MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
23.1.2008
skond l-Artikolu 103, paragrafu 2, tar-Regoli ta' Proċedura
minn Romano Maria La Russa, Konrad Szymański, Adam Bielan
f'isem il-Grupp UEN
dwar l-Iran
B6‑0057/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Iran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti dwar l-Iran fir-rigward tal-kwistjoni nukleari u tad-drittijiet tal-Bniedem u b'mod partikolari dawk tal-25 ta' Ottubru 2007, tas-16 ta' Novembru 2006, tal-15 ta' Frar 2006, tas-17 ta' Novembru 2005, tat-13 ta' Ottubru 2005, tat-13 ta' Jannar 2005 u tat-28 ta' Ottubru 2004;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2007;
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet approvati mill-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti Nri 1747 ta' l-24 ta' Marzu 2007, 1737 tas-27 ta' Diċembru 2006, u 1696 tal-31 ta' Lulju 2006 dwar il-programm nukleari Iranjan;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-pjan ta' ħidma ta' l-IAEA (International Atomic Energy Agency)
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill ta' l-IAEA, b'mod partikolari dak tal-15 ta' Novembru 2007;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport tan-NIE (National Intelligence Estimate), dwar l-intenzjonijiet u l-kapaċità nukleari ta' l-Iran;
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-tieni laqgħa tad-delegazzjoni interparlamentari PE-IRAN li saret f'Teheran mis-7 sad-9 ta' Diċembru 2007;
A. billi l-Iran ma ssospendiex l-attività ta' arrikkiment ta' l-uranju, hekk kif stabbilit fil-Ftehima dwar il-Protokoll ta' Salvagwardja ta' l-NPT u kif kien intalab mill-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti bir-riżoluzzjonijiet 1747/2007, 1737/2006 u 1696/2006,
B. billi titqies id-dikjarazzjoni tal-kap tad-delegazzjoni IAEA El Baradei tat-12 ta' Jannar 2008, li fiha l-Awtoritajiet Iranjani laqgħu it-talba li jagħtu tweġibiet adegwati fi żmien 4 ġimgħat għall-kwistjonijiet li għadha ma nstabitx soluzzjoni għalihom s'issa, fir-rigward ta' l-attività nukleari fl-Iran;
C. billi, minkejja li ġiet fornita iktar informazzjoni, hija bżonnjuża u urġenti kollaborazzjoni reali min-naħa ta' l-awtoritajiet Iranjani sabiex l-ispetturi ta' l-IAEA jkunu jistgħu jivverifikaw l-istat ta' żvilupp tal-postijiet u jifhmu l-livell ta' attività, inklużi t-traċċi ta' arrikkiment qawwi ta' l-uranju li diġà nstabu f'ċerti siti nukleari,
D. billi r-rapport ta' l-Istati Uniti tan-NIE (National Intelligence Estimate) li ġie ppubblikat fit-3 ta' Diċembru 2007, wera kif il-programm ta' enerġija atomika għal użu militari fl-Iran ġie bblukkat fl-2003 u li sa nofs l-2007 ma reġax inbeda, u billi dan juri fil-fatt li kien hemm proġett għall-produzzjoni ta' armi atomiċi, mingħajr ma jiġi eskluż li arrikkiment qawwi ta' l-uranju seta' fil-futur iservi għal użu potenzjali ta' armi nukleari,
E. billi fl-Iran is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-Bniedemu tal-libertajiet fundamentali marret lura progressivament sa mill-aħħar sentejn u nofs, jiġifieri mill-aħħar elezzjonijiet presidenzjali ta' l-2005, minkejja li l-Iran iffirma Ftehimiet Internazzjonali ta' garanzija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,
F. billi fl-2007 żdied b'mod notevoli n-numru ta' eżekuzzjonijiet ('il fuq minn 320) anke ta' minorenni, b'tgħallieq f'postijiet pubbliċi u tħaġġir f'isem id-dritt mogħti mil-liġi tas-Sharia,
G. billi fl-Iran id-drittijiet fundamentali l-iktar bażiċi jinkisru regolarment, billi l-persuna tiġi umiljata fid-dinjità umana tagħha;
H. billi r-repressjoni qawwija fis-seħħ tolqot lil kull kategorija tas-soċjetà: opponenti politiċi, studenti, ġurnalisti, nisa, trade unions u persuni li huma parti minn minoranzi etniċi u reliġjużi, bl-akkuża ġenerika ta' attivitajiet kontra s-sistema,
I. billi bosta studenti universitarji miġbura fil-moviment ''Tisħiħ ta' l-unità'' u attivisti tal-moviment għad-drittijiet tan-nisa ġew ippersegwitati, maltrattati u għadhom s'issa miżmuma f'ħabsijiet speċjali,
1. Iqis li l-programm nukleari Iranjan u l-attivitajiet ta' arrikkiment ta' l-uranju jirrappreżentaw periklu serju għall-Komunità internazzjonali, hekk kif jinsab fir-riżoluzzjonijiet Nru 1747, 1737 u 1696 tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti;
2. Jesprimi preokkupazzjoni qawwija rigward l-imġieba ta' l-Awtoritajiet Iranjani li ma rrispettawx il-Ftehimiet internazzjonali u l-Protokoll addizzjonali li jipprevedu s-sospensjoni ta' l-attività ta' arrikkiment ta' l-uranju li mhux destinat għal użu ċivili;
3. jitlob li l-Iran jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet ta' l-IAEA u jippermetti li jsiru l-ispezzjonijiet tas-siti nukleari, li huma neċessarji biex jiġu verifikati l-potenzjal u l-iskop ta' l-attività nukleari;
4. Itenni l-appoġġ sħiħ lid-Deċiżjonijiet tal-5 Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi membri tal-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li ltaqgħu fit-22 ta' Jannar 2008 f'Berlin;
5. Jistieden lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex, fir-rapporti tagħhom ma' l-Iran, ma jmorrux lura mil-linja iebsa, biex jesprimu opinjoni unika u jżommu pressjoni iebsa, u fl-istess ħin jistimolaw id-djalogu;
6. Jesprimi l-preokkupazzjoni qawwija tiegħu rigward id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem f'dawn l-aħħar snin u jappella sabiex l-awtoritajiet Iranjani jirrispettaw l-obbligi tagħhom li joħorġu mir-regoli u mill-istrumenti internazzjonali għad-drittijiet tal-Bniedem li ġew ratifikati fl-Iran, u jippromwovu l-valuri universali u jagħtu lil kull individwu d-dritt għall-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u tal-libertà politika;
7. Ifakkar lill-Gvern Iranjan biex, bħala firmatarju tal-Ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, jiggarantixxi d-drittijiet tal-Bniedem fundamentali, b'mod partikolari l-libertà għal opinjoni, u jitlob biex jinħelsu immedjatament il-ħabsin kollha ta' kuxjenza;
8. Jikkundanna bil-qawwa l-piena kapitali u l-eżekuzzjonijiet fl-Iran, b'mod partikolari dawk ta' minorenni u ta' awturi ta' reati mwettqa taħt l-età, u jħeġġeġ lill-Awtoritajiet Iranjani biex jirrispettaw il-garanziji ġuridiċi rikonoxxuti mill-Komunità internazzjonali fir-rigward tal-minorenni, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u dik dwar id-drittijiet tat-tfal;
9. Jesprimi preokkupazzjoni qawwija dwar iż-żieda drammatika fir-repressjoni tal-movimenti tas-soċjetà ċivili fl-Iran matul din l-aħħar sena u jitlob lill-Awtoritajiet Iranjani biex itemmu din ir-repressjoni iebsa li qed tiġi pprattikata kontra l-moviment ta' l-istudenti, id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa, l-attivisti tal-kampanja ''Miljun firma'', id-difensuri tad-drittijiet tal-minoranzi, l-intellettwali, l-għalliema, il-ġurnalisti, it-trade unions;
10. Iħeġġeġ bis-saħħa lill-Awtoritajiet Iranjani biex jeliminaw mill-kodiċi ġuridiku kull forma ta' tortura u kull forma oħra ta' krudeltà, ta' kastig u ta' trattament inuman u degradanti u biex jiggarantixxu kull dritt għad-difiża fil-każijiet quddiem il-qorti;
11. Jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward ir-rifjut min-naħa tal-Kunsill biex jimplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12/12/2006 rigward il-PMOI u biex iqis is-sentenza reċenti tal-qorti tar-Renju Unit tat-30/11/2007 li biha jiġi annullat ir-rikonoxximent tal-PMOI bħala organizzazzjoni terrorista; Jitlob lill-Kunsill biex jeskludi dan il-moviment mil-lista tat-terroristi;
12. Jenfasizza kif il-ġejjieni tal-Ftehimiet Kummerċjali u ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Iran jiddependi mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-Bniedem fl-Iran, kif ukoll mill-kollaborazzjoni sħiħa ma' l-IAEA, sabiex tiġi garantita n-natura paċifika ta' l-għanijiet tal-programm nukleari,
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport dwar il-prospettivi tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iran u biex teżamina mezz kif jista' jerġa' jinbeda djalogu dwar id-drittijiet tal-Bniedem sabiex jiġu kkundizzjonati n-negozjati għall-koperazzjoni u l-kummerċ, li l-konklużjoni tagħhom tiddependi unikament fuq il-progress fil-qasam tad-drittijiet tal-Bniedem u dak nukleari;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-president tiegħu sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill għas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kap tal-Qorti Suprema ta' l-Istat Iranjan u lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika Iżlamika ta' l-Iran.