MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
23.1.2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
imressqa minn Giusto Catania, Vittorio Agnoletto, Mary Lou McDonald u Dimitrios Papadimoulis
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar Strateġija Ewropea għar-Roma
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija Ewropea għar-Roma
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Jannar 2005 dwar l-Olokawst, l-antisemitiżmu u r-razziżmu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar il-qagħda tar-Roma fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-UE u l-familji tagħhom li jiċċaqalqu u jabitaw fejn iridu fi ħdan it-territorji ta' l-Istati Membri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 rigward il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet tar-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7 u 29 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE, li jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u biex jipprovdu mezzi Ewropej fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, kif ukoll il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-istatut ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni msejsa fuq l-oriġini razzjali u etnika, u l-aktar il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR), it-tnejn iffirmati mill-Istati Membri kollha ta' l-UE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini razzjali jew etnika u d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, kif ukoll id-Deċiżjoni ta' qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fl-Istati Membri ta' l-UE għall-2007, ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,
– wara li kkunsidra l-istabbiliment fis-snin reċenti ta' l-'Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma' u ta' Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma, bil-għan li tissaħħaħ l-effikaċja ta' kwistjonijiet ta' politika u ta' fondi fir-rigward tar-Roma, u li huma attwalment iffukati fuq numru ta' Stati Membri, inklużi numru ta' Stati Membri ta' l-UE, pajjiżi kandidati u pajjiżi oħra li fihom hemm preżenza qawwija ta' l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 13 tat-Trattat KE jipprojbixxi kull forma ta' diskriminazzjoni, partikolarment dik imsejsa fuq oriġini 'razzjali' jew 'etnika' jew ta' reliġjon jew ta' twemmin,
B. billi r-Roma li jgħixu fl-Unjoni Ewropea jbatu minn diskriminazzjoni razzjali u f'ħafna każijiet huma suġġetti għal diskriminazzjoni strutturali serja, għall-faqar u għall-esklużjoni soċjali,
C. filwaqt li jirrikonoxxi n-nuqqas ta' progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mar-Roma fir-rigward tad-drittijiet tagħhom fl-edukazzjoni, fl-impjieg, fis-saħħa u fid-djar, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi kandidati,
D. billi s-segregazzjoni fl-edukazzjoni għada ttollerata fl-Istati Membri ta' l-UE, u filwaqt li jirrikonoxxi li t-titjib fl-aċċess għall-edukazzjoni u għall-opportunitajiet għal kisbiet akkademiċi għar-Roma huwa ta' importanza kbira biex il-komunitajiet tar-Roma jkollhom prospetti usa' li jimxu 'l quddiem, billi bosta mill-popli tar-Roma għandhom aċċess limitat għall-edukazzjoni, u d-dritt tagħhom li jibbenefikaw mil-libertà kulturali u mill-progress xjentifiku qiegħed fil-periklu,
E. billi l-minoritajiet tar-Roma qed ikollhom jiffaċċjaw diskriminazzjoni ta' kuljum fis-suq tax-xogħol, u d-dritt tagħhom għax-xogħol mhux rispettat b'mod sħiħ,
F. billi bosta mill-popolazzjoni tar-Roma tgħix fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali, u f'uħud mill-Istati Membri ta' l-UE qed tiffaċċja tnaqqis serju fil-benefiċċji tas-sigurtà soċjali,
G. billi l-UE għandha bosta mekkaniżmi u għodod differenti li jistgħu jintużaw biex jitjieb l-aċċess tar-Roma għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, l-impjiegi, id-djar u s-saħħa, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali u l-politiki reġjonali u ta' l-impjiegi,
H. waqt li jirrikonoxxi li l-inklużjoni soċjali tal-komunitajiet tar-Roma hu għan li għad irid jintlaħaq u li l-istrumenti ta' l-UE jeħtieġ li jkunu effettivi sabiex isseħħ bidla effettiva u viżibbli f'dak il-qasam,
I. jikkundanna l-fatt li ċ-ċittadini tar-Roma fl-Unjoni Ewropea ta' spiss iħabbtu wiċċhom ma' diskriminazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom, bħala ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, għall-moviment ħieles u għall-istabiliment,
J. jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi żgurata parteċipazzjoni effettiva tar-Roma fil-ħajja politika, partikolarment fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jaffettwaw il-ħajja u l-benesseri tal-komunitajiet tar-Roma,
K. filwaqt li jieħu nota, b'mod partikolari, tal-qagħda ħażina ta' bosta individwi u komunitajiet tar-Roma fl-Istati Membri l-ġodda, kif ukoll il-vulnerabilità serja tal-migranti tar-Roma mill-Istati Membri ġodda għall-istati ta' l-Unjoni Ewropea li ilhom jeżistu,
L. billi l-Kosovo jibqa' post mhux sigur għall-etniċi mhux Albaniżi kollha, inklużi r-Roma, u xi Stati Membri ġiegħlu refuġjati, ħafna minnhom ta' oriġini Roma, jirritornaw lura lejn il-Kosovo, anke jekk il-kundizzjonijiet għal ritorn bħal dak ma kienux garantiti,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 li "konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom" u "jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina l-politiki u l-istrumenti eżistenti u biex tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar sa tmiem Ġunju 2008";
2. Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' diskriminazzjoni sistematika li jħabtu wiċċhom magħha r-Roma f'għadd ta' oqsma ewlenin - bħalma huma l-edukazzjoni, l-impjieg, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u d-djar - f'ħafna Stati Membri ta' l-UE u pajjiżi kandidati; jenfasizza li għandhom jiġu ppjanati, attwati u evalwati l-miżuri kollha li jwasslu sabiex tispiċċa d-diskriminazzjoni kontra r-Roma, bil-parteċipazzjoni l-aktar diretta tal-komunitajiet tar-Roma milquta;
3. Jafferma mill-ġdid l-irwol importanti ta' l-UE fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni kontra r-Roma li ħafna drabi hi strutturali u għalhekk teħtieġ approċċ komprensiv fil-livell ta' UE, waqt li jirrikonoxxi li l-investiment primarju tar-rieda politika, tal-ħin u tar-riżorsi fil-ħarsien, il-promozzjoni u l-awtorizzazzjoni tar-Roma jinsab f'idejn il-gvernijiet nazzjonali ta' l-Istati Membri;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma bil-għan li jkun hemm koerenza fil-politika fil-livell ta' UE dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilitajiet li jsaħħu l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-edukazzjoni, b'enfasi fuq it-tneħħija tas-segregazzjoni u sabiex tirraporta s-sejbiet tagħha lill-Parlament fi żmien sena kalendarja minn din ir-Riżoluzzjoni;
6. Jistieden lill-gvernijiet sabiex jieħdu passi ħalli jżidu n-numru ta' edukaturi u ta' assistenti ta' l-għalliema tar-Roma, u sabiex jiżguraw li materjal edukattiv jinkludi l-istorja u l-kultura tal-poplu tar-Roma, speċjalment f'reġjuni u lokalitajiet li fihom ammont sostanzjali ta' popolazzjoni tar-Roma;
7. Jistieden lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati sabiex jiggarantixxu d-dritt għax-xogħol, u aċċess għas-suq tax-xogħol ibbażat fuq kundizzjonijiet indaqs u sodisfaċenti lill-minoritajiet tar-Roma, kif ukoll id-dritt li jibbenefikaw mis-sistema tas-sigurtà soċjali li tiggarantilhom livell ta' għajxien xieraq;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri li jinkludu għajnuna finanzjarja għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid, miżuri li jsaħħu azzjoni pożittiva fis-suq tax-xogħol u infurzar rigoruż tal-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjieg;
9. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw programmi nazzjonali sistematiċi bil-għan li titjieb is-sitwazzjoni tas-saħħa tal-komunitajiet tar-Roma;
10. Jistieden lill-Istati Membri sabiex iżommu bħala prijorità t-titjib tal-kura tas-saħħa tar-Roma fl-Istati Membri, fil-pajjiżi kandidati, u fil-pajjiżi kandidati potenzjali fid-diskussjonijiet dwar Strateġija ġdida ta' l-UE għas-Saħħa. L-Istrateġija ġdida ta' l-UE għas-Saħħa għandha tqiegħed bħala prijorità ta' importanza d-dispożizzjoni dwar kura xierqa tas-saħħa għar-Roma, flimkien mad-dispożizzjoni dwar l-aċċess għall-istess servizzi tal-kura tas-saħħa għar-Roma bħas-soċjetajiet tal-maġġoranza;
11. Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha sabiex, mingħajr dewmien, itemmu u jirrimedjaw b'mod xieraq: (i) l-esklużjoni sistematika ta' wħud mill-komunitajiet tar-Roma mill-kura tas-saħħa, bl-inklużjoni, fost l-oħrajn, dawk il-komunitajiet f'zoni ġeografiċi iżolati; (ii) l-abbużi estremi tad-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tal-kura tas-saħħa, fejn dawn kienu jsiru jew għadhom isiru, kif ukoll is-segregazzjoni razzjali fil-faċilitajiet tas-saħħa u l-isterilizzazzjoni furzata tan-nisa Roma;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jinkludu l-kwistjoni tat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-djar tar-Roma fid-diskussjonijiet dwar il-politika urbana integrata - il-pjanijiet ta' żvilupp ta' zoni żvantaġġati fejn jgħixu r-Roma għandhom ikunu ta' natura komprensiva u jinkludu l-edukazzjoni, it-taħriġ, is-saħħa, l-impjieg u l-aspetti tal-mistrieħ - u sabiex jikkunsidraw miżuri ta' rilokazzjoni ħalli jipprovdu lir-Roma b'kundizzjonijiet xierqa tad-djar - il-politiki tad-djar, speċjalment miżuri ta' rilokazzjoni, għandhom jiġu implimentati f'konsultazzjoni u f'koperazzjoni mal-komunitajiet Roma milquta;
13. Jitlob biex l-Istati Membri jtemmu l-qerda ta' kolonji (settlements) tar-Roma taħt l-iskuża ta' programmi ta' modernizzazzjoni urbana. Programmi bħal dawn għandhom jiġu implimentati biss wara konsiderazzjoni sew tal-popolazzjoni milquta. Il-familji għandhom jiġu rilokati u mogħtija djar xierqa. Għandu jkun implimentat ukoll programm ta' kumpens għall-familji milquta;
14. Jilqa' l-faċilitajiet essenzjali għall-vjaġġaturi Roma li inbnew fl-UE u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex ikomplu fuq l-istess linji;
15. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi forza ta' ħidma li tikkoordina l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' qafas Ewropea dwar l-inklużjoni tar-Roma, sabiex tiffaċilita kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, tikkoordina azzjonijiet konġunti bejn l-Istati Membri, u tiżgura l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet tar-Roma fl-entitajiet relevanti kollha;
16. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżviluppa proposta għall-istabbilment ta' pjan ta' azzjoni Komunitarju għall-inklużjoni tar-Roma bil-għan li tipprovdi għajnuna finanzjarja għall-implimentazzjoni ta' l-objettivi ta' l-istrateġija ta' qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma;
17. Jistieden lill-Istati Membri sabiex joħolqu strateġiji nazzjonali ta' integrazzjoni tar-Roma fejn dawn għadhom ma jeżistux, u sabiex l-Istati Membri kollha jiżguraw li jkun hemm qafas instituzzjonali xieraq li jiżgura l-implimentazzjoni b'suċċess ta' dawn l-istrateġiji nazzjonali, u li istituzzjonijiet u strateġiji bħal dawn ikollhom fondi adegwati;
18. Iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE sabiex ma jwettqux ritorn furzat tar-Roma li jkunu oriġinaw mill-Kosovo, sakemm is-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-Kosovo ma' tippermettix dan ir-ritorn; refuġjati Roma mill-Kosovo għandu jkollhom garanziji ta' ripatrijazzjoni sikura. Għandhom jingħataw ukoll l-opportunità li jibqgħu fil-pajjiż li qed jospitahom, jekk ikunu jixtiequ, u għandhom jingħataw mezzi għall-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti;
19. Iħeġġeġ sabiex l-Aġenzija ġdida ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tqiegħed l-inklużjoni tar-Roma u l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni razzjali kontra r-Roma fost il-prijoritajiet l-aktar għolja tal-programm ta' ħidma tagħha;
20. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jużaw l-inizjattivi eżistenti bħall-'Għaxar Snin ta' l-Inklużjoni tar-Roma' u l-Fond għall-Edukazzjoni tar-Roma biex iżidu l-effikaċja ta' l-isforzi tagħhom f'dan il-qasam;
21. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.