MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
13.2.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis Wurtz, Ilda Figueiredo, Helmuth Markov, Gabriele Zimmer, Eva-Britt Svensson, Esko Seppänen u Roberto Musacchio
f’isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008 f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Istrateġija ta' Liżbona
B6‑0073/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta' l-2008 f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-Istrateġija ta' Lisbona
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Lulju 2005 inititolata "Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi:Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona" (COM(2005)0330),
– wara li kkunsidra s-27 Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Liżbona kif preżentati mill-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-implimentazzjoni ta' l-2007 tal-Programm Komunitarju tal-Kummissjoni dwar Liżbona,
– wara li kkunsidra t-tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni għall-ħarifa 2007 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-pakkett ta' komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2007: "Rapport Strateġiku dwar il-verżjoni mġedda ta’ l-istrateġija ta’ Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi: it-tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010)" (COM(2007)0803), u "Proposta għal Programm ta’ Liżbona tal-Komunità 2008 - 2010" (COM(2007)0804),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000, tal-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma tat-23 u l-24 ta' Marzu 2001, tal-Kunsill Ewropew ta' Barċellona tal-15 u s-16 ta' Marzu 2002, u l-Kunsilli Ewropej ta' Brussell tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005, tal-15 u s-16 ta' Diċembru 2005, tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006, u tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Marzu 2005, tal-15 ta' Marzu 2006 u ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu ta' l-Istrateġija ta' Liżbona,
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Grupp GUE/NGL fi Frar 2007 dwar x'se jiddaħħal fil-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ta’ l-2007 li għandu x’jaqsam ma’ l-Istrateġija ta’ Liżbona,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill Ewropew f'Marzu 2000 u mbagħad fl-2005 stabilixxa objettivi ta' rata medja ta' tkabbir ekonomiku ta' 3%, impjieg komplut, tnaqqis tal-faqar u l-inugwaljanzi u nefqa globali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' 3% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) Komunitarju li jridu jintlaħqu sa l-2010,
B. billi, wara 8 snin ta' implimentazzjoni ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, wasal iż-żmien għal analiżi serja u sħiħa ta' l-impatt tagħha fuq il-ħajja ekonomika u soċjali taċ-ċittadini,
L-Istrateġija ta' Liżbona - ir-riżultati ta' vera
1. Jenfasizza li, hekk kif deħlin f'dan l-aħħar ċiklu 2008-2010, l-Istrateġija ta' Liżbona ma rnexxielhiex tilħaq l-objettivi dikjarati tagħha ta' tkabbir ekonomiku medju ta' 3%, impjieg komplut, nefqa globali fir-riċerka u l-iżvilupp ta' 3% tal-GDP Komunitarju u tnaqqis tal-faqar bl-intenzjoni li jiġi eliminat;
2. Jinnota li t-tkabbir ekonomiku medju fl-UE-15 naqqas il-veloċità tiegħu deċennju wara deċennju; jinnota li dan l-aħħar il-Kummissjoni rrivediet it-tbassir tagħha li jindika tnaqqis ġdid fil-veloċità tat-tkabbir ekonomiku; ifakkar fir-rata medja ta' tkabbir annwali medju dejjem tonqos ta' 1.6% fl-UE-27 (1.3% fl-UE-15) bejn l-2000 u l-2006, meta mqabbla ma' 2.9 u 2.8% rispettivament bħala medja bejn l-1996 u l-2000;
3. Jinnota l-persistenza u f'xi każi ż-żieda tan-nuqqasijiet ta' parità reġjonali u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali bejn l-Istati Membri u fihom; jindika li attwalment hemm pajjiżi u reġjuni li qed jitbegħdu minflok joqorbu mal-medja ta' l-UE;
4. Jinnota li mill-2000 sa l-2005 l-għadd ta' persuni qegħda fl-UE żdied b'miljun, u li fl-2006 kien hemm aktar minn 18-il miljun persuna qegħda fl-UE; jinnota t-tkabbir medju bil-mod ta' l-impjiegi, li mhux biżżejjed biex jintlaħaq l-objettiv ta' 70% sa l-2010; jiġbed l-attenzjoni partikularment għall-fatt li t-tkabbir fl-impjiegi f'dawn l-aħħar għaxar snin hu dovut l-aktar għaż-żieda f'xogħol prekarju b'xogħol part-time responsabbli għal aktar minn nofs iż-żieda globali;
5. Jinnota bi tħassib li d-differenzi bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol jibqgħu sinifikanti peress li r-rata ta' qgħad tan-nisa tibqa' ogħla milli jista' jiġi aċċettat meta mqabbla mar-rata ta' qgħad totali u ta' l-irġiel; isib li hu inaċċettabbli li mill-2003 ma kien hemm l-ebda tnaqqis fid-distakk tal-pagi bejn is-sessi peress n-nisa jkomplu jaqilgħu medja ta' 15% inqas mill-irġiel (25% inqas fis-settur privat, li jiġu 30% fl-industrija) u li l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-karrieri għadha mhix realtà;
6. Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żagħżagħ għadu problema fundamentali li llum jibqa' madwar 18% u li fuq l-aħħar 25 sena ma saru l-ebda żviluppi ġodda fit-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żagħżagħ; jinnota l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq għaxar snin ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi fejn tiddikjara li "ż-żgħażagħ għandhom id-doppju tal-possibilitajiet li jkunu qegħda meta mqabbla ma' adulti li laħqu l-maturità";
7. Jindika li l-inugwaljanzi fid-dħul żdiedu mill-2000, peress li l-proporzjon bejn l-20% l-aktar sinjuri u l-20% l-aktar fqar żdiedet minn 4.5:1 għal 4.8:1 fl-2006, li tirrifletti żieda sostanzjali fil-konċentrazzjoni tal-ġid fl-UE;
8. Isibha inaċċettabbli li l-inugwaljanzi soċjali u l-faqar qed jiżdiedu fl-UE bi 78 miljun persuna qed jgħixu fil-faqar jew f'riskju ta' faqar, b'mod speċjali n-nisa u t-tfal; jenfasizza li l-faqar waqt ix-xogħol hu responsabbli għal aktar minn terz tar-riskju globali ta' faqar fl-UE;
9. Jindika li l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp f'termini ta' persentaġġ ta' GDP staġna bejn l-2000 u l-2005, peress li kien 1.9% fl-2005 fl-UE-15 u 1.4% fl-UE-25, ferm 'il bogħod mill-objettiv ta' l-UE ta' 3% tal-GDP sa l-2010;
L-Istrateġija ta' Liżbona - il-kontradizzjoni bejn l-objettivi proklamati u l-politiki neoliberali
10. Jiġbed l-attenzjoni għall-kontradizzjoni bejn l-hekk imsejħa "Objettivi ta' Liżbona" - biex l-Ewropa ssir "l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għerf fid-dinja, kapaċi għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, b'xogħol iktar u aħjar u koeżjoni soċjali ikbar" - u l-politiki neoliberali li qed jiġu applikati;
11. Jisgħobih li l-Kummissjoni, fil-Komunikazzjoni tagħha għall-Kunsill tar-Rebbiegħa ta' l-2008, naqqset milli tindirizza l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi profondi ta' tmien+ snin ta' l-Istrateġija ta' Liżbona;
12. Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni, bil-kontra, qed timbotta biex il-programm neoliberali tagħha jidħol iktar fil-fond b'liberalizzazzjonijiet ulterjuri, aktar prekarjetà u qed tippromwovi l-"esternalizzazzjoni" ta' l-Aġenda ta' Liżbona;
13. Jinnota li, mill-2000, l-UE ntlaqtet minn tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi letarġiku, trasferiment tal-kisbiet mill-produttività mill-ħaddiema għad-detenturi ta' l-ishma u l-persistenza ta' livelli għolja ta' qgħad, faqar, esklużjoni soċjali, xogħol prekarju u inugwaljanza ta' dħul;
14. Itenni li l-Istrateġija ta' Liżbona, kif definita mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2000 u 2005 (bl-appoġġ ċar ta' l-organizzazzjonijiet Ewropej ewlenin ta' min jimpjega), kienet l-għodda prinċipali fl-UE biex jiġu promossi l-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni ta' utilitajiet u servizzi pubbliċi, il-flessibilità u l-adattabilità tas-swieq tax-xogħol, it-trażżin tal-pagi u l-ftuħ għall-interessi privati tal-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet għas-sigurtà soċjali, inklużi l-pensjonijiet u s-saħħa;
15. Jisgħobih li l-hekk imsejjaħ qawmien mill-ġdid ta' l-Istrateġija ta' Liżbona fl-2005 aċċentwa dejjem aktar il-kontenut neoliberali u jfakkar li dan il-kontenut ġie tradott fi programmi konkreti ta' riforma nazzjonali mill-Istati Membri kollha, fatt li poġġa fir-riskju lid-dimensjoni soċjali u li ma tax kas tal-problemi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ffaċċjati mill-Istati Membri differenti fl-UE;
16. Jenfasizza li l-Programm Komunitarju ta' Liżbona u l-programmi nazzjonali ta' riforma fil-qafas ta' l-Istrateġija ta' Liżbona riveduta huma għodda biex tiġi provduta ġustifkazzjoni nazzjonali għall-istess riformi strutturali fl-Istati Membri kollha u biex jiġu mbuttati 'l quddiem, b'mod partikulari fir-rigward tas-suq tax-xogħol u s-sigurtà soċjali, li dawn se jkollhom konsegwenzi ekonomiċi u soċjali serji, intensifikati mil-linji gwida integrati u l-Patt għall-Istabbilità u t-Tkabbir; iqis li dawn ir-riformi se jipperikolaw lid-drittijiet tal-ħaddiema, tal-pensjonanti, ta' l-utenti ta' servizzi pubbliċi u tal-konsumatur;
17. Jenfasizza li l-proċċess li għaddej attwalment biex jiġu liberalizzati s-swieq u privatizzati l-utilitajiet pubbliċi għadu ma ġabx kisbiet viżibbli f'termini ta' prezzijiet, kwalità ta' servizz jew tnaqqis fl-infiq pubbliku; jinnota li, bil-kontra, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumatur u ta' l-utenti ta' servizzi pubbliċi rrapurtaw żidiet fil-prezzijiet, tnaqqis fil-livell tal-kwalità tas-servizzi u żidiet fil-prezzijiet ta' forniment; jinnota, barra minn hekk, li l-liberalizzazzjoni kkontribwiet għall-qerda ta' xogħlijiet fis-setturi milquta u l-ħolqien ta' monopolji privati li qegħdu fir-riskju d-drittijiet tal-ħaddiema, ta' l-utenti ta' servizzi pubbliċi u tal-konsumatur;
18. Jiċħad, għalhekk, il-liberalizzazzjoni tat-trasport pubbliku, tas-sistemi ta' l-enerġija u tal-komunikazzjonijiet u, b'mod partikulari, il-ftehimiet ta' dan l-aħħar dwar il-liberalizzazzjoni tat-traffiku internazzjonali tal-ferroviji għall-passiġġieri u tas-servizzi postali;
19. Jenfassizza l-importanza tas-servizzi pubbliċi għall-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jenfasizza li s-setturi strutturali pubbliċi m'għandhomx ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni imma għandhom ikunu propjetà ta' l-awtoritajiet pubbliċi u mmanġġjati minnhom bħala l-uniku mod biex jiġi żgurat li s-servizz provdut ikun ta' kwalità, disponibbli u għall-but ta' kulħadd u biex b'hekk jiġu garantiti d-drittijiet ta' l-utent;
20. Jenfasizza li l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi provdiet l-għodda għat-tnaqqis tar-regolamenti tas-swieq tax-xogħol, għat-tranżizzjoni minn xogħlijiet stabbli għal xogħolijiet prekarji u l-indeboliment tad-drittijiet tal-ħaddiema u n-negozjar kollettiv peress li tippromwovi l-impjegabilità u l-adattabilità tal-ħaddiema;
21. Iqis li d-deċiżjonijiet riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-kawżi Vaxholm-Laval u Viking Line juru fejn l-orjentament tat-Trattati attwali, li għadu preżenti fit-Trattat ta' Liżbona jwassal; jisgħobih ħafna dwar il-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tat prijorità lir-regoli dwar il-kompetizzjoni fl-UE fuq kollox biex b'hekk leġittimizzat id-dumping soċjali u dgħajfet lid-drittijiet tal-ħaddiem;
22. Jiċħad bil-qawwa l-kunċett il-ġdid ta' "flessigurtà" u t-tentattiv biex isir l-approċċ globali għaċ-ċiklu ta' tliet snin li jmiss ta' l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi;
23. Iqis li dan il-kunċett jippromwovi l-liberalizzazzjoni ta' tkeċċijiet, ta' l-aġġustament tax-xogħol (u l-pagi) għaċ-ċiklu kummerċjali bis-servizzi għall-impjieg pubbliku ta' l-Istati Membri jieħdu l-ispejjeż tar-riċiklaġġ u r-rotazzjoni ta' l-impjiegi, u bit-tnaqqis tar-regolamenti dwar il-kuntratti tal-ħaddiema, waqt li jipperikola l-koeżjoni soċjali u l-kwalità tax-xogħol; javża li wara din l-istrateġija hemm ukoll l-iskop li jiġu riveduti l-iskemi għall-benefiċċji għall-qgħad bil-għan li jitnaqqsu l-benefiċċji u t-tul tagħhom;
24. Jiġbed l-attenzjoni għar-rata li għadha għolja ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola , b'mod partikulari f'xi Stati Membri;
25. Iqis li sabiex l-UE ssir "l-iktar ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għerf fid-dinja" hemm bżonn ta' bidla radikali mill-politiki attwali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ, li torbot l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u l-edukazzjoni mal-kapriċċi tas-suq ħieles u b'hekk tiġi ġġustifikata l-kommodifikazzjoni ta' l-għerf, l-edukazzjoni u r-riċerka (il-proċess ta' Bologna);
26. Iqis li l-politika monetarja u fiskali fl-UE kienet restrittiva, bl-objettivi globali tagħha ta' stabilità tal-prezzijiet u konsolidazzjoni tal-baġit bi qbil mal-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir; jenfasizza li l-proċess ta' konverġenza nominali lejn l-euro u dak li segwa kellhom impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u ta' l-impjiegi, fuq il-koeżjoni soċjali u ekonomika, fuq il-konverġenza reali bejn l-Istati Membri ta' l-UE, u fuq l-investiment pubbliku, u b'hekk poġġew fir-riskju l-irkupru ekonomiku miżeru attwali u l-ġlieda kontra l-qgħad;
27. Jiġbed l-attenzjoni għall-fqigħ riċenti tas-swieq finanzjarji, li qed jaffetwa fil-fond u dejjem u dejjem aktar mhux biss lill-Istati Uniti imma anke lill-UE u ekonomiji oħra; jenfasizza r-riskji miżjuda ta' kriżi finanzjarja minħabba t-tnaqqis ta' regolamenti tas-swieq kapitali u l-volatilità miżjuda tagħhom fid-dinja kollha, b'żieda f'ekonomiji "każinò" li huma ta' periklu permanenti għall-ekonomija reali; jiċħad it-tnaqqis ta' regolamenti mbassar fil-pjan ta' azzjoni għas-servizzi finanzjarji inkluż fl-Istrateġija ta' Liżbona;
28. Jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi ta' l-orjentamenti monetarji tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-insistenza tiegħu li jagħti prijorità għall-istabilità tal-prezzijiet fi żmien meta s-Sistema ta' Riżerva Federali qed tbaxxi r-rati ta' l-interessi tagħha u anke l-Fond Monetarju Internazzjonali qed toħroġ avviżi dwar din is-sitwazzjoni;
29. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-aġenda esterna ta' l-UE li hi kkaratterizzata minn politika ta' kummerċ u investiment esterni dejjem aktar agressiva u minn tiswir mill-ġdid neoliberali tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi anqas żviluppati;
30. Jopponi bil qawwa l-promozzjoni li qed tagħti l-UE lill-hekk imsejħa Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika ma' pajjiżi terzi li jimponu l-liberalizzazzjoni tas-servizzi u l-utilitajiet pubbliċi tagħhom u li jiggarantixxu l-ftuħ tas-swieq għan-negozji Ewropej, biex b'dan il-mod tingħeleb il-waqfa fin-negozjati ta' Doħa;
31. Jisgħobih li l-UE adottat baġit għall-2008 bbażat fuq il-prijoritajiet dikjarati fil-"Kostituzzjoni Ewropea" li ma ġietx ratifikata u li issa huma preżenti fil-proġett tat-"Trattat ta' Liżbona", i.e. dwar il-kompetizzjoni/kompetittività, is-sigurtà u l-militarizzazzjoni, minflok ma jiġu indirizzati l-isfidi soċjali, ekonomiċi u ambjentali li qed jiffaċċjaw l-UE wara t-tkabbir u l-ħtiġijiet tagħha relatati mal-koeżjoni;
Wasal iż-żmien għal bidla - "Strateġija għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp Sostenibbli" ġdida
32. Jistieden lill-Kunsill biex jimpenja ruħu għal bidla reali u biex jiffoka fuq il-garanzija tal-benessri u l-istandards ta' għajxien taċ-ċittadini, fuq il-ġlieda kontra l-faqar, fuq l-iżvilupp tal-koeżjoni soċjali u ekonomika u fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi;
33. Jenfasizza li hemm bżonn ta' strateġija ġdida biex tiġi stabbilita triq ġdida għall-Ewropa: triq ta' impjieg komplut, xogħlijiet diċenti bi drittijiet, pagi aħjar, koeżjoni soċjali u ekonomika u ħarsien soċjali għal kulħadd, triq li tiggarantixxi l-ogħla standards ta' għajxien; triq li tqis il-bżonnijiet ta' żvilupp ta' kull Stat Membru, b'mod partikulari dawk li huma l-anqas żviluppati, li tippromwovi konverġenza ta' vera u tgħin biex jitnaqqas id-distakk fl-iżvilupp bejn l-Istati Membri u n-nuqqas ta' parità ekonomika, soċjali u reġjonali eżistenti;
34. Jitlob, għalhekk, biex l-Istrateġija ta' Liżbona tiġi sostitwita minn "Strateġija Ewropea għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp Sostenibbli" ibbażata fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq, b'sett ġdid ta' politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jitħeġġeġ l-investiment:
- (i)fil-kwalità tax-xogħol fl-aspetti kollha tiegħu (pagi, stabilità, kundizzjonijiet ta' xogħol u taħriġ) u fit-titjib tal-kwalifiki, sabiex ikun hemm popolazzjoni li taħdem li jkollha livell għoli ta' taħriġ u kapaċitajiet,
- (ii)fl-infrastruttura bażika u fl-infrastruttura għall-appoġġ ta' l-industrija,
(iii) fis-servizzi pubbliċi, sabiex tittejjeb il-kwalità tagħhom,
- (iv)f'politika ta' koeżjoni b'saħħitha, sabiex tkun promossa l-koeżjoni soċjali u ekonomika,
- (v)fil-ħarsien ta' l-ambjent u fl-ekoteknoloġiji,
- (vi)fit-titjib ta' l-istandards soċjali, ambjentali, tax-xogħol u tas-sikurezza, sabiex tintlaħaq armonizzazzjoni biex jintlaħqu l-ogħla standards,
(vii) fl-ekonomija soċjali,
(viii) fil-ħarsien soċjali, sabiex jinqered il-faqar u sabiex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali,
- (ix)fir-riċerka u l-innovazzjoni (pubbliċi), sabiex jiġu garantiti l-benefiċċji tagħhom għal kulħadd,
- (x)fil-promozzjoni tal-kultura, ta' l-isport u tal-parteċipazzjoni ċivili,
- (xi)fid-"dematerjalizzazzjoni" progressiva ta' l-ekonomija;
35. Jinsisti li l-Patt għall-Istabilità u t-Tkabbir jiġi revokat b'mod parallel mat-twaqqif ta' Patt għall-Impjiegi u t-Tkabbir li jkollu jrawwem l-investiment pubbliku, itejjeb l-effiċjenza u jistabilixxi kriterji ekonomiċi, soċjali u ambjentali speċifiċi mfassla apposta għall-bżonnijiet partikulari ta' kull Stat Membru, u li jikkonċentra b'mod partikulari fuq it-tnaqqis tal-qgħad;
36. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi appoġġjat l-iżvilupp tar-reġjuni anqas vantaġġjati, ta' l-inħawi bi żvantaġġi strutturali permanenti, tar-reġjuni l-aktar periferiċi, u ta' l-inħawi affetwati mid-deindustrijalizzazzjoni jew ir-ristrutturar industrijali riċenti sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali, u ta' l-inklużjoni soċjali tan-nisa f'dawk l-inħawi u r-reġjuni;
37. Jenfasizza l-importanza ta' l-irwol ta' l-istat fil-promozzjoni ta' l-iżvilupp ekonomiku, fl-appoġġ għall-investiment produttiv, fil-ħolqien ta' xogħlijiet bi drittijiet, fl-istimulazzjoni ta' l-esportazzjoni, fl-appoġġ għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, is-settur tal-koperattivi u l-familji;
38. Jinsisti fuq it-tisħiħ ta' l-irwol ta' l-istat fir-regolamentazzjoni, fil-parteċipazzjoni u fl-intervenzjoni fis-suq u fuq qafas regolatorju aħjar, b'mod partikulari għas-swieq finanzjarji;
39. Jitlob li fl-UE tiġi implimentata taxxa fuq iċ-ċaqliq ta' kapital minħabba l-volatilità u l-instabilità dejjem jikbru tas-swieq finanzjarji, il-periklu li jinħoloq għall-ekonomija mill-ispekulazzjoni u l-bżonn li jinkisbu għejjun ġodda ta' dħul fiskali bl-intenzjoni li l-bilanċ fiskali jerġa lura għal bejn ix-xogħol u l-kapital;
40. Jinnota l-problema ta' l-evażjoni u l-erożjoni fiskali u l-impatt tagħha fuq id-dħul u t-telf baġitarju f'livell nazzjonali; jitlob li jsir impenn sod min-naħa ta' l-Istati Membri biex jitneħħew l-postijiet li joffru taxxi preferenzjali (tax havens) l-attivitajiet offshore fl-UE sa l-2010 u jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu impenn sod biex ineħħu l-postijiet li joffru taxxi preferenzjali u l-attivitajiet offshore fid-dinja kollha;
41. Jiġbed l-attenzjoni għad-dipendenza esterna dejjem tiżdied ta' l-UE, li hi konsegwenza diretta tal-politika kontinwa ta' deindutrijalizzazzjoni u rilokazzjoni ta' l-attivitajiet ta' produzzjoni lejn pajjiżi terzi;
42. Jitlob li jkun hemm politika ġdida ta' investiment industrijali li tieħu vantaġġ tar-riżorsi naturali u l-kapaċità produttiva ta' kull Stat Membru;
43. Ifakkar fit-talba tiegħu għall-ħolqien ta' qafas regolatorju fil-livell ta' l-UE biex jiġu penalizzati r-rilokazzjonijiet ta' ditti fl-UE u 'l barra minnha; iqis li l-għajnuna pubblika, fil-livelli nazzjonali u ta’ l-UE, lill-intrapriżi għandha tkun marbuta ma’ impenji fuq perjodu ta' żmien twil li jagħmlu l-istess intrapriżi fir-rigward ta' l-iżvilupp reġjonali u l-impjiegi, u li m'għandha tingħata l-ebda għajnuna li tintuża għall-promozzjoni tar-rilokazzjonijiet;
44. Jinnota l-intenzjoni li tiġi riveduta d-Direttiva dwar il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet (94/45/EC); Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iqisu kif suppost ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-17 ta' Jannar 2007 li tistipula l-ħtieġa li jitħarsu d-drittijiet tal-ħaddiema fil-proċessi ta' ristrutturar li jaffetwaw lill-intrapriżi industrijali, il-ħtieġa li jiġi garantit aċċess sħiħ għall-informazzjoni u l-possibilità ta' intervent deċisiv matul il-proċess, inkluż id-dritt għall-vot, u l-ħtieġa li jiġu definiti l-kriterji għall-kumpens li jkun dovut għall-ħaddiema fil-każ li l-intrapriża tonqos milli tikkonforma ma' l-obbligi kuntrattwali tagħha;
45. Jenfasizza li r-reviżjoni ta' l-Istrateġija Ewropew għall-Impjiegi u tal-Linji Gwida Integrati għaċ-ċiklu li jmiss (2008 – 2010) ma jridx ikun bażat fuq il-kunċett ta' flessigurtà tal-Kummissjoni, imma minklok għandu jkun bażat fuq il-promozzjoni ta' xogħol bid-drittijiet; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu miżuri effettivi bl-intenzjoni li jikkonformaw ma' l-istandards soċjali u li jiggarantixxu xogħol diċenti, biex b'hekk jiġu żgurati dħul diċenti għall-ħaddiema, u b'mod partikulari għan-nisa, id-dritt għas-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol, għall-ħarsien soċjali u l-libertà tat-trade unions u li jneħħu kull forma ta' diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fuq ix-xogħol u biex jipprovaw jilħqu l-objettiv ambizzjuż li jitnaqqas l-għadd ta' fqar li jaħdmu fl-Ewropa;
46. Jisħaq li huma meħtieġa politiki biex tinkiseb l-ugwaljanza għan-nisa u l-irġiel (eż. paga indaqs, liv għall-ġenituri, aċċess għal impjiegi bi drittijiet) u biex jinħolqu kundizzjonijiet aħjar biex jiġu rikonċiljati x-xogħol u l-ħajja privata, biex tiġi garantita l-indipendenza ekonomika tan-nisa; jinnota l-ħtieġa għal infrastrutturi edukattivi u soċjali mtejba kemm għaż-żgħażagħ kif ukoll għall-anzjani, inklużi faċilitajiet aktar (u aħjar) għat-tagħlim, għall-kura tat-tfal (għall-but ta' kulħadd ), u għall-kura permezz ta' infermiera u l-kura għall-anzjani; ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn li ħadu fis-Summit ta' Barċellona fl-2002;
47. Jistieden lill-UE biex tieħu impenn b'saħħtu biex tnaqqas il-ħin tax-xogħol, mingħajr ma jitnaqqsu l-pagi, sabiex jinħolqu impjiegi ġodda u tiżdied il-produttività; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirtira l-proposta tagħha għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għat-tnaqqis gradwali tal-ħin tax-xogħol sa l-2010 u jisħaq l-objettiv fuq perjodu ta' żmien qasir li l-ġimgħa tax-xogħol issir ta' 35 siegħa; iqis li t-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, mingħajr ma jitnaqqsu l-pagi, għandu jitqies bħala għan fih innifsu u bħala kejl tal-benessri tas-soċjetà;
48. Jenfasizza l-importanza li jiżdied il-livell globali ta' l-edukazzjoni u l-kwalifiki tal-popolazzjoni; ifakkar li edukazzjoni pubblika ta' kwalità hija fundamentali għall-iżvilupp, u jqis li s-sistemi għall-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jissaħħu fl-istadji diversi tal-ħajja, b'investiment ulterjuri u aċċess għall-edukazzjoni ogħla ffaċilitat għal kulħadd;
49. Jistieden lill-Istati Membri sabiex l-ewwel u qabel kollox jiffokaw fuq il-problema ta’ dawk li jitilqu mill-iskola fil-livell primarju u sekondarju; iqis li r-rata ta' dawk li jitilqu mill-iskola fl-UE hi għolja b'mod inaċċettabbli; jistieden lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa sabiex itejjeb l-impenji preċedenti tiegħu sabiex din ir-rata titnaqqas bin-nofs sa l-2010;
50. Jenfasizza l-importanza ta' riċerka bażika u applikata ffinanzjata pubblikament għall-promozzjoni ta' l-innovazzjoni u t-trawwim tar-riċerku u l-iżvilupp biex tinkiseb il-politika globali ta' żvilupp sostenibbli u biex tikkontribwixxi għall-ġid u l-ħolqien ta' impjiegi; jistieden lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex tinkiseb politika għat-tħeġġiġ ta' l-innovazzjoni u r-riċerka u l-iżvilupp fl-SMEs;
51. Jinsisti li s-sostenibilità ekoloġika u soċjali għandha tkun fil-qalba tal-programmi ta’ investiment pubbliku ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri; iqis li għandha titqiegħed aktar enfasi fuq l-iżvilupp ta' miżuri għall-effiċjenza enerġetika, l-użu ta' għejjun ta' enerġija li jiġġeddu u l-promozzjoni ta' teknoloġiji koġenerazzjonali; jitlob li jkun hemm programm Komunitarju biex jiġu appoġġjati l-miżuri għat-titjib ta' l-effiċjenza enerġetika fl-Istati Membri u biex b'hekk jitnaqqas il-konsum ta' l-enerġija.
52. Jisgħobih li r-rispons ta' l-UE għall-bidla fil-klima u għan-nuqqasijiet enerġetiku kienet limitata fil-biċċa l-kbira tagħha għall-kwistjoni jekk l-Istati Membri fetħux is-swieq ta' l-enerġija tagħhom "kif suppost" jew le;
53. Jitlob li jkun hemm politika ta' investiment dwar in-netwerks ta' trasport pubbliku li tħeġġeġ l-użu tagħhom u li hi intenzjonata biex tiġi ffrankata aktar enerġija u biex ikun hemm kwalità ambjentali aħjar;
54. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' miżuri ta' trasport effiċjent bi qbil mal-prinċipju ta' sostenibilità u l-promozzjoni ta' investiment f'modi ta' trasport li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent;
55. Jinsisti li r-relazzjonijiet esterni għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta' "non interferenza", waqt li jippromwovu azzjonijiet ulterjuri biex jiġu appoġġjati l-koperazzjoni u l-iżvilupp mal-pajjiżi kollha;
56. Jenfasizza li l-UE għandha tirrevedi kompletament l-istrateġija kummerċjali agressiva neoliberali globali tagħha u minflok għandha tibdel lejn aġenda kummerċjali solidari li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u l-bżonnijiet kumplimentari u s-sovranità produttiva ta' kull pajjiż; jenfasizza li l-objettivi kontradittorji tal-politiki tagħha dwar il-kummerċ barrani u l-iżvilupp għandhom jintgħelbu billi jitqiesu espliċitament l-impatti ekoloġiċi, soċjali u b'mod partikulari fuq il-ġeneri tal-politiki kummerċjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal dan il-għan;
57. Iqis li l-evalwazzjonijiet attwali ta’ l-effettività meta mqabbla man-nefqa jew tal-'kompetittività' kif proposti skond l-inizjattiva għal leġiżlazzjoni aħjar ixaqilbu lejn l-interessi kummerċjali, u għandhom bħala l-għan ewlieni l-irtirar ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tipperikola l-kompetizzjoni jew il-profitabilità tan-negozju u anke l-promozzjoni tat-tnaqqis ta' regolamenti; iqis li l-evalwazzjonijiet ta’ l-impatt m’għandhomx joħolqu dubji dwar l-objettivi inizjali tal-leġiżlazzjoni proposta jew eżistenti, b’mod partikulari fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-impjiegi u tad-drittijiet soċjali, ambjentali u tal-konsumatur;
58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-opportunità tar-reviżjoni baġitarja 2008/09 mbassra fil-Ftehima Interistituzzjonali biex jisaħħu sostanzjalment l-ammonti għall-politika ta' koeżjoni sabiex jiċċekknu n-nuqqasijiet ta' parità reġjonali, jiġu promossi l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konverġenza reali, u tissaħħaħ in-natura redistributtiva tal-baġit Komunitarju;
*
* *
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.