MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
23.1.2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Viktória Mohácsi u Alfonso Andria
f'isem il-Grupp ALDE
dwar Strateġija Ewropea għar-Roma
B6‑0051/08
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija Ewropea għar-Roma
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Jannar 2005 dwar l-Olokawst, l-antisemitiżmu u r-razziżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar il-qagħda tar-Roma fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-UE u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jabitaw fejn iridu fi ħdan it-territorji ta' l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 rigward il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet tar-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7 u 29 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE, li jimpenjaw lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jipprovdu strumenti legali għall-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, kif ukoll għall-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali, u għall-istatut ta' l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità u d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE fl-2007, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni reċenti mill-Awla Manja tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-każ ta' D.H. u Oħrajn v. ir-Repubblika Ċeka,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment fis-snin reċenti ta' l-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u ta' Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma, bil-għan li jżidu l-effikaċja ta' kwistjonijiet ta' politika u ta' fondi fir-rigward tar-Roma, u attwalment iffukati fuq numru ta' stati Ewropej, inklużi numru ta' Stati Membri ta' l-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li fihom hemm preżenza qawwija ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(15) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi t-tmienja sa tnax-il miljun Roma li joqogħdu fl-Unjoni Ewropea jsofru minn diskriminazzjoni razzjali u f'bosta każijiet huma suġġetti għal diskriminazzjoni strutturali serja, għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali, kif ukoll għal diskriminazzjoni multipla minħabba s-sess, l-età, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali,
B. filwaqt li jirrikonoxxi n-nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali mar-Roma u fid-difiża tad-drittijiet tagħhom fl-edukazzjoni, fl-impjieg, fis-saħħa u fid-djar, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi kandidati,
C. jikkundanna l-fatt li ċ-ċittadini tar-Roma fl-Unjoni Ewropea ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni razzjali fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea għall-moviment ħieles u l-istabiliment,
D. billi segregazzjoni fl-edukazzjoni tkompli tkun ittollerata fl-Istati Membri ta' l-UE; billi jiġi rikonoxxut li diskriminazzjoni bħal din fl-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità qiegħda taffettwa b'mod persistenti l-abilità tat-tfal tar-Roma biex jiżviluppaw u jgawdu d-drittijiet tagħhom għal żvilupp edukattiv,
E. billi Roma huma suġġetti għal diskriminazzjoni fis-settur ta' l-impjieg,
F. billi jeżistu fuq skala kbira, djar taħt l-istandard u mhux sanitarji u teżisti evidenza ta' xejriet dejjem jikbru fit-tkeċċija furzata, bir-Roma li ta' spiss huma mċaħħda d-dritt għal djar alternattivi,
G. billi l-UE toffri bosta mekkaniżmi u għodod differenti li jistgħu jintużaw biex jitjieb l-aċċess tar-Roma għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, l-impjiegi, id-djar u s-saħħa, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali u l-politiki reġjonali u ta' l-impjiegi,
H. waqt li jirrikonoxxi li l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet tar-Roma hu għan li għad irid jintlaħaq u li l-istrumenti ta' l-UE jeħtieġ li jintużaw sabiex tintlaħaq bidla effettiva u viżibbli f'dan il-qasam,
I. jirrikonoxxi l-ħtieġa li li tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tar-Roma fil-ħajja politika partikolarment fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja u l-benesseri tal-komunitajiet tar-Roma,
J. filwaqt li jieħu nota b'mod partikolari tal-qagħda ħażina ta' bosta individwi u komunitajiet tar-Roma fl-Istati Membri l-ġodda, kif ukoll il-vulnerabilità qawwija tal-migranti tar-Roma mill-Istati Membri ġodda,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 li tistqarr li "konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom" u "jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-politiki u l-istrumenti attwali u biex sa tmiem Ġunju 2008 tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar";
2. Jikkundanna għal kollox u mingħajr ekwivoki l-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ir-Roma u oħrajn meqjusa bħala 'Żingari';
3. Iħeġġeġ sabiex l-Aġenzija ġdida ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tqiegħed l-inklużjoni tar-Roma u l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali kontra r-Roma fost il-prijoritajiet l-aktar għolja tal-programm ta' ħidma tagħha;
Approċċ komprensiv
4. Jafferma mill-ġdid l-irwol importanti ta' l-UE fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma li ħafna drabi hi strutturali u għalhekk teħtieġ approċċ komprensiv fil-livell ta' UE, waqt li jirrikonoxxi li l-investiment primarju tar-rieda politika, tal-ħin u tar-riżorsi fil-ħarsien, il-promozzjoni u l-awtorizzazzjoni tar-Roma hija r-responsabilità tal-gvernijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma bil-għan li jkun hemm koerenza fil-politika fil-livell ta' UE dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma; jinnota li qafas ta' strateġija Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Roma għandu:
- -jagħmel prijorità mill-inklużjoni tar-Roma permezz ta' l-inklużjoni soċjali u tal-politika ta' l-impjieg ta' l-UE u permezz tal-fondi strutturali relevanti billi jiġu appoġġjati programmi sostenibbli nazzjonali u ta' l-UE li jfittxu li jiddefendu d-drittijiet tar-Roma għall-edukazzjoni, l-impjieg, is-saħħa u d-djar kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi kandidati,
- -jikkontribwixxi biex jiġġieled id-diskriminazzjoni strutturali u istituzzjonali fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, ta' l-impjieg, aċċess għas-servizzi tas-saħħa u d-djar; iressaq azzjonijiet pożittivi bħala għodda importanti biex taqleb l-iżvantaġġi li rabbew l-għeruq,
- -jfittex li jiġġieled l-antiżingariżmu billi jintegrah bħala tema fil-kampanji u l-inizjattivi antirazzjali fil-livell ta' l-UE,
- -jistabbilixxi mekkaniżmi ta' l-immonitorjar biex jiġu evalwati programmi fil-qasam ta' l-inklużjoni soċjali u l-impjieg; jagħmel limiti u indikaturi u jipprovdi l-appoġġ neċessarju għar-riċerka u l-evalwazzjoni tal-programmi implimentati,
- -jiżgura approċċ olistiku għall-kwistjonijiet tar-Roma u jikkonforma l-politika ta' l-UE mmirata għall-inklużjoni tar-Roma ma' l-inizjattivi intergovernattivi eżistenti bħal ma huma l-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u l-OSCE u l-istrateġiji tal-Kunsill ta' l-Ewropa għat-titjib tas-sitwazzjoni tar-Roma;
6. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi unità tar-Roma jew korp b'setgħat simili li jikkoordina l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' qafas Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Roma, sabiex tiffaċilita kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tikkoordina azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri, u tiżgura l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tar-Roma fil-korpi relevanti kollha;
7. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżviluppa proposta għall-istabbilment ta' pjan ta' azzjoni Komunitarju għall-inklużjoni tar-Roma bil-għan li tipprovdi għajnuna finanzjarja għat-twettiq ta' l-objettivi ta' l-istrateġija ta' qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma;
8. Jitlob lill-Istati Membri biex joħolqu strateġiji nazzjonali ta' l-integrazzjoni tar-Roma, fejn dawn għadhom ma jeżistux, u biex jiġi żgurat li jiġu provduti qafas istituzzjonali u fondi adegwati bil-għan li jiġu implimentati b'suċċess;
L-edukazzjoni
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-opportunitajiet li jsaħħu l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, b'enfasi fuq it-tneħħija tas-segregazzjoni u sabiex tirrapporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament fi żmien sena wara l-adozzjoni ta' din ir-riżoluzzjoni;
10. Ifakkar li aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għandu jkun prijorità taħt strateġija Ewropea dwar ir-Roma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tiffinanzja u tappoġġja azzjonijiet fl-Istati Membri li jfittxu li jintegraw lit-tfal tar-Roma fis-sistema tradizzjonali ta' l-edukazzjoni sa minn età żgħira; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi li jsaħħu azzjoni pożittiva għar-Roma fl-oqsma ta' l-edukazzjoni sekondarja u ogħla; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja programmi oħra li jipprovdu mudelli pożittivi u ta' suċċess tan-nuqqas tas-segregazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi fondi partikolari biex tappoġġja (i) l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola tar-Roma, (ii) in-nuqqas ta' segregazzjoni fil-klassijiet/istituzzjonijiet tar-Roma fl-edukazzjoni elementari, (iii) l-immonitorjar u r-riforma ta' l-użu ta' trattament illegali tat-tfal tar-Roma fl-istituzzjonijiet għal dawk b'diżabilità mentali, (iv) l-edukazzjoni fil-lingwa tar-Roma, (v) l-aċċess taż-żgħażagħ tar-Roma għal edukazzjoni ogħla, (vi) appoġġ universitarju għar-Roma u (vii) l-inklużjoni ta' informazzjoni suffiċjenti fit-tfassil ta' l-edukazzjoni dwar l-Olokawst rigward il-persekuzzjoni tar-Roma matul it-Tieni Gwerra Dinjija;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità (i) lill-iffinanzjar ta' l-edukazzjoni ta' qabel l-iskola għar-Roma, (ii) lin-nuqqas ta' segregazzjoni ta' l-istudenti tar-Roma sabiex jingħataw edukazzjoni bis-sistema tradizzjonali, (iii) lill-immonitorjar u r-riforma tat-trattament illegali ta' dawk b'diżabilità mentali, (iv) lill-azzjonijiet biex titħeġġeġ l-edukazzjoni tat-tfal kollha permezz tal-lingwa, ta' l-istorja u tal-kultura tar-Roma u l-kontribuzzjonijiet pożittivi li r-Roma għamlu fis-soċjetajiet Ewropej, u (v) lill-appoġġ finanzjarju għall-istudenti tar-Roma fl-edukazzjoni sekondarja, terzjarja u universitarja bl-għajnuna ta' sistema ta' tagħlim individwali jekk ikun hemm bżonn;
L-impjieg
12. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri li jinkludu għajnuna finanzjarja għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, miżuri li jsaħħu azzjoni pożittiva fis-suq tax-xogħol, infurzar rigoruż tal-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjieg, u miżuri biex jitħeġġeġ l-impjieg ta' persuni li jaħdmu għal rashom għar-Roma u għal negozji żgħar tar-Roma;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex (i) kontinwament jiżviluppaw strumenti legali u strumenti oħra biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni razzjali fis-suq tax-xogħol, kif ukoll jiżguraw li jitħeġġu miżuri meħuda biex irawmu d-diversità mill-persuni li jħaddmu, (ii) jipprovdu appoġġ finanzjarju bil-għan li jiġu promossi aġenziji indipendenti kontra d-diskriminazzjoni, (iii) ikomplu jaħdmu fuq eżempji pożittivi eżistenti f'ċertu Stati Membri biex jiżguraw li l-istaff ta' persuni li jħaddmu fuq skala kbira u fuq skala medja jirriflettu b'mod adegwat id-diversità etnika tal-komunità, u (iv) jieħdu miżuri biex jappoġġjaw negozji żgħar tar-Roma u biex jiżviluppaw il-kapaċità tar-Roma biex jagħmlu użu minn attivitajiet intraprenditorjali;
Il-kura tas-saħħa
14. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi nazzjonali sistematiċi bil-għan li s-sitwazzjoni tas-saħħa tal-komunitajiet tar-Roma titjieb;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex itemmu u jirranġaw b'mod adegwat mingħajr dewmien (i) l-esklużjoni sistematika ta' ċertu komunitajiet tar-Roma mill-kura tas-saħħa, inklużi imma mhux limitati għall-komunitajiet f'żoni ġeografikament iżolati u (ii) l-abbużi estremi fuq id-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tal-kura tas-saħħa, fejn dawn seħħew jew qed iseħħu, inkluża s-segregazzjoni razzjali fil-faċilitajiet tas-saħħa u l-isterilizzazzjoni furzata tan-nisa tar-Roma;
Id-djar
16. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibni fuq mudelli pożittivi eżistenti ħalli (i) tappoġġja programmi bil-għan li jtemmu kwartieri foqra tar-Roma f'dawk l-Istati Membri fejn jeżistu, u (ii) tappoġġja programmi oħra li jipprovdu mudelli pożittivi u ta' suċċess ta' djar għar-Roma, inklużi l-migranti tar-Roma;
17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex (i) jadottaw u jimplimentaw politiki biex itejbu l-qagħda ta' kwartieri foqra, (ii) jinfurzaw bir-reqqa liġi antidiskriminatorja fil-qasam tad-djar, (iii) jiżviluppaw obbligi statutorji pożittivi biex itemmu l-problema ta' nies bla dar, ibbażati fuq mudelli pożittivi eżistenti f'ċertu Stati Membri, (iv) jieħdu l-azzjoni relevanti kollha kontra s-segragazzjoni razzjali fil-qasam tad-djar u (v) jerġgħu jirduppjaw l-isforzi biex itemmu t-tnaqqir ta' l-istandards tad-drittijiet għad-djar fl-Unjoni;
18. Jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu l-komunità Roma fil-livell tan-nies komuni, sabiex il-persuni Roma jingħataw il-possibilità li jibbenefikaw b'mod sħiħ mill-inċentivi pprovduti mill-UE, sew jekk fil-qasam ta' l-edukazzjoni, jew ta' l-impjiegi jew tal-parteċipazzjoni ċivika, minħabba li sabiex l-integrazzjoni tkun suċċess, għandha tinvolvi approċċ axxendenti u responsabilitajiet konġunti;
19. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jużaw l-inizjattivi eżistenti bħall-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u l-Fond għall-Edukazzjoni għar-Roma biex iżidu l-effikaċja ta' l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;
20. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.