Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0050/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0050/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.1.2008

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0003/2008, B6‑0004/2008 u B6‑0050/2008 skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Lívia Járóka
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar Strateġija Ewropea għar-Roma

Proċedura : 2008/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0050/2008

B6‑0050/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Ewropea dwar ir-Roma

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 29 u 149 tat-Trattat KE, li jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità, li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet etniċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni komprensiv, adottat mill-Istati parteċipanti ta' l-OSCE, fosthom l-Istati Membri ta' l-UE u l-pajjiżi kandidati, li hu ffukat fuq it-titjib tal-qagħda tar-Roma u s-Sinti fiż-żona ta' l-OSCE, fejn l-Istati jintrabtu fost l-oħrajn li jsaħħu l-isforzi tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li r-Roma u s-Sinti jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ u ndaqs fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll biex tinqered id-diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar il-qagħda tar-Roma fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Liżbona u l-għanijiet tagħha dwar il-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, u l-bosta mekkaniżmi stabbiliti mill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni biex jintlaħqu l-għanijiet ta' Liżbona,

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Istatut ta' l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,

   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti Konsulenti ta' Livell Għoli dwar l-Integrazzjoni Soċjali tal-Minoranzi Etniċi u s-Sehem Sħiħ tagħhom fis-Suq tax-Xogħol, intitolat 'Minoranzi Etniċi fis-Suq tax-Xogħol - Sejħa Urġenti għal Inklużjoni Soċjali Aħjar', li kien ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi hemm bejn 12 u 15-il miljun Roma joqogħdu fl-Ewropa, li minnhom bejn 7 u 9 miljuni joqogħdu fl-Unjoni Ewropea, li jbatu minn diskriminazzjoni razzjali u f'bosta każijiet huma suġġetti għal diskriminazzjoni strutturali serja, għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali, kif ukoll għal diskriminazzjoni multipla minħabba s-sess, l-età, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali,

B.  filwaqt li jirrikonoxxi n-nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali mar-Roma fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, ta' l-impjiegi, tal-kura tas-saħħa u tad-djar fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati, minkejja t-talba ċara fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 ta' April 2005 biex titħejja komunikazzjoni dwar kif l-UE, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, tista' tikkoordina u tippromwovi bl-aħjar mod l-isforzi biex titjieb il-qagħda tar-Roma,

C.  wara li kkunsidra s-sistemi ta' l-iskejjel segregati b'mod razzjali li jinsabu f'bosta Stati Membri, fejn it-tfal tar-Roma huma edukati jew fi klassijiet segregati bi standards iktar baxxi jew fi klassijiet għal dawk b'xi diżabilità mentali, filwaqt li jirrikonoxxi li t-titjib fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet għal kisbiet akkademiċi għar-Roma huwa ta' importanza kbira biex il-komunitajiet tar-Roma jkollhom prospetti usa' li jimxu 'l quddiem,

D.  billi jeżistu kundizzjonijiet ta' għajxien inferjuri u maħmuġin u hemm evidenza ta' gettizzazzjoni kull fejn tħares, bir-Roma li b'mod regolari ma jitħallewx joħorġu minn inħawi bħal dawn,

E.  billi, bħala medja, il-komunitajiet tar-Roma jħabbtu wiċċhom ma' livelli għolja u inaċċettabbli ta' qgħad, tant li jinħtieġu miżuri speċifiċi biex jitħaffef l-aċċess għall-impjiegi; filwaqt li jenfasizza li s-suq Ewropew tax-xogħol, kif ukoll is-soċjetà Ewropea kollha kemm hi, jibbenefikaw bil-kbir bl-inklużjoni tar-Roma,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjoni tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007, li fiha l-Kunsill Ewropew, 'konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom' u 'jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-politiki u l-istrumenti attwali u biex sa tmiem Ġunju 2008 tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar';

2.  Jisħaq fuq ir-rilevanza li l-Unjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet tagħha daħlu għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni strutturali u/jew istituzzjonalizzata fl-ogħla livell, iżda jirrikonoxxi li l-kompetenzi kruċjali biex il-komunitajiet tar-Roma jiġu inklużi jinsabu fi ħdan is-sovranità ta' l-Istati Membri;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal b'mod komprensiv Pjan Komunitarju ta' Azzjoni dwar l-Inklużjoni tar-Roma, filwaqt li jinnota li l-Pjan għandu:

  • ojitfassal u jkun segwit mill-grupp ta' Kummissarji li jkunu responsabbli b'mod dirett jew indirett għall-inklużjoni tal-minoranzi etniċi permezz tar-responsabbiltajiet tagħhom fl-oqsma ta' l-impjiegi, l-affarijiet soċjali, l-opportunitajiet indaqs, il-ġustizzja, il-libertà, l-edukazzjoni, il-kultura u l-politika reġjonali,
  • oikun stabbilit fuq il-bażi ta' koperazzjoni wiesgħa fost proġetti eżistenti bejn il-gvernijiet u l-NGOs relatati, kif ukoll ir-rappreżentanti tas-soċjetà akkademika, il-ħajja tan-negozju, is-soċjetà ċivili tar-Roma u l-partiti politiċi,
  • ojistabbilixxi politiki sostenibbli fit-tul li jutilizzaw approċċ speċifiku iżda li ma jkunx segregat b'mod etniku,
  • ojibni fuq analiżijiet mwettqa flimkien ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tar-Roma,
  • ojidentifika u jindirizza b'mod effettiv l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-Roma fil-prattika fit-tgawdija tad-drittijiet fundamentali u inaljenabbli tagħhom fl-oqsma tad-djar, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni,
  • ojistabbilixxi normi, indikaturi u dati ta' skadenza ċari u bla ambigwità għall-evalwazzjoni awtentika,
  • ojistabbilixxi mekkaniżmi tajbin biżżejjed ta' monitoraġġ, bħal evalwazzjonijiet tal-gvern ex post mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-użu razzjonali, effikaċi u bona fide ta' l-għodod finanzjarji, tal-ħaddiema u tal-ħin,

4.  Itenni li l-aċċess indaqs għal edukazzjoni ta' kwalità għandu jkun inkluż fil-politiki fil-livell ta' l-UE bħala għan fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-isforzi tagħha biex tiffinanzja u tagħti appoġġ b'modi oħra għal azzjonijiet li jkunu jeħtieġu lill-Istati Membri li jinkludu lit-tfal tar-Roma fis-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni sa minn età żgħira.

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tassumi rwol ta' tmexxija u tieħu sehem fl-aspetti kollha tal-proċess, mill-ippjanar sa l-evalwazzjoni, fir-rigward ta':

  • ol-edukazzjoni preskolastika tar-Roma;
  • oit-tneħħija sħiħa tas-segregazzjoni tal-klassijiet u l-istituzzjonijiet Roma fl-edukazzjoni elementari;
  • oil-monitoraġġ u l-abolizzjoni tal-prattika illegali li permezz tagħha t-tfal Roma jitpoġġew fi klassijiet għal persuni b'diżabilitajiet mentali;
  • oit-titjib ta' l-aċċess tar-Roma għat-taħriġ vokazzjonali u l-istudji universitarji;
  • oit-tfassil ta' skemi xierqa ta' boroż ta' studju bl-iskop li żgħażagħ Roma jiġu edukati skond l-ogħla standards, sabiex tiġi mrawma ġenerazzjoni ġdida ta' mexxejja tas-soċjetà ċivili tar-Roma;

6.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu l-komunità Roma fil-livell tan-nies komuni, sabiex il-persuni Roma jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-inċentivi pprovduti mill-UE, sew jekk fil-qasam ta' l-edukazzjoni, jew ta' l-impjiegi jew tal-parteċipazzjoni ċivika, minħabba li sabiex l-integrazzjoni tkun suċċess, għandha tinvolvi approċċ axxendenti u responsabilitajiet konġunti;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex l-impatt ta' investimenti individwali fuq l-opportunitajiet indaqs tagħmlu aspett rilevanti u ta' responsabilità fir-rilaxx ta' ffinanzjar ta' l-UE, billi tobbliga lil dawk l-individwi u/jew persuni ġuridiċi li jagħmlu offerti għal proġetti ffinanzjati mill-UE biex ifasslu u jimplimentaw kemm analiżi u kif ukoll pjan ta' azzjoni dwar l-opportunitajiet indaqs;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mappa tal-kriżi li tkun tkopri lill-Ewropa kollha, u li tkun tkejjel u tagħmel surveys ta' dawk iz-zoni fl-UE fejn il-komunitajiet tar-Roma huma l-aktar milquta mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-possibilità ta' skema ta' mikrokreditu kif proposta fir-rapport ta' l-2007 tal-Grupp ta' Esperti Konsulenti ta' Livell Għoli, biex tiġi inkoraġġita t-tnedija ta' negozji żgħar u biex tiġi sostitwita l-prattika ta' l-użura li qed tfarrak il-parti l-kbira tal-komunitajiet żvantaġġati;

   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.