħħew; jenfasizza l-ħtieġa li d-djalogu jerġa’ jitfassal sabiex jiġi orjentat aktar lejn il-kisba ta' riżultati;

12.  Jirrakkomanda li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem ma għandux jiġi trattat separatament mill-bqija tar-relazzjonijiet Sino-Ewropej, iżda fil-qafas aktar wiesa' tar-relazzjonijiet politiċi, ekonomiċi u kummerċjali ta' l-UE maċ-Ċina, inklużi oqsma ġodda li għalihom hija meħtieġa responsabilità u koperazzjoni globali, bħal fil-qasam ta' l-enerġija u l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima.

13.  Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem qabel jiġi ffinalizzat l-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-pajjiżi ta' adeżjoni u lil dawk kandidati, lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali tal-Poplu taċ-Ċina.