MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
23.1.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano, Christa Prets, Libor Rouček u Vicente Miguel Garcés Ramón
f'isem il-Grupp PSE
dwar l-Iran
B6‑0048/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, b'mod speċifiku dawk dwar il-kwistjoni nukleari u d-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari dawk ir-riżoluzzjonijiet adottati fit-13 ta' Ottubru 2005, fis-17 ta' Novembru 2005, fil-15 ta' Frar 2006 u fil-25 ta' Ottubru 2007,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, b'mod partikulari dawk ta' l-14 ta’ Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 1696 (31 ta' Lulju 2006), 1737 (27 ta' Diċembru 2006) u 1747 (24 ta' Marzu 2007) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-programm nukleari Iranjan,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma miftiehem bejn l-Iran u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA), immirat biex jiġu ċċarati l-kwistjonijietrelatati mal-programm nukleari ta' l-Iran (Implimentazzjoni tal-Ftehima dwar is-Salvagwardji tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran COV/2007/48 (30 ta' Awissu 2007), u d-dokument mehmuż INFCIRC/711),
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Bord tal-Gvernaturi ta' l-IAEA, u b'mod partikulari dak (GOV/207/58) tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehima dwar is-Salvagwardji tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari u d-dispożizzjonijiet relevanti tar-riżoluzzjonijiet 1737 u 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Estimi tas-Servizzi ta' Intelliġenza (National Intelligence Estimate) ta' l-Istati Uniti dwar l-Intenzjonijiet u l-Kapaċitajiet Nukleari ta' l-Iran, li ġie ppubblikat fit-3 ta' Diċembru 2007 u l-istqarrija (stqarrija għall-istampa 2007/22) mid-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA dwar din il-kwistjoni,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 61/176 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-19 ta' Diċembru 2006 u, b'mod partikulari, ir-Riżoluzzjoni 62/168 ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Islamika ta' l-Iran, adottat fit-18 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt, adottata fit-18 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra t-Tieni laqgħa interparlamentari PE-Iran li saret f'Teheran mid-7 sad-9 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
Dwar il-kwistjoni nukleari:
A. billi l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari jiddikjara "li xejn f'dan it-Trattat m'għandu jiġi interpretat li jaffetwa lid-dritt inaljenabbli tal-Partijiet kollha għat-Trattat li jiżviluppaw riċerka, produzzjoni u użu ta' enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi bla diskriminazzjoni u bi qbil ma' l-Artikoli I u II ta' dan it-Trattat",
B. billi l-Iran s'issa għadu ma ssospendiex l-attivitajiet kollha relatati ma' l-arrikkiment u mar-riproċessar u għadu ma implimentax il-Protokolli Addizzjonali tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari, kif intalab mir-Riżoluzzjonijiet 1696/2006, 1737/2006 u 1747/2007 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jerġa' jagħti kunfidenza fin-natura kompletament paċifika tal-programm tiegħu,
C. billi l-aħħar diskussjonijiet li saru f'Londra fit-30 ta' Novembru 2007 bejn ir-Rappreżentant Għoli ta' l-UE, Javier Solana, u n-negozjatur nukleari Iranjan, Saeed Jalili, ma pproduċewx riżultat pożittiv, partikularment f'dak li għandu x'jaqsam mat-twettiq mill-Iran tar-rekwiżiti imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jiġi sospiż l-arrikkiment nukleari,
D. billi d-Direttur Ġenerali ta' l-IAEA Mohammed ElBaradei, fl-aħħar rapport (GOV/207/58) tal-15 ta' Novembru 2007, innota li sar progress fl-implimentazzjoni tas-salvagwardji ta' l-IAEA fl-Iran u li l-Iran provda aktar informazzjoni dwar l-aspetti passati tal-programm nukleari tiegħu; billi, madankollu, enfasizza li hemm bżonn ta' aktar koperazzjoni biex tiġi spjegata l-attività attwali, inklużi t-traċċi ta' uranju arrikkit ħafna li sabu l-ispetturi fis-siti nukleari, u billi ħeġġeġ lill-Iran biex jimplimenta l-protokoll addizzjonali malajr kemm jista' jkun,
E. billi fl-Estimi tas-Servizzi ta' Intelliġenza ta' l-Istati Uniti (US NIE), publikati fit-3 ta' Diċembru 2007, ġie stabbilit li l-Iran, wara li waqqaf il-programm tiegħu għall-armi nukleari fl-2003, kien għadu ma reġgħax bdih sa nofs l-2007, minkejja l-preokkupazzjonijiet li jirrigwardaw l-arrikkiment ta' l-uranju u l-użu potenzjali tiegħu fil-futur għall-armi nukleari,
F. billi l-adozzjoni tar-Riżoluzzjonijiet 1737 u 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tirrikjedi inizjattivi politiċi u diplomatiċi ulterjuri mill-komunità internazzjonali sabiex jinkiseb progress konkret,
G. billi l-mexxejja tal-G8, fis-summit annwali tagħhom li sar mis-6 sat-8 ta' Jannar 2007, enfasizzaw l-importanza li jiġi żviluppat u implimentat mekkaniżmu ta' approċċi multilaterali għaċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari bħala alternattiva għall-attivitajiet nazzjonali ta' arrikkiment u riproċessar,
Dwar id-drittijiet tal-bniedem:
H. billi l-istituzzjonijiet internazzjonali relevanti kollha, l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili Iranjana u d-difensuri tad-drittijiet jaqblu li l-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran marret għall-agħar f'dawn l-aħħar snin, minkejja diversi impenji li ħadu l-awtoritajiet Iranjani biex jippromwovu l-valuri universali,
I. billi n-numru ta' eżekuzzjonijiet fl-Iran, inklużi dawk ta' minorenni u omosesswali, li aktarx jitgħallqu pubblikament, żdied b'mod drammariku f'dawn l-aħħar snin u b'mod partikulari fl-2007,
J. billi f'dawn l-aħħar xhur ġew arrestati, detenuti u ta' spiss torturturati ġurnalisti, attivisti għad-drittijiet tan-nisa, trejdjunjonisti, intelletwali, studenti u għalliema,
K. billi qed jiżdiedu kemm ir-ripressjoni ta' gruppi etniċi u reliġjużi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jesprimu l-opinjonijiet u t-twemmin reliġjuż tagħhom u kemm id-diskriminazzjoni kontrihom, b'mod partikulari kontra l-Kurdi (tpoġġew il-ħabs madwar 500 persuna, l-iktar studenti), kontra l-Għarab u kontra membri tat-twemmin Baha'i u Sufi,
L. billi f'dawn l-aħħar xhur numru mhux ħażin ta' studenti ġew detenuti wara li pprotestaw kontra s-sostituzzjoni ta' għexieren ta' professuri u kontra azzjonijiet oħra intenzjonati biex ikomplu jillimitaw il-libertà ta' espressjonijiet fuq il-kampusijiet universitarji, inklużi l-projbizzjoni ta' numru ta' publikazzjonijiet ta' l-istudenti u sospensjonijiet u tkeċċijiet ta' studenti mill-postijiet ta' edukazzjoni ogħla tagħhom,
M. billi l-Iran għadu mhux stat kontraenti tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,
Dwar ir-relazzjonijiet UE-Iran:
N. billi d-Djalogu Komprensiv bejn l-UE u l-Iran ġie sospiż mill-Iran f'Diċembru 2003 u ma saret l-ebda laqgħa fil-qafas tad-Djalogu UE-Iran dwar id-Drittijiet tal-Bniedem minn Ġunju 2004,
O. billi r-relazzjonijiet ta' l-UE ma' l-Iran f'dawn l-aħħar snin ġew bażati fuq approċċ minn tliet naħat, ikkaratterizzat minn negozjati dwar Ftehima ta' Kummerċ u Koperazzjoni, djalogu politiku u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, u billi dawn it-tliet aspetti ma jistgħux jinfirdu,
P. billi l-Kummissjoni Ewropew m'għandha l-ebda relazzjoni kuntrattwali ma' l-Iran u m'hemm l-ebda Delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fl-Iran,
Dwar il-kwistjoni nukleari:
1. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi ta' l-UE biex tinstab soluzzjoni negozjata fuq perjodu ta' żmien twil għall-kwistjoni nukleari ma' l-Iran u jenfasizza l-irwol importanti li għandu jkollha l-IAEA; jesprimi t-tħassib tiegħu li l-aħħar diskussjonijiet bejn ir-Rappreżentant Għoli ghall-Politika Komuni ta’ l-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà ta' l-UE, Javier Solana, u n-negozjatur nukleari Iranjan, Saeed Jalili, ma rriżultawx fi progress tanġibbli;
2. Jinnota l-progress li sar dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Ħidma IAEA-Iran u jħeġġeġ lill-Iran biex ikompli jikkopera ma' l-IAEA u jipprovdi tweġibiet sħaħ, ċari u kredibbli dwar l-attivitajiet nukleari tal-passat u l-preżent tiegħu u jirratifika u jimplimenta l-Protokolli Addizzjonali; jenfasizza, ulterjurment, li t-twettiq ta' dawn l-azzjonijiet u l-miżuri ta' trasparenza kif mitlub mill-IAEA jikkostitwixxu pass pożittiv lejn il-bini tal-kunfidenza fir-rigward tal-programm nukleari ta' l-Iran;
3. Jesprimi l-appoġġ tiegħu għal kull inizjattiva politika u diplimatika li, kif dikjarat fir-Riżoluzzjonijiet 1696, 1737 u 1747 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, ikunu intenzjonati biex iwasslu għal soluzzjoni negozjata tal-kwistjoni nukleari Iranjana; jappoġġa l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 dwar id-dibattiti li attwalment qed isiru fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' dawk ir-riżoluzzjonijiet;
4. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li soluzzjoni għall-eskalazzjoni attwali fil-kwistjoni nukleari hi possibbli u m'għandha titqies l-ebda azzjoni militari; jistieden lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti u lill-atturi l-oħra involuti biex jirrinunzjaw kull retorika dwar għażliet militari u politika għall-bdil tar-reġim kontra l-Iran;
5. Jirrinkonoxxi li l-Iran għandu d-dritt li jiżviluppa programm nukleari bi qbil ma' l-Artikolu IV tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari u jqis li l-inizjatti u l-proposti preżentanti mill-UE u mill-imsieħba internazzjonali l-oħra għall-koperazzjoni ma' l-Iran fil-qasam ta' l-enerġija nukleari għal użi paċifiċi jistgħu jikkontribwixxu biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi attwali;
6. Jinnota s-sejbiet riċenti ta' l-NIE ta' l-Istati Uniti dwar il-programm nukleari militari u ċivili Iranjan; iqis li dawn is-sejbiet jikkonfermaw il-politika ta' l-UE ta' approċċ fuq żewġ linji mfassal biex jikkonvinċi lill-Iran diplomatikament biex jikkonforma kompletament mat-talbiet ta' l-IAEA biex jabbanduna l-użu militari potenzjali tal-programm ċivili b'mod kredibbli u li jista' jiġi kontrollat;
7. Iħeġġeġ għalhekk lill-Iran biex, bla dewmien, jidħol f'round ġdid ta' negozjati dwar id-direzzjoni futura tal-programm nukleari tiegħu u biex jissospendi kull attività relatata ma' l-arrikkiment; jistieden lill-Istati Uniti, wara s-suċċess diplomatiku tagħha fin-negozjati mal-Korea ta' Fuq, biex tieħe sehem direttament fin-negozjati ma' l-Iran flimkien ma' l-UE, peress li hi f'pożizzjoni biex toffri garanziji ta' sigurtà addizzjonali;
8. Jitlob li jittieħdu passi kredibbli lejn diżarm nukleari multilaterali permezz tat-tisħiħ tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni Nukleari u jistieden lill-UE biex tieħu l-irwol mexxej biex jintemm l-impass attwali fin-negozjati dwar id-diżarm nukleari;
9. Jenfasizza l-importanza ta' koperazzjoni ma' l-Istati Uniti, mar-Russja, maċ-Ċina u mal-pajjiżi mhux allinjati sabiex jitqiesu kunċetti kumplimentari bl-intenzjoni li tintlaħaq ftehima komprensiva ma' l-Iran dwar il-faċilitajiet nukleari tiegħu u l-użu tagħhom li tqis it-tħassib ta' l-Iran dwar is-sigurtà;
10. Jikkunsidra li ftehima komprensiva ta' dan it-tip għandha tgħin biex tiġi stabbilita sistema ta' sigurtà reġjonali sostenibbli li tinkludi l-Indja, il-Pakistan u potenzi nukleari oħra, u jemmen li l-Iran għandu jassumi r-responsabilitajiet tiegħu bħala attur reġjonai u jikkontribixxi biex il-Lvant Nofsani jkun ħieles minn armamenti għall-qerda tal-massa;
11. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex taħseb serjament u tieħu azzjoni b'mod urġenti dwar il-ħolqien ta' qafas multilaterali ġdid għall-użu ta' l-enerġija nukleari, biex jiġu garantiti l-provvisti ta' fjuwil nukleari waqt li jiġi minimizzat ir-riskju ta' proliferazzjoni, kif propost mill-IAEA;
Dwar id-drittijiet tal-bniedem:
12. Jesprimi t-tħassib gravi tiegħu dwar id-deterjorament fil-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran f'dawn l-aħħar snin, iż-żieda drammatika fir-ripressjoni tal-gruppi kollha li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li liberament jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u r-restrizzjonijiet li qed jissikkaw dejjem aktar il-libertà ta' l-istampa u l-libertà ta' espressjoni fl-Iran, u jfakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru dwar il-kwistjoni;
13. Jikkundanna l-piena tal-mewt bħala tali u b'mod partikulari s-sentenzi għall-mewt u l-eżekuzzjonijiet li jiġu ordnati kontra delinkwenti żgħażagħ u minorenni; jistieden lill-Iran biex japplika r-riżoluzzjoni li ġiet adottata dan l-aħħar mill-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju dwar l-eżekuzzjonijiet bl-għan aħħari li tiġi abolita l-piena tal-mewt; ifakkar l-impenji internazzjonali ta' l-Iran, speċifikament il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li t-tnejn li huma jipprojbixxu b'mod ċar l-eżekuzzjoni ta' minorenni jew nies li misjuba ħatja ta' reati li wettqu waqt li kien minorenni; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex urġentement jemendaw il-kodiċi penali sabiex jitrasformaw il-moratorju fuq it-tħaġġir fi projbizzjoni definittiva;
14. Jilqa' r-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottata fit-18 ta' Diċembru 2007 dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt li titlob li jiddaħħal moratorju globali bħala pass lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;
15. Jikkundanna t-trattament ta' minoranzi reliġjużi u etniċi, bħall-minoranzi etniċi Kurdi u Għarab u l-membri tat-twemmin Baha'i u Sufi, li ssir diskriminazzjoni kontrihom, jingħataw fastidju u jiġu persegwiti minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom u d-dixxendenza etnika tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-komunità internazzjonali biex tiġbed l-attenzjoni għall-qagħda tal-minoranzi etniċi u reliġjużi fl-Iran li dejjem sejra għall-agħar;
16. Ifakkar lill-Gvern Iranjan fl-obbligi tiegħu, bħala firmatarju tal-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u d-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, biex iħares id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, b'mod partikolari l-libertà ta' l-opinjoni, u jitlob li jinħelsu l-ġurnalisti, l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u tal-ħabsin, l-intelletwali u t-trejdjunjonisti kollha li jinsabu l-ħabs;
17. Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-rappreżentanti diplomatiċi ta' l-Istati Membri fl-Iran biex b'mod urġenti jieħdu azzjoni konċertata fir-rigward tat-tħassib imsemmi hawn fuq;
18. Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew, tagħmel użu effettiv ta' l-Istrument għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem il-ġdid sabiex tippromwovi d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran billi jiġu appoġġjati l-elementi varji li jiffurmaw lis-soċjetà ċivili, bħad-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet ekonomiċi u soċjali, media bla ċensura u djalogu kulturali mal-kontropartijiet Ewropej;
Dwar ir-relazzjonijiet UE-Iran:
19. Jenfasizza li l-konklużjoni possibbli futura ta' Ftehima ta' Koperazzjoni u Kummerċ bejn l-Iran u l-UE tiddependi fuq titjib sostanzjali fil-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u dwar il-koperazzjoni sħiħa ta' l-Iran ma' l-IAEA u l-forniment ta' garanziji objettivi dwar in-natura paċifika tal-programm nukleari tagħha;
20. Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq komunikazzjoni dwar is-sitwazzjoni tar-relazzjonijijiet UE-Iran u l-prospetti għalihom u biex tikkunsidra l-possibilità li jerġa jinbeda d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod parallel man-negozjati dwar Ftehima ta' Koperazzjoni u Kummerċ li tista' tiġi konkluża jekk l-Iran jagħmel progress essenzjali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjoni nukleari;
21. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi delegazzjoni fl-Iran sabiex iżżid l-isforzi fid-diskussjonijiet li jikkonċernaw b'mod partikolari l-għajnuna lir-refuġjati, il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-promozzjoni tad-djalogu ma' l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili;
22. Jagħi istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli ghall-Politika Komuni ta’ l-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Qorti Suprema Statali ta' l-Iran u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Islamika ta' l-Iran.