Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0046/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0046/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.1.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck u Marco Cappato
f'isem il-Grupp ALDE
dwar L-Iran

Proċedura : 2007/2683(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0046/2008

B6‑0046/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar L-Iran

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-Iran, primarjament dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li għalihom l-Iran huwa stat kontraenti,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Iran, li waqaf minn Ġunju 2004,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/62/168 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 2007 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1696, 1737 u 1747 tal-UNSC,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-attivitajiet nukleari ta' l-Iran imressaq mid-Direttur Ġenerali ta' l-Aġenzija ta' l-Enerġija Atomika Internazzjonali (IAEA) fil-15 ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell ta' l-14 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta miċ-Chairmen tat-tieni laqgħa Interparlamentari bejn il-PE u l-Iran li seħħet f'Tehran fit-8 u 9 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi marret għall-agħar f'dawn l-aħħar sentejn, b'mod partikolari mill-elezzjonijiet presidenzjali ta' Ġunju 2005 'l hawn, minkejja l-fatt li l-Iran impenja ruħu biex jippromwovi u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skond l-istrumenti internazzjonali varji f'dan il-qasam,

B.  »billi skond Amnesty International, l-għadd ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran, inklużi dawk ta' minorenni u omosesswali, li ta' sikwit jitwettqu fil-pubbliku bil-forka jew bit-tħaġġir, żdied b'mod drammatiku, u tella' l-għadd ta' eżekuzzjonijiet irreġistrati mill-bidu ta' l-2007 għal ta' l-inqas 244, numru li jaqbeż il-177 eżekuzzjoni rreġistrata fl-2006,

«

C.  billi, matul it-62 sessjoni fl-2007, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat riżoluzzjoni li ssejjaħ għal moratorium globali dwar l-eżekuzzjonijiet, biex tiġi introdotta bħala pass 'il quddiem fil-qerda tal-piena tal-mewt, u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li Shirin Ebadi, ir-rebbieħ tal-Premju Nobel, stieden lill-Gvern Iranjan biex jimplimenta din ir-riżoluzzjoni,

D.  billi għadha mifruxa l-prattika tat-tortura u t-trattament ħażin tal-priġunieri, il-priġunerija f'iżolazzjoni, id-detenzjoni klandestina, l-applikazzjoni ta' kastigi krudili, inumani u degradanti u l-impunità ta' l-aġenti ta' l-istat,

E.  billi hemm għadd dejjem akbar ta' intelletwali li qed ikunu arrestati u billi riċentement il-mewġa ta' repressjoni ġiet estiża għal persuni b'ċittadinanza doppja, li jiffaċċjaw l-iktar akkużi serji ta' kollaborazzjoni ma' qawwiet barranin jew spjunaġġ,

F.  billi bosta attivisti li jiffurmaw parti mill-moviment għad-drittijiet tan-nisa qed ikunu, jew kienu, imħarrka għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-kampanja 'miljun firma' , li għandha l-għan li tikseb ir-revoka ta' liġijiet li jiddiskriminaw kontra n-nisa u li l-pjan tagħha huwa li l-firem jitressqu quddiem il-Parlament Nazzjonali (Majlis),

G.  billi l-Iran għadu mhux stat kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

H.  billi wara l-introduzzjoni mill-Ministru għall-Kultura u l-Gwida Islamika tal-'Linji gwida proċedurali għall-Pubblikazzjoni' ssaħħet iċ-ċensura, u billi l-ġurnalisti qed ikunu dejjem aktar ippersegwitati u mitfugħa l-ħabs, waqt li fl-istess ħin il-mezzi tax-xandir qed jingħalqu b'mod regolari mill-awtoritajiet,

I.  billi l-minoranzi qed ikunu dejjem aktar diskriminati u ppersegwitati minħabba r-reliġjon jew l-oriġini etnika tagħhom, b'mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri (il-Kurdistan, il-Khuzestan, is-Sistan-Baluchistan, l-Ażerbajġan), u billi dan jinkludi l-issuktar tad-detenzjoni tagħhom u l-kundanni għall-mewt ta' uħud mill-membri tagħhom,

J.  billi l-membri tal-komunitajiet reliġjużi tal-Baha'is ma jistgħux jipprattikaw l-fidi tagħhom u huma esposti għal persekuzzjoni qawwija u huma mċaħħda minn kważi kull dritt ċivili (eż. id-dritt għall-propjetà, l-aċċess għall-edukazzjoni ogħla) u billi s-siti reliġjużi tagħhom qed ikunu vvandalizzati,

K.  jikkundanna l-fatt li l-Iran għadu ma kkonformax ma' l-obbligi internazzjonali tiegħu li jissospendi kull attività ta' arrikkiment ta' l-uranju u ta' l-ipproċessar mill-ġdid tal-fjuwil sabiex terġa' tinkiseb il-kunfidenza fin-natura totalment paċifika tal-programm nukleari tiegħu,

L.  jiddispjaċih li la r-Rappreżentant Għoli ta' l-UE, wara id-diskussjonijiet tiegħu man-negozjatur Iranian dwar in-nukleari, u lanqas id-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA ma kienu fil-qagħda li jirrapportaw li ntlaħaq riżultat pożittiv fil-forma ta' konformità mar-rekwiżiti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti min-naħa ta' l-Iran,

M.  billi l-Istati Membri ta' l-UE għandhom irażżnu lilhom infushom milli jkeċċu lil persuni Iranjani li qed ifittxu ażil, inklużi dawk ippersegwitati fuq il-bażi ta' l-orjentazzjoni sesswali jew it-twemmin reliġjuż tagħhom bħall-Kristjani, u l-Greċja ma għandhiex tibgħat lura lejn l-Iran lil Mohammad Hassan Talebi, Mohammad Hossein Jaafari u Vahid Shokoohi Nia;

Id-drittijiet tal-bniedem

1.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament tal-qagħda tad-drittjiet tal-bniedem fl-Iran matul dawn l-aħħar snin; jappella lill-awtoritajiet Iranjani biex jonoraw l-obbligi tagħhom skond l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti rratifikati mill-Iran, billi jippromwovu l-valuri universali u jagħtu lil kulħadd id-dritt li jeżerċita d-drittijiet ċivili u l-libertajiet politiċi;

2.  Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda drammatika fir-repressjoni tal-movimenti tas-soċjetà ċivili fl-Iran matul din l-aħħar sena; jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex iġibu fit-tmiem ir-repressjoni ħarxa kontra d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-attivisti tal-kampanja 'miljun firma', il-movimenti ta' l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tal-minoranzi, l-intelletwali, l-għalliema, il-ġurnalisti, dawk li jużaw l-internet u t-trejdjunjonisti;

3.  Ifakkar lill-Gvern ta' l-Iran fl-obbligi tiegħu, bħala firmatarju tal-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, biex iħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b'mod partikolari l-libertà ta' l-opinjoni, u jitlob li jinħelsu l-priġunieri tal-kuxjenza kollha;

4.  Huwa xxukkjat minn għadd dejjem akbar ta' eżekuzzjonijiet irreġistrati, fejn ħafna minn dawk maqtula anqas biss ikollhom ġuri ġust;

5.  Jitlob lill-Iran biex jirrispetta bis-sħiħ il-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali tiegħu u biex jagħti d-dritt għal ġuri ġust lill-individwi kollha, b'mod partikulari billi l-akkustati jitħallew ikollhom aċċess għal avukat mill-bidu tal-proċess ġuridiku; iħeġġeġ biex tkun ipprovduta għajnuna medika adegwata mingħajr kundizzjoni lil dawk il-priġunieri li ma jkunux f'saħħithom;

6.  Jikkundanna bil-qawwa s-sentenzi għall-mewt u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, b'mod partikulari dawk li ġew imposti u/jew li seħħew fuq delinkwenti żgħażagħ u minorenni, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali rikonoxxuti internazzjonalment rigward il-minorenni, bħall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jimplimentaw il-projbizzjoni fuq it-tortura li kienet imħabbra mill-Kap tal-Ġudikatura f'April 2004;

8.  Jitlob lill-Parlament Iranjan biex jemenda l-Liġi ta' l-Istampa u l-Kodiċi Penali u biex jagħmilhom konformi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikulari biex jirrevoka d-dispożizzjonijiet kriminali kollha li jittrattaw l-espressjoni paċifika ta' opinjonijiet, inkluż fl-istampa;

9.  Jitlob li l-ħafna organi ta' l-istampa li kienu mġiegħla jagħlqu jew ġew iċċensurati jkunu jistgħu jaħdmu skond ir-regoli stabbiliti tal-libertà ta' l-istampa;

10.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex iħaffu l-proċess ta' investigazzjoni fil-qtil u l-imwiet suspettużi ta' intelletwali u attivisti politiċi, biex dawk li allegatament wettqu dawn id-delitti jitressqu quddiem il-ġustizzja;

11.  Jappella lill-membri tal-Majlis biex kemm jista' jkun malajr jemendaw il-Kodiċi Penali sabiex jibdlu l-moratorju fuq it-tħaġġir fi projbizzjoni definittiva, u biex jadottaw leġiżlazzjoni fejn l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti żgħażagħ u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal atti ta' omosesswalità jew adulterju ssir illegali;

12.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jimplimentaw is-salvagwardji kollha meħtieġa f'każijiet ta' piena tal-mewt u biex jillimitaw l-ambitu ta' reati li l-piena tagħhom hija l-mewt, bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni ta' din il-piena; jistieden lill-poplu Iranjan biex jappoġġja l-kampanja bit-titolu 'Inwaqqfu l-Piena tal-Mewt: id-Dinja Tiddeċiedi' mibdija mill-Koalizzjoni Dinjija Kontra l-Piena tal-Mewt (WCADP) u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra;

13.  Jitlob lill-awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw is-salvagwardji legali rikonoxxuti fir-rigward ta' persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi reliġjużi, kemm jekk huma rikonoxxuti uffiċjalment u kemm jekk le; jikkundanna n-nuqqas ta' rispett attwali tad-drittijiet tal-minoranzi u jitlob li l-minoranzi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet kollha mogħtija mill-Kostituzzjoni Iranjani u l-liġi internazzjonali; jitlob ukoll lill-awtoritajiet biex jeliminaw kull forma ta' diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi jew kontra persuni li jiffurmaw parti minn minoranzi, bħall-Kurdi, l-Ażeri, l-Għarab, il-'Baluchis' u l-Baha'i; jitlob b'mod partikolari li titneħħa l-projbizzjoni de facto fuq il-prattika tal-fidi Baħa'i;

14.  Iħeġġeġ lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex tivvota fuq riżoluzzjoni li b'mod espliċitu u deċiżiv tikkundanna l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem fl-Iran u tistieden lill-Gvern Iranjan biex jadotta miżuri urġenti biex iwaqqaf il-mewġa reċenti ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran;

15.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jissorveljaw mill-qrib l-iżviluppi fl-Iran u anki biex iqajmu każijiet konkreti ta' abbuż tad-drittjiet tal-bniedem; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iressqu rapporti dwar is-sorveljanza tal-qagħda fl-Iran;

16.  Jipproponi li d-Djalogu tad-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Iran, li twaqqaf f'Ġunju 2004, jerġa' jinbeda;

17.  Itenni l-apoġġ tiegħu għal dawk l-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti kollha fl-Iran li jfittxu d-djalogu fil-ġlieda tagħhom għad-drittijiet demokratiċi;

18.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħmel mill-aħjar tagħha biex tappoġġja l-iskambji akkademiċi, soċjo-ekonomiċi, kulturali u tas-soċjetà ċivili bejn l-Ewropa u l-Iran fl-interess ta' djalogu miftuħ, b'mod partikolari permezz ta' l-Istrument ġdid għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR);

Programm Nukleari

19.  Jenfasizza l-fatt li l-kisba min-naħa ta' l-Iran ta' kapaċità militari nukleari ma tkunx aċċettabbli u jistieden lill-Gvern Iranjan biex jipprovdi tweġibiet sħaħ, ċari u kredibbli lill-IAEA biex jissolvew il-kwistjonijiet kollha dwar l-attivitajiet nukleari ta' l-Iran, biex jirratifika u jimplimenta l-Protokoll Addizzjonali mal-Ftehima ta' Salvagwardji tiegħu u biex jimplimenta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet sussidjarji tiegħu;

20.  Jemmen li t-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet u l-miżuri ta' trasparenza mitluba mill-IAEA jikkostitwixxu pass pożittiv biex tinbena l-kunfidenza ta' l-UE u tal-komunità internazzjonali rigward il-programm nukleari ta' l-Iran;

21.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-Kunsill biex tinstab soluzzjoni negozjata għal medda twila ta' żmien rigward il-kwistjoni nukleari ta' l-Iran u jenfasizza li l-proposti ta' l-UE jaslu biex jagħtu lill-Iran dak kollu li jeħtieġ biex jiżviluppa industrija ta' l-enerġija nukleari ċivili filwaqt li jiġi indirizzat it-tħassib internazzjonali;

22.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adottata taħt Kapitolu VII, Artikolu 41, tal-Karta tan-NU u jistieden lill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni biex jiddeċiedi liema azzjoni se tieħu l-UE fid-dawl tad-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;

23.  Jagħi istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kap tal-Qorti Suprema Statali ta' l-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran.