Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0100/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0100/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

18.2.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hélène Flautre, Raül Romeva i Rueda, Milan Horáček u Jean Lambert
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwaris-Seba' Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC)

Proċedura : 2008/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0100/2008
Testi mressqa :
B6-0100/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0100/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Seba' Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mill-1996, b'mod partikulari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar il-ħames sessjoni tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), kif ukoll dawk tas-16 ta' Marzu 2006 dwar ir-riżultat tan-negozjati dwar il-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem u dwar it-62 sessjoni tal-UNHCR[1], tad-29 ta' Jannar 2004 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti[2], tad-9 ta' Ġunju 2005 dwar ir-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti[3] , tad-29 ta' Settembru 2005 dwar ir-riżultat tas-Summit Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-14-16 ta' Settembru 2005[4] u tas-26 ta' April 2007 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fid-Dinja 2006 u l-politika ta' l-UE dwar il-kwistjoni[5] ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet urġenti tiegħu dwar id-drittijiet tal-Bniedem u d-demokrazija,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/60/251 li tistabbilixxi l-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra s-sessjonijiet regolari u speċjali preċedenti tal-UNHRC, b'mod partikulari s-sitt sessjoni regolari, kif ukoll is-sitt sessjoni speċjali dwar 'Il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-attakki militari Iżraeljani u l-inkursjonijiet fit-Territorju Okkupat Palestinjan, b'mod partikulari fil-Medda ta' Gaża Okkupata', li saret fit-23-24 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra s-seba' sessjoni li jmiss tal-UNHRC f'Marzu 2008,

–  wara li kkunsidra l-ewwel u t-tieni rawnd tar-Reviżjoni Perjodika Universali (UPR) li se jsiru mis-7 sat-18 ta' April 2008 u mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett għall-promozzjoni u s-salvagwardja ta' l-universalita tad-drittijiet tal-bniedem huwa parti mill-acquis etiku u legali ta' l-Unjoni Ewropea u wieħed mill-pedamenti ta' l-unita u l-integrita Ewropea,

B.  billi l-UNHRC jipprovdi pjattaforma effettiva għat-tisħiħ tal-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fi ħdan il-qafas tan-NU,

C.  billi s-seba' sessjoni tal-UNHRC se tkun waħda kruċjali, minħabba li se tkun l-ewwel waħda li se teżamina medda wiesgħa ta' kwistjonijiet sostantivi skond il-metodi ta' ħidma l-ġodda li ġejjin mir-riformi tal-bini ta' l-istituzzjonijiet adottati fl-2006 u l-2007, u minħabba li se tipperfezzjona l-modalitajiet tal-UPR,

D.  billi l-kredibilita tal-UNHRC isserraħ fuq l-implimentazzjoni ta' dawn ir-riformi u l-mekkaniżmi b'mod li jsaħħaħ il-kapaċita tiegħu li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja kollha,

E.  billi se titwaqqaf delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew għas-seba' sessjoni tal-UNHRC, l-istess bħalma kien hemm fis-sentejn preċedenti u, qabel dan, għall-predeċessur tal-UNHRC, il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

Il-ħidma tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem

1.  Jenfasizza s-sehem kruċjali tal-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-arkitettura ġenerali tan-NU; jerġa' jtenni l-opinjoni tiegħu li l-objettiv prinċipali tiegħu għandu jkun dak li jindirizza l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, peress li sitwazzjonijiet politiċi ġenerali jaqgħu taħt ir-responsabilita ta' korpi oħra tan-NU; jenfasizza l-element speċifiku tal-UNHRC: l-irwol importanti tal-Proċeduri Speċjali, is-sessjonijiet speċjali, l-UPR, id-djalogu interattiv u l-kapaċita tiegħu li jindirizza kriżijiet urġenti;

2.  Jieħu nota tar-riżultati tal-ħidma tal-UNHRC; jilqa' l-fatt li ġie sodisfatt il-programm ambizzjuż li l-UNHRC impenja ruħu għalih, li kien jinkludi r-reviżjoni tal-proċeduri u l-metodi ta' ħidma tiegħu, b'mod partikulari l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-UPR u r-reviżjoni tal-Proċeduri Speċjali;

3.  Jirrikonoxxi l-kisbiet pożittivi tal-presidenza tal-UNHRC u b'mod partikolari l-kooperazzjoni tajba tagħha ma' l-OHCHR; jistieden lill-UE biex tappoġġja bl-istess mod lill-kandidati li għandhom standards għolja ta' integrita għall-elezzjoni tal-President il-ġdid tal-UNHRC li se ssir fit-23 ta' Ġunju 2008;

4.  Jilqa' l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet speċjali peress li dawn joffru rabtiet essenzjali bejn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għarfien speċjalizzat indipendenti; madankollu, huwa mħasseb minħabba li l-UNHRC ma rnexxilux jieħu azzjoni biex jindirizza ħafna mill-aktar sitwazzjonijiet urġenti ta' drittijiet tal-bniedem fid-dinja;

5.  Jinnota li l-iskop tas-sessjonijiet speċjali huwa li jindirizzaw kriżijiet urġenti, filwaqt li ksur persistenti tad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi indirizzat f'sessjoni regolari, li tagħti lok għal analiżi iktar fil-fond u tipprovdi soluzzjonijiet fuq medda twila ta' żmien;

6.  Jenfasizza li s-sessjonijiet speċjali jirrikjedu preparazzjoni minn qabel u metodi ta' ħidma strutturati biex jinkiseb riżultat pożittiv; f'dan ir-rigward, jinnota s-suċċess ta' inizjattivi ewlenin ta' l-UE;

7.  Jinnota l-impatt dirett tas-sessjoni speċjali dwar il-Myanmar, li saret f'Ġinevra f'Ottubru 2007, bil-kundanna tar-ripressjoni governattiva u ż-żjara tar-Rapporteur Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar; jiddeplora n-nuqqas ta' segwitu u ta' mmoniterjar tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali, meta s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar sejra għall-agħar;

L-elezzjoni ta' membri ġodda tal-UNHRC ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

8.  Jistieden sabiex f'Mejju 2008 jkun hemm elezzjonijiet kompetittivi fir-reġjuni kollha, sabiex ikun hemm għażla vera fost l-Istati Membri tan-NU; jiddispjaċih li s'issa ġew eletti xi pajjiżi b'rekords ta' problemi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li ngħataw bidu ġdid;

9.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jagħmlu pressjoni biex ikunu stabbiliti kriterji ta' sħubija għall-elezzjoni tal-UNHRC, inkluż il-ħruġ ta' stediniet permanenti għal Proċeduri Speċjali, kif ukoll l-immoniterjar ta' l-implimentazzjoni attwali tal-wegħdiet elettorali ta' l-Istati Membri tan-NU; sakemm issir tali riforma, jistieden sabiex din ir-regola tiġi applikata biex jiġi ddeterminat l-appoġġ ta' l-Istati Membri ta' l-UE fil-UNHRC għall-pajjiżi kandidati;

Proċeduri u mekkaniżmi

UPR

10.  Iqis l-mekkaniżmu UPR bħala mezz potenzjali biex tittejjeb l-universalità ta' l-immoniterjar ta' l-impenji favur id-drittijiet tal-bniedem u l-prattiki madwar id-dinja billi l-Istati Membri kollha tan-NU jkunu soġġetti għall-istess trattament u skrutinju;

11.  Jenfasizza li l-għan tal-UPR huwa li jagħmel reviżjoni objettiva tas-sitwazzjoni f'pajjiż partikolari biex jidentifika l-oqsma ta' ksur ta' drittijiet tal-bniedem li jistgħu jittejbu permezz ta' skambju ta' prattiki tajba u kooperazzjoni mtejba li twassal għal rakkomandazzjonijiet u konklużjonijiet; f'dan ir-rigward jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet biex jiddefinixxu objettivi u prijoritajiet ta' programmi ta' assistenza ta' l-UE;

12.  Jistieden biex il-proċess UPR, li l-ewwel u t-tieni rawnds tiegħu se jsiru mis-7 sat-18 ta' April 2008 u mill-5 sas-16 ta' Mejju 2008, biex jilħqu l-aspettattivi li leħħnu s'issa; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex imexxu l-UPR fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni 60/251 b'mod trasparenti u objettiv; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE suġġetti għall-UPR biex ikunu awto-kritiċi u ma jillimitawx il-preżentazzjonijiet tagħhom biss għall-kisbiet pożittivi tagħhom;

13.  Jinnota li għad iridu jiġu indirizzati għadd ta' mistoqsijiet, inkluża l-għażla ta' dawk li jissejħu 'UPR Troikas' li għandhom jiffaċilitaw ir-reviżjoni ta' l-Istati Membri tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-Istati Membri ta' l-UE biex ma jaċċettawx il-possibilità li pajjiżi li qed ikunu eżaminati jirrifjutaw l-għażla ta' pajjiżi inkarigati mir-reviżjoni tagħhom;

14.  Jistieden lill-Membri ta' l-HRC biex jaħtru esperti indipendenti bħala r-rappreżentanti tagħhom għall-grupp ta' ħidma responsabbli mit-tmexxija tal-UPR; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jieħdu pożizzjoni ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' dan l-approċċ billi jadottaw linji gwida komuni dwar il-modalitajiet tal-UPR;

15.  Jinnota l-importanza ta' l-involviment tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-Proċeduri Speċjali; itenni l-opinjoni tiegħu li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet għandhom għalhekk jikkostitwixxu l-bażi ta' reviżjoni indipendenti u kredibbli;

Ir-reviżjoni ta' mandati u nomini għad-detenturi ta' mandati ta' Proċeduri Speċjali

16.  Jenfasizza li l-Proċeduri Speċjali huma l-parti ċentrali tal-mekkaniżmu tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u għandhom irwol kritiku, partikolarment fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-ħtieġa li l-membri tal-UNHRC jikkonformaw ma' l-obbligu tagħhom li jikkoperaw bis-sħiħ b'konnessjoni mal-Proċeduri Speċjali;

17.  Jenfasizza li l-kredibilità tal-UNHRC se tiddependi fuq in-nomini l-ġodda ta' detenturi tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali f'Marzu 2008;

18.  Jistieden sabiex ikun hemm nomina, għal detenturi ta' mandati, ta' persuni imħarrġa fid-drittijiet tal-bniedem u rikonoxxuti, li għandhom esperjenza rilevanti, indipendenza, imparzjalità, integrità personali u oġġettività kif ukoll għarfien sostanzjali tas-sistema ta' Proċeduri Speċjali;

19.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti biex jibagħtu l-ismijiet ta' kandidati eleġibbli għall-inklużjoni fuq ir-roster pubbliku ta' kandidati eleġġibbli mmaniġġjat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

20.  Jistieden lill-Grupp Konsultattiv, responsabbli mir-reviżjoni tal-kandidati għall-mandati tal-Proċeduri Speċjali u li jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-ħatra tal-Presidenza tal-Kunsill, biex iwettaq il-mandat tiegħu b'mod oġġettiv u trasparenti u biex jibbaża l-għażliet tiegħu fuq kriterji ta' professjonalità u integrità personali;

21.  Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem li ma jġeddidx il-mandati tar-Rapporteurs Speċjali għall-Belarus u għal Kuba;

22.  Jilqa' t-tiġdid tal-mandati tal-pajjiż tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan, u ta' l-Esperti Indipendenti għal-Liberja, għal Haiti u għal Burundi;

23.  Jiddispjaċih dwar l-appoġġ ta' l-UE għad-deċiżjoni ta' l-HRC biex jitneħħa l-grupp ta' esperti dwar id-Darfur; jinnota li s-segwitu tal-ħidma tal-grupp ta' esperti żdied mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali għas-Sudan; għalhekk, jinsab imħasseb dwar ir-riskju li l-mandat tagħha jiddgħajjef biż-żieda tat-tagħbija tax-xogħol tar-Rapporteur Speċjali;

24.  Jinkoraġġixxi, peress li għandhom valur miżjud importanti, li fil-futur ikun hemm interruzzjoni aktar prudenti tal-mandati tal-gruppi ta' esperti;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tiġdid tal-mandati tematiċi riveduti s'issa;

 

26.  Jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex jiżguraw it-tiġdid tal-mandati tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar u tar-Repubblika Popolari Demokratika tal-Korea, u l-estensjoni tal-mandati ta' l-Esperti Indipendenti dwar is-Somalja u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo;

27.  Jilqa' l-ħolqien ta' mekkaniżmu espert, b'ħames membri indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-popolazzjonijiet indiġeni;

28.  Jinkoraġġixxi li sa l-2008 jsiru diskussjonijiet dwar il-kwistjoni ta' vjolenza kontra n-nisa taħt kull forma u manifestazzjoni, u l-ħolqien ta' prijoritajiet biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fl-impenji u fil-programmi ta' ħidma tiegħu fil-ġejjieni, kif miftiehem fir-riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali 61/143 tad-19 ta' Diċembru 2006;

29.  Jinnota l-adozzjoni, fit-18 ta' Ġunju 2007, ta' Kodiċi ta' Kondotta għall-Mandatarji ta' Proċeduri Speċjali; jistieden lill-UNHRC biex jimplimenta dan il-Kodiċi ta' Kondotta fl-ispirtu tar-Riżoluzzjoni 60/251 u jirrispetta l-indipendenza tal-Proċeduri Speċjali;

30.  Jappoġġja l-impenji tal-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Proċeduri Speċjali fl-abbozzar ta' proċeduri adattati li permezz tagħhom il-Kodiċi ta' Kondotta u dokumenti rilevanti oħra, inkluż il-Gwida ta' Proċeduri Speċjali, jkunu jistgħu jiġu implimentati b'tali mod li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Proċeduri Speċjali biex jaħdem b'mod effiċjenti u trasparenti biex jevita diskussjonijiet tekniċi li jistgħu jdewmu dibattiti sostantivi u jfixklu l-mandati tal-Proċeduri Speċjali;

Proċedura ta' lmenti

31.  Jinnota li l-proċedura ta' lmenti spjegata bħala parti mill-proċess ta' bini ta' istituzzjonijiet tal-UNHRC tidher simili ħafna għall-'Proċedura 1503' li kienet teżisti qabel; jistieden li jkun hemm proċess ġdid li jkun aktar effettiv fl-identifikazzjoni, fil-prevenzjoni u fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet ta' ksur manifest u kbir tad-drittijiet tal-bniedem;

L-involviment ta' l-UE

32.  Jirrikonoxxi l-involviment attiv ta' l-UE u ta' l-Istati Membri tagħha fl-ewwel sena ta' ħidma tal-UNHRC;

33.  Jilqa' l-involviment ta' l-UE fin-negozjati diffiċli fis-sitt sessjoni regolari biex jinkisbu riżultati pożittivi rigward, b'mod partikolari, it-tiġdid tal-mandati tal-Proċeduri Speċjali;

34.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-UE titkellem b'vuċi waħda biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-importanza li kull Stat Membru ta' l-UE jleħħen il-pożizzjoni ta' l-UE sabiex jagħtiha aktar importanza;

35.  Jistieden li jkun hemm kooperazzjoni mtejba ma' l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u preservazzjoni ta' l-indipendenza tiegħu billi jingħata ffinanzjar xieraq;

36.  Jistieden li jkun hemm appoġġ kontinwu tal-Proċeduri Speċjali f'termini ta' finanzi u persunal; jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EUDHR), peress li huwa sors importanti ta' ffinanzjar għall-Proċeduri Speċjali; jilqa' l-inizjattivi tal-presidenza tal-Grupp ta' Ħidma għad-Drittijiet tal-Bniedem (COHOM) biex ittejjeb il-koperazzjoni mar-Rapporteurs Speċjali primarjament billi jiġu mistiedna b'mod sistematiku fil-laqgħat li jikkonċernawhom;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jadottaw 'pożizzjoni komuni' biex jiżguraw li l-Istati Membri ta' l-UE jiffirmaw b'mod awtomatiku u jirratifikaw kull strument internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

38.  Jinnota li l-ħidma ta' l-UE favur l-adozzjoni ta' riżoluzzjonijiet b'kunsens; jistieden lill-Istati Membri ta' l-UE biex ikomplu fl-isforzi tagħhom biex jissieħbu ma' pajjiżi minn gruppi reġjonali oħra sabiex jiggarantixxu appoġġ wiesa' għal riżoluzzjonijiet li jsaħħu l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE biex tagħmel użu aktar effettiv mill-għajnuna u l-appoġġ politiku tagħha lejn il-pajjiżi terzi, biex tagħtihom inċentiv biex jikooperaw mal-UNHRC;

39.  Jagħti mandat lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-seba' sessjoni tal-UNHRC biex tleħħen it-tħassib muri f'din ir-riżoluzzjoni, jistieden lid-delegazzjoni biex tħejji rapport dwar iż-żjara tagħha lis-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, u jikkunsidra li huwa xieraq li jibqa' jibgħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għas-sessjonijiet tal-UNHRC li jikkonċernawha;

o

o o

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-61 Assemblea Ġenerali, lill-President tal-Kunsill tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Grupp ta' Ħidma UE-NU imwaqqaf mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin.