MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
23.1.2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Elly de Groen-Kouwenhoven, Milan Horáček u Gisela Kallenbach
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar strateġija Ewropea dwar ir-Roma
B6‑0052/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija Ewropea għar-Roma
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 7, 29 u 149 tat-Trattat KE, li jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat ta' Amsterdam, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa biex tiġġieled id-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Jannar 2005 dwar it-tifkira ta' l-Olokawst, l-Antisemitiżmu u r-Razziżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar il-qagħda tar-Roma fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-UE u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jabitaw fejn iridu fi ħdan it-territorji ta' l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 rigward il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet tar-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 43/2000/KE - id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali - li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fuq bażi etnika,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Qafas tal-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar Minoritajiet Nazzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tar-Rakkomandazzjoni 1557/2002 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li tenfasizza fuq id-diskriminazzjoni mifruxa kontra r-Roma u l-bżonn li titjieb is-sistema għall-immonitorjar tad-diskriminazzjoni kontrihom,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-Partijiet Ewropej għal Soċjetà Mhux Razzista,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment ta' Grupp ta' Kummissarji responsabbli għad-drittijiet fundamentali, għal kontra d-diskriminazzjoni u għall-opportunitajiet ugwali, u l-istennija tal-preżentazzjoni ta' l-aġenda tal-Grupp,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/97 li jistabbilixxi Ċentru ta' Sorveljanza Ewropew għall-Ħarsien mir-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC), ir-rapporti annwali u tematiċi tiegħu dwar ir-razziżmu fl-UE u l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-ugwaljanza u n-nuqqas ta' diskriminazzjoni f'Unjoni Ewropea mkabbra (COM (2004)0379),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni reċenti mill-Kummissjoni ta' rapport li jiġbed l-attenzjoni għal-livelli inkwetanti ħafna dwar l-ostilità u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Roma, iż-Żingari u l-Vjaġġaturi fl-Ewropa,
– wara li kkunsidra r-rapport attwali fil-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern dwar il-protezzjoni tal-minoritajiet u ta' l-antidiskriminazzjoni (2005/2008 (INI)),
– wara li kkunsidra l-korpi u l-istrumenti legali internazzjonali bħal ma huma l-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Razzjali (CERD), ir-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 27: 'Diskriminazzjoni kontra r-Roma', u l-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-popolazzjoni tar-Roma tilħaq 7-9 miljuni fl-UE u 12-15-il miljun fl-Ewropa kollha; billi l-maġġoranza vasta tar-Roma ssofri minn diskriminazzjoni razzjali, riflessa f'nuqqas ta' aċċess għall-edukazzjoni, l-impjieg, id-djar u l-kura tas-saħħa, li twarrabhom b'mod sostanzjali mis-soċjetà,
B. billi l-Anti-żingariżmu jew ir-Romafobija għadha mifruxa ma' l-Ewropa u hija mħeġġa u użata mill-partiti politiċi ultra-nazzjonalisti u mill-partiti tal-lemin, li jwasslu għal attakki razzisti, diskorsi ta' mibegħda, attakki fiżiċi, tkeċċija mhux legali u fastidju min-naħa tal-pulizija,
C. billi l-Olokawst tar-Roma jistħoqqlu rikonoxximent sħiħ li huwa proporzjonat għall-gravità tad-delitti Nazisti li kellhom l-għan li jeliminaw fiżikament ir-Roma ta' l-Ewropa kif ukoll il-Lhud; billi, f'dan ir-rigward, il-Kummissjoni u awtoritajiet oħra għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex ineħħu r-razzett fejn ixaħħmu l-ħnieżer mill-post fejn qabel kien hemm kamp ta' konċentrament f'Lety (ir-Repubblika Ċeka) u joħolqu tifkira li turi rispett kif inhu xieraq,
D. wara li kkunsidra s-sistemi ta' l-iskola li huma razzjalment segregati li jeżistu f'ċertu Stati Membri ta' l-UE u f'pajjiżi kandidati potenzjali, u lin-numru kbir tat-tfal Roma li jħallu l-iskola,
E. billi t-tkabbir futur ta' l-UE lejn il-Balkani tal-Punent, inklużi l-Albanija, il-Bożnja-Herzegovina, il-FRYOM, il-Kosovo, il-Montenegro u s-Serbja, kif ukoll it-Turkija, se jżid b'mod sinifikanti n-numru tar-Roma fl-UE,
F. billi r-Roma jkomplu jkunu inviżibbli u mhux rappreżentati biżżejjed fl-istituzzjonijiet ta' l-Istat u ta' l-UE, fl-Istati Membri u f'pajjiżi kandidati potenzjali, għalkemm jikkostitwixxu persentaġġ sinifikanti tal-popolazzjoni ta' l-UE,
G. billi f'ċertu Stati Membri u f'pajjiżi kandidati potenzjali, l-istampa u attenzjoni oħra mogħtija mill-midja jkomplu jużaw lingwaġġ diskriminatorju li jikkontribwixxi b'suċċess favur ix-xbiha sterjotipata tar-Roma fl-Ewropa,
1. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa politika pan-Ewropea dwar ir-Roma bi qbil mal-liġi ta' l-UE u t-Trattat ta' Liżbona;
2. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li politika Ewropea futura dwar ir-Roma, magħmula bi djalogu u koperazzjoni man-nies tar-Roma, twassal għal strateġija sostenibbli li tipprovdi għodod sabiex jiġi miġġieled aħjar l-Anti-żingariżmu u titħeġġeġ l-inklużjoni tar-Roma fl-Ewropa;
3. Jitlob lill-Kummissjoni, bħala parti mill-Istrateġija Ewropea tar-Roma, biex toħloq pjanijiet ta' azzjoni ħalli jitjiebu l-kundizzjonijiet tad-djar, jinħolqu possibilitajiet għall-impjieg u jiġu garantiti kura tas-saħħa u edukazzjoni li wieħed ikun jiflaħ iħallas għar-Roma;
4. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistituzzjonalizza l-politika Ewropea dwar ir-Roma billi tiġi stabbilita Unità tar-Roma fl-istruttura tal-Kummissjoni li tħares lejn mezzi li bihom tkun tista' tuża b'mod effettiv il-fondi differenti ta' l-UE ħalli din l-unità timmira b'mod iżjed dirett il-politiki prijorizzati tar-Roma u toħloq, tevalwa u tgħin fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea tar-Roma;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timpjega staff tar-Roma fl-Unità tar-Roma u jitlob lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri biex jaħtru r-rappreżentanti tagħhom biex isegwu l-progress tal-politika Ewropea dwar ir-Roma;
6. Jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu inizjattiva ħalli torganizza konferenza annwali ta' l-UE dwar ir-Roma;
7. Iqis li l-Istrateġija Ewropea tar-Roma għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta' l-Ewropa, il-Pjan ta' Azzjoni ta' l-OSCE dwar ir-Roma u d-Deċenju ta' programmi ta' l-Inklużjoni tar-Roma;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.