Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0056/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0056/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

23.1.2008

imressqa wara l-Mistoqsijiet li jitolbu Tweġiba Orali B6‑0389/07, B6-0003/08, B6‑0004/08 u B6‑0005/08
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Roberta Angelilli, Adam Bielan u Ewa Tomaszewska
f'isem il-Grupp UEN
dwar Strateġija Ewropea dwar ir-Roma

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0056/2008
Testi mressqa :
B6-0056/2008
Testi adottati :

B6‑0056/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar strateġija Ewropea dwar ir-Roma

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li jippermetti lill-Komunità Ewropea li tieħu azzjoni xierqa fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali jew etnika,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Jannar 2005 dwar it-tifkira ta' l-Olokawst, l-antisemitiżmu u r-razziżmu,[1]

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2005 dwar il-qagħda tar-Roma fl-Unjoni Ewropea,[2]

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-qagħda tan-nisa Roma fl-Unjoni Ewropea,[3]

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 rigward il-proposta għal Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet tar-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,[4]

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6, 7 u 29 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 tat-Trattat tal-KE, li jorbtu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u biex jipprovdu mezzi Ewropej fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, il-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll l-istatut ta' l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni minħabba l-oriġini razzjali u etnika, u l-aktar il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Tneħħija tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR), it-tnejn iffirmati mill-Istati Membri kollha ta' l-UE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità[5] u d-Direttiva 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol,[6] kif ukoll id-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija,[7]

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Roma huma l-akbar minoranza fl-Ewropa,

B.  filwaqt li jirrikonoxxi li sar xi progress fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mar-Roma rigward id-drittijiet tagħhom għall-edukazzjoni, għall-impjieg, għall-kura tas-saħħa u għad-djar, kemm fl-Istati Membri kif ukoll fil-pajjiżi kandidati,

C.  billi l-edukazzjoni hija għodda fundamentali fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, l-isfruttament u l-kriminalità,

D.  billi l-komunitajiet tar-Roma huma spiss midħla ta' kwistjonijiet kriminali, b'mod partikolari fejn jidħol it-traffikar ta' bnedmin u l-jasar tat-tfal,

E.  billi r-Roma għadhom ibatu minn diskriminazzjoni rigward id-dritt għall-impjieg,

F.  billi l-UE għandha bosta mekkaniżmi u għodod differenti li jistgħu jintużaw biex jitjieb l-aċċess tar-Roma għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, għall-impjiegi, għad-djar u għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari l-inklużjoni soċjali u l-politiki reġjonali u ta' l-impjiegi,

G.  billi l-Istati Membri għandhom ikunu sanzjonati fil-każ li jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond id-Direttiva 2000/43/KE, b'mod partikolari fejn jidħlu l-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-impjiegi, għat-taħriġ vokazzjonali, għall-ħarsien soċjali u għall-edukazzjoni,

H.  filwaqt li jinnota b'mod partikolari l-qagħda ħażina ta' bosta individwi u komunitajiet tar-Roma fl-Istati Membri l-ġodda,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjoni tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007 li tistqarr li "konxju mill-qagħda tassew speċjali li jħabbtu wiċċhom magħha r-Roma fl-Unjoni kollha, jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni biex jużaw il-mezzi kollha biex itejbu l-inklużjoni tagħhom" u "jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-politiki u l-istrumenti attwali u biex sa tmiem Ġunju 2008 tagħmel rapport lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar";

2.  Jikkundanna l-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-Roma u oħrajn meqjusa bħala "żingari";

3.  Jenfasizza li l-problema tad-diskriminazzjoni kontra r-Roma teħtieġ strateġija komprensiva fil-livell ta' l-UE, filwaqt li jirrikonoxxi li l-investiment ewlieni fir-rieda politika, fil-ħin u fir-riżorsi biex tiġi trattata din il-kwistjoni huwa r-responsabilità tal-gvernijiet ta' l-Istati Membri;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa Strateġija ta' Qafas Ewropea dwar l-Inklużjoni tar-Roma bil-għan li jkun hemm koerenza fil-politika fil-livell ta' l-UE dwar l-inklużjoni soċjali tar-Roma, b'mod partikolari tat-tfal Roma;

5.  Itenni li l-aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja għandu jkun inkluż fl-għanijiet tal-politiki fl-istrateġija ta' l-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ tagħha għal azzjonijiet speċifiċi dwar il-minorenni tar-Roma fl-Istati Membri bil-għan li jingħelbu l-isfruttament, it-talb furzat u l-assenteiżmu fl-iskejjel u biex it-tfal Roma jiġu integrati sa minn età bikrija fl-edukazzjoni tradizzjonali;

6.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-programmi nazzjonali bil-għan li titjieb il-qagħda tas-saħħa fil-komunitajiet tar-Roma, b'mod partikolari billi jkun hemm pjan adegwat għat-tilqim tat-tfal;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ tagħha għall-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol permezz ta' miżuri li jinkludu l-infurzar b'mod serju tal-liġijiet antidiskriminatorji fil-qasam ta' l-impjiegi;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadottaw politika għat-titjib tal-kwartieri l-foqra, biex jiżviluppaw obbligi statutorji pożittivi biex ma jkunx hemm aktar nies li ma jkollhomx fejn joqogħdu u biex jinstab tarf tal-problema tal-kampijiet, fejn ma jkun hemm l-ebda standard ta' iġjene u sikurezza u fejn imutu għadd kbir ta' tfal Roma f'inċidenti domestiċi, b'mod partikolari f'nirien, ikkawżati min-nuqqas ta' livelli xierqa ta' sikurezza;

9.  Jistieden lir-Roma biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari rigward in-nisa u t-tfal, billi jevitaw iż-żwiġijiet furzati, il-prattiki tradizzjonali u t-talb furzat;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-koperazzjoni, jikkoordinaw l-azzjonijiet ta' bejniethom u jagħmlu skambji ta' l-aqwa prattiki;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-Kunsill ta' l-Ewropa.