MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
14.2.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Joseph Daul, Marianne Thyssen u Klaus-Heiner Lehne, f’isem il-Grupp PPE/DE
Martin Schulz, Udo Bullmann u Edit Herczog, f’isem il-Grupp PSE
Bilyana Ilieva Raeva, f’isem il-Grupp ALDE
Daniel Cohn-Bendit, Monica Frassoni u Rebecca Harms, f’isem il-Grupp VERTS/ALE
Brian Crowley, f’isem il-Grupp UEN
dwar il-kontribut ghall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegha 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona
B6‑0076/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut ghall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegha 2008 rigward l-Istrateġija ta' Liżbona
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pakkett ta' strateġiji tal-Kummisjoni għall-Istrateġija ta' Liżbona li jinkludi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew: Rapport strateġiku dwar l-Istrateġija ta' Liżbona Mġedda għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Tnedija taċ-ċiklu l-ġdid (2008-2010) bit-titolu Inżommu l-pass tal-Bidla (COM (2007)0803 – Parti I, l-evalwazzjoni tal-programmi nazzjonali ta' riforma, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew: Proposta għall-Programm Komunitarju ta' Liżbona 2008-2010 (COM (2007)0804), il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (2008-2010) (COM (2007)0803 – Part V,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-twassil mill-Istati Membri u r-Reġjuni ta' l-istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi permezz tal-politika ta' koeżjoni ta' l-UE, 20072013 (COM (2007)0798)
– wara li kkunsidra s-27 Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Liżbona kif ippreżentati mill-Istati Membri,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘L-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni’ (COM(2007)0581),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2000, Marzu 2001, Marzu 2005 u Ottubru 2005, Marzu 2006 u Marzu 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-interess Ewropew: suċċess fl-epoka ta’ globalizzazzjoni’ (B6-0435/2007),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kummissjoni wegħdet li tqis bis-sħiħ l-opinjonijiet tal-Parlament espressi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar Liżbona, b'riferenza partikulari għar-riżoluzzjoni dwar il-globalizzazzjoni adottata f'Novembru 2007 fi Strasburgu,
B. billi l-Parlament, fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, wera appoġġ qawwi għall-Istrateġija ta' Liżbona, u laqa' b'mod speċjali l-approċċ iċċentrat mill-ġdid madwar l-Istrateġija għall-Impjiegi u t-Tkabbir,
C. billi hemm interrelazzjoni qawwija bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali,
D. billi l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni biex jindirizzaw l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi taċ-ċittadini dwar il-globalizzazzjoni; billi l-UE trid terfa' r-responsabilità politika tagħha bħala attur globali u tikkontribwixxi għall-kisba u għat-tiswir ta’ żvilupp sostenibbli fid-dinja fl-epoka tal-globalizzazzjoni sabiex in-nies madwar id-dinja jkunu jistgħu japprofittaw mill-opportunijiet li toffri l-globalizzazzjoni,
E. billi s-Suq Wieħed huwa strument importanti u effiċjenti għall-bini ta’ ekonomija dinamika u kompettitiva bbażata fuq l-għarfien u għall-appoġġ tal-pożizzjoni kompettitiva ta' l-Ewropa fis-suq globali sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha;
F. billi din ir-riżoluzzjoni, skond il-mandat tal-Grupp ta’ Kordinazzjoni ta’ Liżbona tal-PE u b'rispett lejn il-kompetenzi tal-Kumitat l-oħra tal-PE, mhix ser titratta d-dettalji tal-proċċessi ta’ leġiżlazzjoni u konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa,
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
1. Jenfasizza mill-ġdid l-importanza ta' implimentazzjoni vigoruża ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, b'enfasi fuq l-interdipendenza tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali fil-ħolqien ta' ekonomija sostenibbli li tkun dinamika u innovattiva;
2. Jemmen li l-iżvilupp ekonomiku u l-prosperità futura ta' l-Ewropa jiddependu mill-mod ta’ kif jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għat-Tkabbir Sostenibbli u l-ħolqien ta' l-impjiegi u l-mod ta’ kif wieħed jirrispondi għall-opportunitajiet u l-isfidi li joħorġu mill-globalizzazzjoni, mill-bidla demografika u mit-theddidiet ambjentali globali. jemmen li l-istrument komuni ta' l-Unjoni Ewropea hija l-Istrateġija ta' Liżbona mġedda u l-linji gwida integrati;
3. Jemmen li sabiex jiġi garantit is-suċċess ta’ l-aġenda ta’ Liżbona mġedda jeħtieġ li nsaħħu t-tkabbir ta’ l-Ewropa, li bħalissa hu ta' livell baxx, madwar 2% tal-prodott gross domestiku, u mhux biżżejjed biex joħloq biżżejjed impjiegi;
4. Isemmi li waħda mill-problemi fundamentali li ffaċċjat l-ekonomija Ewropea fis-snin riċenti kienet li d-domanda domestiku ma kinitx kbira biżżejjed minħabba n-nuqqas ta’ fiduċja tal-konsumaturi u ta’ l-investituri, u li ż-żieda fil-konsum trid tiġi minn żidiet fid-dħul relatati ma' żidiet fil-produttività u fl-impjiegi;
5. Jirrikonoxxi li l-Unjoni se tiffaċċja ħafna sfidi fil-perjodu li ġej: popolazzjoni li ser tibda tonqos sa mill-2020, aktar pressjoni ekonomika mill-kompetituri globali, prezzijiet ta’ l-enerġija ogħla, il-bidla fil-klima u l-iżbilanċi soċjali; hu tal-fehma li l-Ewropa jeħtieġ li tirrispondi għal dawk l-isfidi bl-aħjar taħlita ta’ politiki;
6. Jinnota li l-Aġenda ta' Liżbona qed tiżviluppa b'mod pożittiv; jinnota wkoll, madankollu, li għad hemm nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tagħha u li m'hemm l-ebda fehim adegwat tal-fatt li l-proċess Ewropew ta' l-iżvilupp lejn aktar tkabbir, ħolqien ta' impjiegi, sigurtà soċjali adegwata u xierqa u ħarsien ambjentali xieraq għadu mhux immuni kontra l-kriżijiet;
7. Isemmi li bħala l-ikbar esportatur u importaturi ta’ prodotti fid-dinja, l-akbar esportatur ta’ servizzi fid-dinja u t-tieni l-akbar destinazzjoni u oriġini ta’ Investiment Barrani Dirett, l-UE hi waħda mill-ikbar benefiċjarji ta’ l-ekonomija dinjija miftuħa; iqis li bħala tali, għandha responsabilità kbira li taħdem fuq il-kwistjonijiet globali;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon id-dimensjoni globali tal-proċess ta' Liżbona u jinnota li l-Istrateġija ta' Liżbona tirrappreżenta r-risposta Ewropea għall-opportunitajiet u r-riskji inerenti fil-globalizzazzjoni; f'dan ir-rigward, jenfasizza espliċitament l-importanza tal-koperazzjoni transatlantika kif ukoll li titjieb il-koperazzjoni ma' atturi ewlenin oħra bħaċ-Ċina, l-Indja, l-Brażil u zoni ekonomiċi oħra fid-dinja;
9. Jitlob bħala prinċipju sabiex jittieħdu miżuri sabiex jiġi miġġieled il-protezzjoniżmu, kemm fi ħdan l-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha; jitlob li jkun hemm kollaborazzjoni u approċċ ġust għat-tkomplija tan-negozjati tar-Rawnd ta’ Doha;
10. Jenfasizza l-valur innegabbli ta’ politika konsistenti ta’ stabilità u tkabbir u l-importanza ta' l-istabilità makroekonomika bħala sors tal-fiduċja li hija l-bażi għall-kisba ta' l-objettivi ta' Liżbona; isemmi li fl-interess ta’ l-istabilità makro-ekonomika, iż-żieda fil-produttività trid timxi id f’id ma’ distribuzzjoni aktar ekwi u tisħiħ tal-koeżjoni soċjali; f’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għat-talba li ż-żieda fid-dħul iżżomm il-pass mat-tkabbir fuq medda medja taż-żmien fil-produttività;
11. Jenfasizza, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-ekonomiji ta' l-Istati Membri huma interdipendenti ħafna u li l-argument għal aġenda komuni ta’ riforma huwa l-aktar b’saħħtu fiz-zona ta’ l-euro;
12. Jiġbed l-attenzjoni li l-ewwel u qabel kollox tkun imħarsa l-istabilità tas-swieq finanzjarji, u jinnota li l-kriżi subprime reċenti turi l-bżonn li l-EU tiżviluppa miżuri ta' sorveljanza sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-istabilità tas-swieq finanzjarji u jitħarsu aktar il-klijenti; jitlob ssir evalwazzjoni tas-sistemi attwali u ta' l-istrumenti ta' superviżjoni prudenti fl-Ewropa, u jinsisti fuq konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li twassal għal rakkomandazzjonijiet ċari dwar kif tittejjeb l-istabilità tas-sistema finanzjarja u l-ħila tagħha li tipprovdi finanzi sikuri u fuq medda twila ta' żmien għan-negozji Ewropej;
13. Jirrimarka li s-sussidjarjetà hija importanti biex tippermetti lill-Istati Membri li jadattaw politiki miftehma bejn il-partijiet kollha dwar is-sigurtà u l-flessibilità għall-prattiki speċifiċi u t-tradizzjonijiet tas-swieq tax-xogħol nazzjonali tagħhom;
14. Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija prinċipju fundamentali tat-Trattati u strument biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li 75 % tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni huma assenjati għall-innovazzjoni u għall-objettivi ta' Liżbona; iqis li l-influwenza li għandha l-politika ta' koeżjoni ta' l-UE b’mod ġenerali, u l-fondi strutturali u ta' koeżjoni b'mod partikulari, trid tintuża għall-implimentazzjoni ta' l-Aġenda ta' Liżbona fil-livell reġjonali u li r-riżultati ta' dan il-proċess jeħtieġ ikunu monitorati mill-qrib fil-livelli reġjonali u lokali; iqis li l-iżvilupp ekonomiku favorevoli attwali għandu jagħti spinta għal aktar riformi; jenfasizza l-ħtieġa li jkun eżaminat liema effett kellha l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija ta' Liżbona fil-livell reġjonali, meta wieħed iqis li l-2008 se tkun l-ewwel sena li fiha jistgħu jkunu evalwati r-riżultati preliminari ta' l-eżerċizzju ta' assenjazzjoni (earmarking exercise) tal-politika ta' koeżjoni;
15. Iqis li r-riċerka xjentifika u teknoloġika tifforma wieħed mill-elementi ewlenin ta' l-Aġenda ta' Liżbona. jaqbel li huwa importanti ħafna li r-riċerka tingħata spinta u li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri addizzjonali biex jilħqu l-miri tagħhom ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp għall-2010 billi jindikaw kif ser jintlaħqu l-miri nazzjonali ta' investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u kif l-istrateġiji tagħhom tar-riċerka u l-iżvilupp ser jikkontribwixxu sabiex tiġi mwettqa zona Ewropea tar-riċerka; jenfasizza li l-bidla meħtieġa lejn ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju permezz ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda se toħloq ħafna opportunitajiet għall-UE; jinnota l-opportunitajiet immensi li joffru lill-ekonomija Ewropea l-iżvilupp u l-preżentazzjoni ta' teknoloġiji u servizzi ġodda li se jagħmlu parti mid-dekarbonizzazzjoni ta' l-ekonomija globali; jilqa’ bi pjaċir il-proposta tal-Kummissjoni li jistabbilixxi kuntest ta' "ħames libertà" – il-libertà ta’ l-għarfien – li tikkumplimenta l-erbgħa libertajiet ta-moviment tal-prodotti, tas-servizzi tal-persuni u tal-kapital kif ukoll li jingħaqdu r-riżorsi tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-użu aktar effettiv tagħhom;
16. Jilqa’ bi pjaċir l-inizjattivi u l-investimenti riċerka tal-politika industrijali u ta’ riċerka; f'dan il-kuntest, jilqa' bi pjaċir lill-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Tekonoloġija u lill-Galileo bħala mezz effiċjenti li jgħaqqad il-ħtiġijiet ta' l-innovazzjoni tat-teknoloġija ma' l-aġenda tar-riċerka ta' l-industrija; jilqa’ bi pjaċir il-programmi Ewropej ta’ GNSS (Galileo u EGNOS), bħala proġetti ewlieni ta’ l-UE; jenfasizza l-merti ekonomiċi u pubbliċi tal-programmi u l-benefiċċji ta’ servizzi u swieq ġodda;
17. Iqis li n-Netwerks ta’ Eċċellenza (NoE) huma meħtieġa biex tkun żgurata l-pożizzjoni ewlenija ta' l-Ewropa fl-oqsma ekonomiċi u teknoloġiċi. jemmen li l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom jappoġġjaw l-iżvilupp ta' raggruppamenti ta' eċċellenza u miżuri biex jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni and l-koperazzjoni fosthom sabiex jippromwovu aktar il-kultura ta' l-innovazzjoni. jemmen li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali għandhom jieħdu aktar passi biex b’mod attiv jappoġġjaw koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet ta’ riċerka, l-universitajiet u l-industrija;
18. Jenfasizza li huwa importanti li n-negozji, iċ-ċittadini u l-awtoritajiet ta' l-Ewropa iwettqu b'suċċess it-tranżizzjoni tagħhom lejn l-era diġitali u jiksbu verament is-soċjetà u l-ekonomija bbażati fuq l-għarfien mitluba mill-Aġenda ta’ Liżbona; jitlob li jkun hemm żvilupp ulterjuri tax-xjenza u t-teknoloġija fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u li tiġi promossa soċjetà ta’ l-għarfien inklusiva;
19. Iħeġġeġ lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lill-amministrazzjonijiet reġjonali tagħhom, bħala l-ikbar istituzzjonijiet li jipprovdu impjiegi, li jixtru u li jipprovdu servizzi fis-Suq Wieħed, biex jistimulaw l-innovazzjoni billi joħolqu swieq pilota għal prodotti u servizzi innovattivi;
20. Jinnota li l-Intrapriżi ta' Daqs Żgħir u Medju (SMEs) għandhom rwol kruċjali fil-ħolqien ta' impjiegi ġodda u l-isfruttament ta' riċerka ġdida; japprova ħafna l-Att dwar in-Negozji Żgħar propost mill-Kummissjoni bħala mezz għall-ħolqien ta' opportunitajiet għall-SMEs, u jinkoraġġixxi l-kultura li wieħed "jibda bil-ftit" u jħejji strateġija ta’ politiki integrata sabiex jiftaħ beraħ il-potenzjal għat-tkabbir f’kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ l-SMEs;
21. Jenfasizza l-potenzjal għall-għajnuna li tista' tingħata lill-SMEs billi jitnaqqsilhom il-piż regolatorju, jittejjeb l-aċċess tagħhom għall-kuntratti pubbliċi u jkun żviluppat reġim aktar favorevoli għall-iffinanzjar u l-isfruttament ta' l-innovazzjoni;
22. Jirrikonoxxi li fi ħdan l-UE, it-teknoloġiji innovattivi jridu jkunu tradotti bil-ħeffa fi prodotti u servizzi ġodda; jappoġġja għalhekk it-talba tal-Kummissjoni għal 'trijangolu ta' l-għarfien' magħmul mir- riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni; jistenna investiment aktar effettiv f'ħiliet ġodda, tagħlim tul il-ħajja kollha u sistemi moderni ta' edukazzjoni/taħriġ;
23. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ħadet l-impenn li tnaqqas il-piż regolatorju u li qiegħda timmira lejn regolazzjoni aħjar u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri ugwali mingħajr ma jipperikolaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-ħarsien tal-konsumatur; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jirrispettaw l-impenji msemmija fil-Ftehima Inter-istituzzjonali dwar Leġiżlar Aħjar; jinnota bi tħassib kbir li numru ta' proposti leġiżlattivi sinifikanti riċenti mill-Kummissjoni tressqu mingħajr ma qabel saru evalwazzjoni ta' l-impatt tagħhom, jew inkella mingħajr evalwazzjoni adegwata ta' l-effetti tal-leġiżlazzjoni preċedenti fl-istess qasam;
24. F’dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ tal-politika esterna u kummerċjali ġdid u komprensiv li jiffoka fuq li l-Ewropa tkun tista' tmexxi l-istipular ta' regoli u standards dinjija, filwaqt li jiffaċilita l-esportazzjonijiet Ewropej u jiżgura li l-importazzjonijiet jilħqu l-istandards neċessarji; jenfasizza li l-Ewropa trid timmassimizza l-potenzjal tagħha bħala imbuttatura għal negozji li jkun deħlin fis-swieq dinjija u bħal lok attraenti għall-investituri; jitlob barra minn hekk li l-ftehimiet kollha bilaterali jew reġjonali tal-kummerċ ta' l-UE li qed ikunu nnegozjati jinkludu dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu infurzati dwar l-implimentazzjoni ta' standards fundamentali ta' xogħol u aspetti oħra ta' xogħol deċenti kif ukoll ta' standards ambjentali multilaterali;
25. Itenni mill-ġdid it-tweemin tiegħu li biex tinħoloq soċjetà li kapaċi tirrispondi għall-bidla l-irwol ta' stil aktar inklusiv ta' teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi se jkun kruċjali; ifakkar id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tisħaq li livell għoli ta' protezzjoni soċjali huwa fundamentali għall-Istrateġija ta' Liżbona; jafferma mill-ġdid li mhux aċċettabbli li hawn nies jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u f'pożizzjoni ta' esklużjoni soċjali; jafferma mill-ġdid li ċ-ċittadini kollha Ewropej għandu jkollhom aċċess għal xogħol u ħajja diċenti, anke wara li jirtiraw; jappoġġja azzjoni ulterjuri biex jissaħħu politiki li jiġġieldu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, bl-għan li jkun adottat approċċ komprensiv għat-tiġdid tal-momentum deċisiv li ngħata lill-qirda tal-faqar sa l-2010 u biex ikun possibbli li ċ-ċittadini Ewopej kollha jiksbu aċċess għad-drittijiet fundamentali tagħhom; jenfasizza l-inkorporazzjoni li legalment torbot tal-Karta Ewropea tad-drittijiet fundamentali fit-Trattat ta’ Riforma ta’ Liżbona; jitlob li jkun hemm impenn mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għal aġenda soċjali ambizzjuża b’impatt konkret fuq ir-riżultati ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona;
26. Itenni – minħabba li l-koeżjoni soċjali u territorjali hi waħda mill-komponenti ewlenin tas-Suq Wieħed – l-importanza li tingħata spinta lill-fiduċja taċ-ċittadini peremzz tal-promozzjoni ta' objettivi soċjali u ambjentali komuni għall-Istati Membri, bħalma huma impjiegi ta' kwalità tajba, opportunitajiet indaqs u ħarsien tas-saħħa u ta’ l-ambjent, filwaqt li tkun rispettata d-diversità kulturali Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-UE tħaddem il-funzjoni tagħha ta’ ħarsien f’dawn l-oqsma u li tiġi evitata l-kompteizzjoni regulatorja fost l-Istati Membri;
27. Jemmen li hija neċessarja aktar integrazzjoni tal-qasam tat-trasport fl-Istrateġija ta' Liżbona; jinsisti li fil-Linji Gwida ta' Politika Integrata għandha tingħata prijorità lit-trasport sostenibbli, lil-loġistika u lill-iżvilupp ta' netwerks trans-Ewropej, u jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali li se jitressqu waqt il-Kunsill Ewropew 2008 li se jsir dalwaqt ikunu jirriflettu dawn il-prijoritajiet;
Is-suq intern u r-risponsi strateġiċi għall-globalizzazzjoni
28. Jenfasizza li suq intern li jaħdem bla ntoppi u ekonomija tas-suq soċjali bilanċjata huma l-aktar vantaġġ kompetittiv b’saħħtu għall-Ewropa; jemmen li għal investituri ta’ pajjiżi terzi, is-suq intern joffri vantaġġi bħal kundizzjonijiet indaqs u moviment ħieles, iżda jemmen li l-aċċess għas-suq intern għandu jkun akkumpanjat minn ftuħ simili għall-investituri ta’ l-UE min-naħa ta’ pajjiżi terzi b’ekonomji żviluppati u li qed jitfaċċaw, li huwa l-fattur ewlieni fl-attirar ta' l-investiment barrani u aktar kummerċ ma’ pajjiżi terzi; jinnota li, b’żieda ma’ dan, jeħtieġ jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet ta' qafas għall-intrapriżi Ewropej inkluża regolazzjoni aħjar, tmexxija tajba, kompetizzjoni b'saħħitha u ġusta, swieq ta' kapital ta’ riskju li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti u kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni;
29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex iqiegħdu l-kompettitività ta' l-UE fil-qalba tat-tfassil tal-politiki tagħhom u biex jagħtu prijorità lit-tlestija tas-Suq Wieħed, b'mod partikolari permezz ta' l-implimentazzjoni f'waqtha u b'mod xieraq tad-Direttivi tas-Suq Wieħed, it-tneħħija ta' ostakoli għas-swieq nazzjonali; ifakkar, madankollu, li t-twaqqif tas-Suq Wieħed kien ibbażat fuq il-kompetizzjoni, il-koperazzjoni u s-solidarjetà, li jibqgħu il-prekundizzjonijiet bażiċi għal aktar kisbiet tas-Suq Wieħed fis-seklu wieħed u għoxrin; jenfasizza li dan irid jiġi żviluppat permezz ta' regoli ġusti tal-kompetizzjoni, sistemi ta' ħarsien fiskali u soċjali effiċjenti u livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur;
30. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi komplut is-Suq Wieħed u li jitwettqu r-riformi meħtieġa; jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw il-miżuri neċessarji li għad baqa' jsiru biex jinħoloq suq wieħed ta' l-UE għas-servizzi, inklużi s-servizzi finanzjarji, u biex jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jinkoraġġixxu l-fornituri u l-prodotti ġodda filwaqt li jiżguraw kundizzjonijiet kummerċjali indaqs u trasparenza adegwata u ċertezza legali għall-interessi ta' investituri individwali; hu tal-fehma li l-inizjattivi ġodda tal-politika għall-ikkumpletar tas-Suq Wieħed għandhom ikunu mmexxija aktar minn analiżi ta’ l-impatt li dawn ikollhom fuq is-swieq, is-setturi ekonomiċi, l-ambjent u l-isfera soċjali;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm livell adegwat ta' ħarsien ta' drittijiet ta' proprjetà intelletwali u jappoġġja inizjattivi għal sistema ta' privattivi li tagħti inċentivi għall-investiment u sforzi ta' riċerka u trawwmen il-kapaċità ta' innovazzjoni, b'mod partikulari għall-SMEs; iħeġġeġ lit-tliet istituzzjonijiet biex jaħdmu flimkien lejn kunsens politiku għal titjib reali tas-sistema ta' privattivi, li jippermetti liċ-ċittadini li japprofittaw minn prodotti u servizzi ġodda bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu minn kullħadd;
32. Jinnota li l-istrumenti bbażati fuq is-suq (MBIs) jinkludu firxa sħiħa ta' strumenti tal-politika li qed jintużaw dejjem aktar sabiex jintlaħqu objettivi ambjentali; huwa tal-fehma li MBIs bħat-taxxi, ħlasijiet u skambji ta' emissjonijiet jistgħu jrawwmu allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali u jistgħu jikkontribwixxu, f'dan il-kuntest, biex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-aġenda ta' Liżbona;
33. Jerġa' jtenni l-fehma tiegħu dwar il-benefiċċji tat-tneħħija tal-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol u tqegħid tiegħu fuq id-degradazzjoni ambjentali bħala mod effettiv kif ikunu indirizzati kwistjonijiet kemm ambjentali kif ukoll ta' xogħol u huwa tal-fehma li l-piż fuq ix-xogħol irid jitnaqqas biex jinħolqu aktar impjiegi u tkun miġġielda l-ekonomija s-sewda;
34. Jinnota li l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija u li ċ-ċittadini ta’ l-Ewropa jiġu provduti b’mobilità u enerġija sostenibbli u bi prezz raġonevoli u ż-żamma ta’ prezzijiet ġusti tista’ tinkiseb permezz ta’ l-istess strateġija bħall-ħarsien ambizzjuż tal-klima;
35. Jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, sabiex timplimenta b’mod konsistenti u b’ħeffa id-deċiżjonijiet tas-Samit tar-Rebbiegħa 2007 u sabiex tagħmel l-enerġija li tiġġedded u l-effiċjenza fl-enerġija l-prijoritajiet ta' politika komuni dwar l-enerġija;
36. Isemmi li ħidma importanti oħra ta’ l-UE u l-pajjiżi industrijalizzati l-oħra hija li jeqilbu għal ekonomija b'intensità enerġetika baxxa bbażata fuq sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, u li mod effiċjenti li bih wieħed jista' jasal għal din il-bidla huwa l-applikazzjoni ta' teknoloġiji li huma diġà disponibbli, iżda li għall-implimentazzjoni tagħhom hemm bżonn ta' azzjoni politika kuraġġjuża, li tkun tinkludi inċentivi u sanzjonijiet miftehma b'mod multilaterali għal dawk il-pajjiżi li m'humiex lesti li jerfgħu is-sehem tagħhom tal-piż; jenfasizza li l-bidla meħtieġa lejn ekonomija sostenibbli u b’użu baxx ta’ enerġija u b’livell baxx ta’ karbonju permezz ta’ l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda se toħloq ħafna opportunitajiet għall-UE;
37. Jenfasizza l-importanza tal-politika tat-trasport biex tkun miġġielda l-bidla fil-klima u biex ikun indirizzat sett ta' problemi ambjentali ikbar, jappoġġja politiki li jnaqqsu t-trasport mhux neċessarju permezz ta' varjetà ta' miżuri u jitlob li n-Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropej ikunu suġġetti għall-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali strateġika xierqa;
38. Jistieden lill-Istati Membri biex b’ħeffa jespandu n-Netwerks tat-Trasport Trans-Ewropej li huma interkonnessi u interoperabbli b'qies partikulari għall-bżonnijiet ta' l-Istati Membri l-ġodda fi ħdan politika tat-trasport effiċjenti, sostenibbli, u b’kuxjenza ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex japplikaw it-taħlita xierqa ta’ politiki biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' sistemi ta' trasport u innovazzjonijiet teknoloġiċi intelliġenti u b’kuxjenza ambjentali;
39. Għalhekk huwa kruċjali li jkun żgurat li t-talba futura għal servizzi loġistiċi tkun kumpatibbli ma' impatt ambjentali iżgħar u inqas emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra; hu tal-fehma li t-trasport sostenibbli jiddependi fuq il-kapaċità tal-politiċi li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali li jipprovdu inċentivi effiċjenti sabiex dawk li jixtru t-trasport, it-trasportaturi u l-manifatturi ta' vetturi jkomplu bl-isforzi tagħhom biex joħolqu suq tal-loġisitika li jirrispetta aktar lill-ambjent;
Is-Suq tax-Xogħol u l-Investiment fil-Persuni
40. Jirrikonoxxi li l-Istrateġija ta' l-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi qed tagħti benefiċċji iżda jenfasizza fl-istess ħin li mhux iċ-ċittadini kollha ta' l-UE bbenefikaw minn dawn ir-riżultati; jenfasizza li sabiex tkun iffaċjata l-globalizzazzjoni u l-isfida demografika huwa ta' importanza mill-ikbar li n-nies ikunu pprovduti bil-ħiliet meħtieġa u l-opportunitajiet sabiex ikunu attirati aktar nies lejn is-suq tax-xogħol u biex ix-xogħol ikun għażla reali għal kullħadd, speċjalment permezz ta' miżuri li huma mmirati lejn il-persuni l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol;
41. Jenfasizza li sabiex ikun żgurat il-moviment ħieles u l-mobilità fis-suq tax-xogħol il-Kunsill irid jadotta d-direttivi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, il-kundizzjoniet tax-xogħol, il-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni u jirrevedi d-Direttiva tal-Kunsill dwar ix-Xogħol Ewropew mingħajr dewmien; jenfasizza li t-tneħħija ta’ l-ostakoli għall-mobilità fis-suq tax-xogħol Ewropew jagħti lok għal ħarsien akbar tal-ħaddiema Ewropej; jinnota li l-UE kellha tagħmel sforz sabiex tispjega liċ-ċittadini tagħha l-benefiċċji ta’ strateġija li b’mod effettiv tgħaqqad it-tkabbir (ta’ l-UE innifisha), l-integrazzjoni, is-solidarjetà u l-mobilità tax-xogħol;
42. Jerġa’ jafferma li l-Ewropa ma jistax ikollha l-figuri għolja ta’ qgħa li għandha fil-preżent; jinnota li l-mudell soċjali Ewropew mhux se jibqa' mhux milqut mit-taqlib li qed iseħħ fid-dinja kollha; Hu tal-fehma li biex tkun iffaċjata l-bidla demografika u biex tiżgura finanzi pubbliċi sostenibbli l-Ewropa trid tagħmel riformi fis-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' sigurtà soċjali biex issaħħaħ l-inċentivi għall-ħidma u biex tipprovdi lin-nies bl-opportunitajiet u l-ħiliet biex ilaħħqu mal-bidla u biex tiffaċilita r-ritorn tagħhom għal xogħol imħallas. Isemmi li biex iżżomm il-kompetittività tagħha fix-xena globali, l-UE trid tagħmel numru kbir ta' riformi; jemmen li l-livell ta' fiduċja bejn l-intrapriżi u l-ħaddiema li huwa meħtieġ biex tinqabad din it-triq se jiżdied hekk kif id-djalogu soċjali jintensifika; jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-prinċipji komuni miftehma ta’ flessigurtà b’mod komprensiv u bilanċjat kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem;
43. Jenfasizza li ħidma flessibbli qed tkun dejjem aktar mitluba kemm minn min iħaddem u kemm mill-impjegati, u li quddiem l-isfida tal-bidla demografika hija mezz ippruvat ta’ kif tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa kif ukoll biex jittawwal il-perjodu tax-xogħol ta' persuni anzjani; ifakkar li l-edukazzjoni, il-kwalifiki u t-taħriġ jiffurmaw parti mill-impjiegi ta’ kwalità għolja u li hemm bżonn li tingħata attenzjoni lill-inċentivi soċjali għall-familji, inkluża l-infrastruttura għal servizzi ta' kura tat-tfal li hija waħda mill-prekundizzjonijiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol; jappoġġja l-adozzjoni ta' sett bilanċjat ta' prinċipji komuni rigward flessigurtà, li jgħaqqad il-flessibilità u s-sigurtà għall-impjegati u għal min iħaddem fis-suq tax-xogħol; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintegraw dawn il-prinċipji komuni fil-konsultazzjoni dwar l-NRP tagħhom ma' l-imsieħba soċjali, u jenfasizza l-irwol ċentrali tal-miżuri li jibbilanċjaw ix-xogħol u l-ħajja personali, il-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs għal kullħadd, taħriġ u taħriġ mill-ġdid, politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, protezzjoni soċjali xierqa u tqassim tas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi jkunu żgurati drittijiet marbuta ma' l-impjieg għall-ħaddiema kollha;
44. Jirrikonoxxi l-kontribut li jagħtu swieq tax-xogħol flessibbli u li jaħdmu b’mod effiċjenti għall-inklużjoni soċjali permezz tal-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol għall-gruppi kollha fis-soċjetà; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jilliberalizzaw ir-regolamenti ta' l-impjiegi u biex jinvestu fit-taħriġ u politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol sabiex joħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għal-livell għoli ta' impjegar u ta' mobilità fis-suq tax-xogħol;
45. Jinnota bi tħassib it-tendenza lejn inugwaljanza dejjem tikber fid-dħul u fil-ġid fl-Istati Membri; jemmen li tali tendenza għandha tkun mreġġa’ lura permezz ta' azzjoni nazzjonali u Ewropea xierqa sabiex naslu għal soċjetà li għandha aktar koeżjoni u biex ikun żgurat li ċ-ċittadini jipperċepixxu li qed jibbenefikaw mit-tkabbir;
46. Jinnota li uħud mill-Istati Membri introduċew il-kunċett ta’ paga minima; jissuġġerixxi li Stati Membri oħra jistgħu jibbenefikaw mill-istudju ta’ l-esperjenza ta’ dawn ta’ l-ewwel;
47. Jilqa’ bi pjaċir Programm ta’ Liżbona tal-Komunità 2008 - 2010 tal-Kummissjoni mil-lat li dan jipproponi programm aktar prijorizzat b’10 objettivi ewlenin biss li jkunu jistgħu jintlaħqu waqt il-perjodu 2008-2010; jenfasizza, madankollu, li l-opportunità kbira li toffri l-Istrateġija ta’ Liżbona hi li tgħaqqad ħtiġijiet differenti ta’ riforma u strumenti ekonomiċi, ambjentali u strumenti relatati ma’ l-impjiegi f’aġenda ta' riforma waħda; għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrispetta dan l-approċċ koerenti u integrattiv ta’ taħlita ta’ politiki u li ma tħottux billi tieħu direzzjoni lejn miżuri ta' politiki iżolati;
Il-kejl tal-progress u l-monitoraġġ ta’ Liżbona
48. Jilqa’ b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea sabiex tnaqqas il-burokrazija, b’mod partikulari bl-għan li tgħin lill-intrapriżi żgħar u medji, u sabiex ittejjeb l-evalwazzjoni ta’ l-impatt leġiżlattiv; fl-istess ħin, jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Parlament u l-Kummissjoni għadhom ma laħqux ftehim dwar x’tip ta’ evalwazzjoni ta’ l-impatt hija meħtieġa; f'dan ir-rigward, itenni l-istedina tiegħu għal skrutinju indipendenti u minn barra ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt;
49. Jilqa' bi pjaċir l-objettiv tal-Kummissjoni li tnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji; jistenna bil-ħerqa li jirċievi indikazzjonijiet konkreti dwar kif dan l-objettiv se jintlaħaq waqt li jkunu żgurati l-kundizzjonijiet ta' tmexxija tajba; jenfasizza li l-livelli kollha tal-gvern jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħaq dan l-objettiv u għalhekk għandhom ikunu involuti fid-deċiżjonijiet rigward il-politika relatata; Jitlob - sabiex tkun tista’ titnaqqas il-burokrazija u tkun simplifikata l-leġiżlazzjoni Ewropea - li jkun hemm monitoraġġ ċar bl-għan li jkun determinat safejn il-flessibilità li joffru l-atti leġiżlattivi Ewropej hija fil-fatt sfruttata mill-Istati Membri biex waqt it-traspożizzjoni iqisu l-ispeċifitajiet nazzjonali u dak li jxekkel l-innovazzjoni;
50. Iqis li l-Istati Membri, flimkien mal-partijiet interessati fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, huma l-atturi prinċipali għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ Liżbona; jirrimarka li dawk il-pajjiżi li huma miftuħa għall-kompetizzjoni esterna, jimplimentaw riformi u jfittxu l-bilanċ baġitarju, kif ukoll l-investiment pubbliku u privata ta’ kwalità tajba,huma dawk li kibru l-aktar u li ħolqu l-aktar impjiegi; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Istrateġija ta’ Liżbona għadha mhix viżibbli biżżejjed fil-politiki nazzjonali ta’ ħafna pajjiżi ta’ l-UE; hu tal-fehma li l-mobilizzazzjoni tal-partijiet interessati ekonomiċi kollha hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ l-Istrateġija; b’mod partikulari, jemmen li involviment aħjar ta’ l-imsieħba soċjali, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritjiet reġjonali u lokali, u s-soċjetà ċivili ser itejbu r-riżultati ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona u d-dibattitu pubbliku dwar riformi adegwati; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-kollaborazzjoni mal-parlamenti nazzjonali u reġjonali, filwaqt li jipprovdu għal dibattiti annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ l-NRPs tagħhom;
51. Jenfasizza l-importanza ta’ l-impenn ta’ l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet interessati kemm għall-firxa kif ukoll għall-karattru innovattiv tal-kisbiet; f’dan il-kuntest, jilqa’ bi pjaċir l-interess qawwi tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-monitoraġġ ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona;
52. Ifakkar li l-Linji Gwida Integrati jipprovdu strument importanti għall-koordinazzjoni u qafas komuni għal Stati Membri differenti sabiex jaħdmu fuq l-aġendi nazzjonali ta’ riforma tagħhom; iqis li l-analiżi u l-feedback mill-Istati Membri juru li l-linji gwida qed jaħdmu, iżda li madankollu jeħtieġ titjib fir-rigward ta’ l-adattament għal kundizzjonijiet ġodda ekonomiċi u ta’ l-impjiegi kif ukoll fir-rigward tas-segwitu (benchmarking) ta’ l-Istati Membri; jitlob li jkun hemm applikazzjoni u implimentazzjoni aktar komprensiva ta’ l-indikaturi u tal-miri;
53. Jilqa’ bi pjaċir ir-rapporti tal-pajjiżi mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea; jitlob, madankollu, li jkun hemm approċċ aktar sistematiku li jenfasizza s-suċċessi kif ukoll in-nuqqasijiet; jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi ‘punti li jirrikjedu attenzjoni’ partikulari bħala parti mis-sorveljanza multilaterali, filwaqt li jiġi provdut ukoll ċans sabiex jitjiebu r-risponsi tal-politiki nazzjonali;
54. Iqis li n-nuqqas ta’ monitoraġġ kif jixraq huwa ostakolu kbir għal għażliet tal-politika li jsir b’mod infurmat; f’dan ir-rigward, jenfasizza li jista’ jsir użu ħafna aħjar tal-ħiliet u ta’ l-għarfien disponibbli fi ħdan l-aġenziji diċentralizzati Ewropej fl-oqsma tal-kompetenzi tagħhom;
55. Għaldaqstant jilqa’ b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-2006 li jinstab rimedju għan-nuqqas ta’ dejta mill-monitoraġġ u li jitlob lill-Kumitat tar-Reġjuni sabiex iħejji abbozz ta’ l-eżerċizzju ta’ monitoraġġ tiegħu bit-titlu “L-istrateġija tat-tkabbir u l-impjiegi” li jinvolvi 104 reġjuni u bliet fl-UE li jaqsmu ma’ xulxin il-fehmiet tagħhom dwar l-implimentazzjoni tal-politika ta’ Liżbona – studju li se jiġi ppreżentat fil-Kunsill tar-Rebbiegħa ta’ l-2008; jenfasizza li dan l-istudju juri jekk id-dispożizzjoni għall-assenjazzjoni ta’ Fondi Strutturali tgħinx sabiex sehem akbar mill-infiq tal-Fondi Strutturali ikun dirett lejn l-innovazzjoni u lejn miri ambjentali; f’dan l-istudju jistenna li jkun hemm evalwazzjoni tal-valur miżjud tar-reġjonalizzazzjoni ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona;
56. Jemmen li lanqas xejn mhu evidenti kif għandu jiġi mkejjel is-suċċess ta’ l-Aġenda ta’ Liżbona jew, b’mod aktar ġenerali, liema indikaturi ikunu mezzi xierqa sabiex jitkejjel “il-progress”; hu definittivament tal-fehma, madankollu, li l-monitoraġġ tas-suċċessi u tal-fallimenti ma jistax ikun ristrett għal indikaturi ekonomiċi bħad-dħul gross nazzjonali biss, għax id-dħul gross nazzjonali huwa – fl-aħjar ċirkustanzi – indikatur tal-ħolqien tal-ġid f’perjodu speċifiku iżda lanqas biss jagħti informazzjoni affidabbli dwar il-livell ta’ ġid f’soċjetà, u huwa 'l bogħod milli jagħti ħjiel tal-prezz soċjali u ambjentali li jitħallas għall-ħolqien ta' ġid addizzjonali;
57. Jiidikjara li jeħtieġ li niżviluppaw u nimplimentaw approċċ multi-dimensjonali sabiex nevalwaw il-benesseri uman lil hinn mill-oqsma tal-prodott gross domestiku jew tad-dħul gross nazzjonali; jilqa’ pożittivament, għaldaqstant, id-deliberazzjonijiet ta’ l-Organizzazjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) fit-Tieni Forum Dinji tagħha “Il-kejl u t-trawwim tal-Progress tas-Soċjetajiet" f'Istanbul din is-sena, u d-diskussjonijiet magħmula waqt il-konferenza "Lil hinn mit-Tkabbir” fil-Parlament Ewropew fuq stedina mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ Diċembru 2007, għaliex dejta affidabbli hija bażi importanti għal għażliet politiċi infurmati;
58. Jilqa’ b'sodisfazzjon, għaldaqstant, ix-xogħol li sar minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex ikunu żviluppati indikaturi kwalitattivi ġodda; iħeġġeġ sabiex dawn l-indikaturi - kemm jekk huma relatati mad-dimensjoni soċjali, bħall-indikatur tal-faqar, jew ma’ dik ambjentali, bħall-indikatur tal-bijodiversità - jiġu użati fl-evalwazzjonijiet ġejjiena tal-Programmi Nazzjonali ta’ Liżbona u integrati fil-monitoraġġ tal-Kummissjoni, sabiex b’hekk jinħoloq sett aktar komplut ta’ indikaturi sabiex jitkejjel is-suċċess ta’ Liżbona;
59. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlamenti ta’ l-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati.