Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0053/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0053/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.1.2008

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0389/2007, B6-0003/2008, B6‑0004/2008 u B6‑0005/2008.
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda, Katalin Lévai, Adrian Severin u Jan Andersson
f'isem il-Grupp PSE
dwar Strateġija Ewropea dwar ir-Roma

Proċedura : 2008/2502(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0053/2008
Testi mressqa :
B6-0053/2008
Testi adottati :

B6‑0053/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Strateġija Ewropea dwar ir-Roma

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 6, 7, 29 u 149 tat-Trattat KE, li jobbliga lill-Istati Membri li jiżguraw opportunitajiet indaqs għaċ-ċittadini kollha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea, ir-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità u d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE għall-2007, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-istabbiliment fl-2005 ta' 'L-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma' u ta' Fond għall-Edukazzjoni għar-Roma minn numru ta' Stati Membri ta' l-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea għandhom preżenza sinifikanti fihom,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Roma Ewropej, li jvarjaw bejn it-12 u l-15-il miljun, għadhom isofru diskriminazzjoni strutturali u f'ħafna każi huma suġġetti għal faqar kbir u esklużjoni soċjali; billi maġġoranza tar-Roma Ewropej saru ċittadini ta' l-UE wara t-tkabbir ta' l-2004 u dak ta' l-2007, biex b'hekk bdew jibbenefikaw mid-dritt taċ-ċittadini Ewropej u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri,

B.  billi s-sitwazzjoni tar-Roma Ewropej, li tradizzjonalment jinsabu f'ħafna pajjiżi Ewropej, hija distinta minn dik tal-minoranzi nazzjonali Ewropej, u b'hekk tiġġustifika miżuri speċifiċi fil-livell Ewropew,

C.  billi ħafna Roma u komunitajiet Roma li ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ta' l-UE li hu differenti minn dak taċ-ċittadinanza nazzjonali tagħhom huma f'sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli,

D.  billi l-UE għandha varjetà ta' strumenti li jistgħu jintużaw biex tiġi miġġielda l-esklużjoni tar-Roma,

E.  billi s-sena li għaddiet rat żieda sinifikanti fl-anti-żingariżmu fil-mezzi tax-xandir u fid-diskors politiku f'xi wħud mill-Istati Membri ta' l-UE, kif ukoll inċidenza li qed tiżdied ta' vjolenza razzjali kontra r-Roma,

F.  billi l-progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma fir-rigward tat-tgawdija tad-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u d-djar kemm fl-Istati Membri u kif ukoll fil-pajjiżi kandidati kien irregolari u lajman;

G.  billi l-maġġoranza tan-nisa Roma jiffaċċjaw diskriminazzjoni doppja bħala Roma u bħala nisa,

1.  Jikkundanna għal kollox u mingħajr ekwivoki l-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ir-Roma u oħrajn meqjusa bħala 'Żingari';

2.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjoni tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 li, 'konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom' u 'jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-politiki u l-istrumenti attwali u biex sa tmiem Ġunju 2008 tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar';

3.  Jikkunsidra li l-UE u l-Istati Membri għandhom responsabilità konġunta biex jippromwovu l-inklużjoni tar-Roma u jipproteġu d-drittijiet fundamentali tagħhom bħala ċittadini Ewropej, u jeħtieġu b'mod urġenti li jżidu l-isforzi tagħhom biex jiksbu riżultati li jidhru f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet ta' l-UE biex japprovaw il-miżuri meħtieġa sabiex jinħoloq l-ambjent soċjali u politiku adegwat biex tiġi implimentata l-inklużjoni tar-Roma, per eżempju billi jiġu appoġġjati kampanji ta' edukazzjoni pubblika għall-popolazzjoni li mhix Roma dwar il-kultura tar-Roma u l-integrazzjoni tagħhom, kemm fil-pajjiż taċ-ċittadinanza kif ukoll fil-pajjiż tar-residenza Ewropea;

4.  Ifakkar li l-pajjiżi kandidati kollha impenjaw ruħhom, fil-proċess tan-negozjati u ta' l-adeżjoni, li jtejbu l-inklużjoni tal-komunitajiet Roma u jippromwovu d-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, l-imjieg, il-kura tas-saħħa u d-djar; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel evalwazzjoni ta' l-implimentazzjoni ta' dawk l-impenji u tas-sitwazzjoni attwali tar-Roma fl-Istati Membri kollha ta' l-UE;

5.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni Ewropea s'issa għadha ma rrisponditx għat-talba tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2005 biex tipprepara komunikazzjoni dwar kif l-UE, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, tista' tikkoordina u tippromwovi bl-aħjar mod sforzi biex tittejjeb is-sitwazzjoni tar-Roma;

6.  Jistenna b'ħerqa r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew, qabel l-aħħar ta' Ġunju 2008, li jeżamina l-politiki u l-istrumenti eżistenti biex tittejjeb l-inklużjoni tar-Roma u l-fatturi li huma l-kawża tal-progress mhux sodisfaċenti li kien hemm s'issa;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi mħabbra mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi t-tħabbir ta' komunikazzjoni dwar l-istrateġija riveduta għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-green paper li ser toħroġ dalwaqt dwar l-edukazzjoni ta' studenti li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni jew li jagħmlu parti minn minoranza żvantaġġata, u l-intenzjoni li jittieħdu miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat l-infurzar tad-Direttiva 2000/43/KE; b'mod partikolari jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jitwaqqaf forum ta' livell għoli għar-Roma, bħala struttura għall-iżvilupp ta' politiki effettivi biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet tar-Roma;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħsieb tal-Kummissjoni li teżamina l-kwistjoni tar-rikonoxximent tar-Roma bħala minoranza speċjali ta' natura transnazzjonali;

9.  Iqis li l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fir-rigward tar-Roma, li jikkostitwixxu komunità kulturali pan-Ewropea, teħtieġ approċċ komprensiv fil-livell Ewropew, filwaqt li jirrikonoxxi li r-responsabilità ewlenija għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Roma u l-promozzjoni ta' l-inklużjoni soċjali, ekonomika u politika tagħhom hija tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tadotta approċċ orizzontali fir-rigward tal-kwistjonijiet Roma u tiżviluppa proposti addizzjonali biex tara li jkun hemm koerenza politika fil-livell Ewropew fir-rigward ta' l-inklużjoni soċjali tar-Roma, jitlobha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu sforzi akbar sabiex jinkisbu riżultati li jkunu jidhru, u biex tiffaċilita l-iskambju ta' l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti konkreti sa l-aħħar ta' l-2008 biex tittejjeb l-inklużjoni tar-Roma, per eżempju strateġija ta' Qafas għar-Roma u pjan Komunitarju ta' azzjoni għar-Roma, bl-iżvilupp tar-riżorsi umani tar-Roma bħala prijorità;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħtar wieħed mill-Kummissarji tagħha biex ikun responsabbli għall-koordinazzjoni ta' politika għar-Roma; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm riżorsi amministrattivi adegwati fis-servizzi tagħha biex jiġu kkoordinati l-inizjattivi, billi toħloq unità permanenti mmexxija minn koordinatur Ewropew ghar-Roma;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jużaw l-inizjattivi eżistenti bħall-Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma u l-Fond għall-Edukazzjoni għar-Roma biex iżidu l-effikaċja ta' l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' l-involviment ta' l-awtoritajiet lokali biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva ta' l-isforzi li qed isiru biex tiġi promossa l-inklużjoni tar-Roma u biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' l-involviment attiv ta' rappreżentanti tar-Roma u l-ħtieġa ta' strateġiji fit-tul fir-rigward tal-bini tal-kapaċità professjonali tagħhom fl-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jippromwovu d-drittijiet tagħhom u l-inklużjoni tal-komunitajiet tagħhom;

15.  Jikkunsidra li l-Parlament Ewropew għandu jeżamina f'iktar dettall aspetti differenti ta' l-isfidi tal-politika Ewropea fir-rigward ta' l-inklużjoni tar-Roma;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.