Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0033/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0033/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

14.1.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Valdis Dombrovskis, Colm Burke, Maria Martens, Filip Kaczmarek ud Horst Posdorf
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar is-sitwazzjoni fil-Kenja

Proċedura : 2008/2503(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0033/2008
Testi mressqa :
B6-0033/2008
Testi adottati :

B6‑0033/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Kenja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn fuq naħa l-membri tal-Grupp ta' Stati ta' l-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, u fuq oħra l-Komunita Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ffirmata f''Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou), u emendata fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005, u b'mod partikulari l-Artikoli 8 u 9 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar kif isiru l-elezzjonijiet demokratiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' l-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika (2002),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Missjonijiet Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali u l-l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Osservaturi Elettorali Internazzjonali, imfakkra fin-Nazzjonijiet Uniti f'Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Preliminarja tal-Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea għall-Osservazzjoni ta' l-Elezzjoni (EUEOM) fil-Kenja ta' l-1 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza ta' l-UE tat-8 ta' Jannar 2008 f'isem l-Unjoni Ewropea dwar elezzjonijiet presidenzjali fil-Kenya,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skond l-Artikolu 9 tal-Ftehima ta' Sħubija bejn l-ACP u l-UE, 'ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali kollha, inklużi r-rispett għad-drittijiet ċivili fundamentali, id-demokrazija bbażata fuq l-istat tad-dritt u l-governanza trasparenti u responsabbli huma parti integrali mill-iżvilupp sostenibbli',

B.  billi l-elezzjonijiet ġenerali ta' l-2007 fil-Kenja ma laħqux l-istandards bażiċi internazzjonali u reġjonali dwar elezzjonijiet demokratiċi u kienu segwiti minn irvellijiet u tensjoni etnika li wasslu għall-imwiet ta' kważi 500 persuna,

C.  billi, bħala riżultat ta' dan il-ferment, bostja mijiet ta' persuni ħallew darhom, u l-Għaqda tas-Salib l-Aħmar tal-Kenja qiegħda tistma li t-taqlib riċenti wassal għaċ-ċaqliq ta' iżjed minn 250,000 persuna, partikolarment mill-ibliet ta' Eldoret, Kericho u Kisumu,

D.  billi dawn l-elezzjonijiet ma ssodisfawx it-tamiet u l-istennijet tal-poplu Kenjan, li ħa sehem bil-ħerqa fil-proċess elettorali billi vvutaw ħafna nies b'mod paċifiku u paċenzjuż,

E.  billi, matul il-kampanja elettorali, il-libertà ta' l-assoċjazzjoni , ta' l-espressjoni u ta' l-assemblea kienet fil-biċċa l-kbira rispettata; madankollu, billi l-kampanja kienet karatterizzata wkoll minn firdiet etnopolitiċi li kkontribwew għas-sitwazzjoni instabbli fiż-żmien ta' tħejjija għall-elezzjonijiet,

F.  billi l-komunità internazzjonali ma tatx attenzjoni biżżejjed lil dawn it-tensjonijiet etniċi li kienu jeżistu u billi f'kull sforz ta' medjazzjoni fil-ġejjieni teħtieġ tqis il-kriżi attwali tal-Kenja,

G.  billi l-Kummissjoni Elettorali tal-Kenja (ECK) ħadet ħsieb l-aspett loġistiku u tekniku ta' l-elezzjonijiet, tejbet l-aċċess għaċ-ċentri ta' reġistrazzjoni tal-votanti u ħarrġet lill-persunal ta' l-elezzjoni,

H.  billi, madankollu, l-ECK ma wrietx l-imparzjalita, it-trasparenza u l-kunfidenzjalita meħtieġa f'elezzjoni demokratika, u billi dan huwa rifless fil-proċeduri difettużi tal-ħatra tal-Kummissarji ta' l-ECK,

I.  billi l-osservaturi ta' l-EUEOM intlaqgħu mill-awtoritajiet relevanti fil-postijiet tal-votazzjoni fejn il-votazzjoni tmexxiet b'mod ordnat,

J.  billi, madankollu, l-osservaturi ta' l-EUEOM ma ġewx mogħtija l-istess aċċess għall-istazzjonijiet ta' l-għadd u kkonkludiet li n-nuqqas ta' trasparenza u proċeduri adegwati ta' sigurta jdgħajfu ħafna l-kredibbilita tar-riżultati elettorali,

K.  billi aktar minn 90% tan-nies marru jivvutaw f'xi postijiet tal-votazzjoni u billi l-ECK uriet dubbji dwar dawn iċ-ċifri għolja li m'humiex realistiċi,

L.  billi l-ġurnalisti li attendew it-tħabbira ta' l-elezzjonijiet presidenzjali fit-30 ta' Diċembru 2007 ġew imkeċċija mill-kamra fejn saret il-laqgħa,

M.  billi l-EUEOM ikkonkludew li, globalment, il-proċess ta' l-elezzjoni qabel it-tabulazzjoni kien immexxi sew u l-elezzjonijiet parlamentari kienu meqjusa b'mod ġenerali bħala suċċess,

N.  billi madankollu, l-EUEOM ikkonkludiet li l-proċess ta' l-għadd ta' l-elezzjoni presidenzjali kien nieqes mill-kredibilità u li għalhekk tiddubita kemm ir-riżultati huma eżatti,

O.  billi l-Ministru tal-Finanzi Amos Kimunyu jistma li t-taqlib politiku se jiswa lill-ekonomija Kenjana biljun Dollaru Amerikan,

P.  billi l-President tal-Ghana John Kuruor ivvjaġġa lejn il-Kenja fit-8 ta' Jannar biex ikun medjatur bejn il-President fil-kariga Mwai Kibaki u l-mexxej ta' l-oppożizzjoni Raila Odinga, sabiex tintlaħaq soluzzjoni politika,

Q.  billi fit-8 ta' Jannar il-President fil-kariga Mwai Kibaki ħatar lil 17-il membru tal-kabinett tiegħu, u għalhekk effettivament sfratta n-negozjati bejn tliet partijiet,

R.  billi l-President fil-kariga Mwai Kibaki ssuġġerixxa li jsiru diskussjonijiet bilaterali ma' l-oppożizzjoni, proposta li ġiet irrifjutata minn Raila Odinga,

S.  billi erba' Presidenti Afrikani preċedenti mill-Botswana, il-Możambik, it-Tanzanija u z-Zambja, żaru l-Kenja u appellaw lill-Kenjani biex iwaqqfu l-ġlied u jingħaqdu sabiex il-pajjiż jinżamm magħqud,

T.  billi l-Kenja impenjat ruħha għal tmexxija tajba, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall- i8stat tad-dritt fi ħdan il-qafas tal-Ftehima ta' Sħubija ta' Cotonou,

U.  billi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-EU EOM ta' l-2002, inklużi d-daqs u l-konfini tal-kostitwenzi elettorali għall-elezzjonijiet leġiżlattivi ma ġewx meqjusa biżżejjed, u billi t-tul ta' żmien tal-mandat tal-Kummissarji ta' l-ECK għandu jibqa' sejjer sa sitt xhur wara l-elezzjonijiet ġenerali, sabiex isaħħaħ l-indipendenza u l-professjonaliżmu ta' l-awtorità ta' l-elezzjoni,

1.  Jikkundanna t-telfien traġiku tal-ħajja umana u s-sitwazzjoni umanitarja kritika, u b'mod jistieden urġenti lill-awtoritajiet u l-partijiet interessati relevanti biex jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex iwasslu l-paċi f'pajjiżhom u biex jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u s-supremazija tad-dritt;

2.  Jaqbel mal-konklużjonijiet ippreżentati mill-EUEOM fid-Dikjarazzjoni Preliminari tagħha;

3.  Jiddispjaċih li, minkejja l-elezzjonijiet parlamentari b'suċċess kbir, ir-riżultati ta' l-elezzjonijiet parlamentari ma jistgħux jitqiesu bħala kredibbli minħabba r-rapporti mifruxa rigward irregolaritajiet elettorali;

4.  Jiddeplora l-fatt li minkejja dawk ir-riżultati ħżiena, il-President fil-kariga Mwai Kibaki rrifjuta l-offerta ta' medjazzjoni tal-President John Kufour u ħatar il-kabinett tiegħu;

5.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lill-President fil-kariga Mwai Kibaki biex jirrispetta l-impenji demokratiċi ta' pajjiżu kif imfissrin fil-linji gwida tal-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Poplu rigward elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

6.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat biex jimpenjaw ruħhom b'urġenza, f'azzjoni remedjali permezz ta' negozjati, bl-involviment ta' medjatur internazzjonali;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-diskussjonijiet bilaterali li saru fid-9 ta' Jannar bejn il-President John Kufour u ż-żewġ mexxejja politiċi, iżda jenfasizza li dan m'huwiex biżżejjed u li jeħtieġ li ż-żewġ partiti jibdew djalogu kostruttiv minnufih;

8.  Barra minn hekk iħeġġeġ li l-awtoritajiet Kenjani jinvestigaw urġentament, b'mod rigoruż u trasparenti, l-irregolaritajiet elettorali u jieħdu azzjoni immedjata biex jirranġaw is-sitwazzjoni u jżommu lill-awturi ta' dawn l-irregolaritajiet responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

9.  Jitlob miżuri konkreti sabiex titwaqqaf Kummissjoni Elettorali verament imparzjali ħalli fil-futur tkun tista' tmexxi elezzjonijiet ħielsa u ġusti b'mod aqwa;

10.  Jiddispjaċih għall-opportunita li ntilfet ta' l-elezzjonijiet ġenerali 2007 biex jiġi konsolidat u żviluppat aktar il-proċess elettorali u demokratiku aktar wiesa';

11.  Jistieden lill-mexxejja tal-partiti politiċi biex jieħdu r-responsabilità għall-prevenzjoni ta' iktar vjolenza fil-pajjiż, biex juru impenn għall-istat tad-dritt u biex jiżguraw rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Huwa imħasseb ferm dwar ir-riperkussjonijiet soċjali tal-kriżi ekonomika attwali u l-effett negattiv tagħhom fuq l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-pajjiż;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet relevanti sabiex, b'effett immedjat, jerġgħu idaħħlu x-xandir dirett;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kenjan biex jindirizza l-oriġini tal-korruzzjoni li dgħajfet it-tmexxija fil-biċċa l-kbira tal-pajjiż, speċjalment f'livelli statali u lokali;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-gvern tal-Kenja, lill-Ko-presidenti ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE u liċ-Chairman tal-Kummissjoni u l-Kunsill Eżekuttiv ta' l-Unjoni Afrikana.