MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
5.3.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ana Maria Gomes
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE fuq it-Trasferimenti ta’ l-Armi – in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta l-Pożizzjoni Komuni u jibdel din il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment
B6‑0109/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta ta’ l-UE fuq it-Trasferimenti ta’ l-Armi – in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta l-Pożizzjoni Komuni u jibdel din il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment
Il-Parlament Ewropew,,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fl-2008 il-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea fuq l-Esportazzjoni ta' l-Armi se tiċċelebra l-għaxar anniversarju tagħha,
B. billi aktar minn sentejn ilu, fit-30 ta’ Ġunju 2005, il-COARM (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Armi) qabel fuq livell tekniku dwar it-test ta’ Pożizzjoni Komuni wara proċess bir-reqqa sabiex il-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-UE fuq it-Trasferimenti ta’ l-Armi tiġi riveduta bil-għan li tinbidel fi strument effiċjenti għall-kontroll ta’ l-esportazzjoni ta' l-armi mit-territorju ta’ l-UE u minn kumpaniji fl-UE,
C. billi bl-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni l-Kodiċi se ssir strument għall-kontroll ta' l-esportazzjoni ta' l-armi li jkun jorbot legalment lill-Istati Membri kollha ta' l-UE,
D. billi l-Parlament Ewropew laqa' b'sodisfazzjon kbir din il-Pożizzjoni Komuni f'diversi okkażjonijiet, fosthom fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar is-Seba' u t-Tmien Rapporti Annwali tal-Kunsill skond id-Dispożizzjoni Operattiva 8 tal-Kodiċi ta' Kondotta ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni ta' l-Armi,[1]
E. billi l-Kunsill Ewropew sa mill-2005 madankollu naqas milli jadotta din il-Pożizzjoni Komuni fil-livell politiku,
F. billi r-raġunijiet għal dan qatt ma ġew spjegati b'mod uffiċjali imma huma marbuta b'mod ċar max-xewqa ta' wħud mill-Istati Membri ta' l-UE li jneħħu l-embargo attwali ta' l-armi li hemm fis-seħħ min-naħa ta' l-UE kontra r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina,
G. billi din il-kwistjoni reġgħet ħadet xejra urġenti minħabba dawn l-iżviluppi li ġejjin:
- –l-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona, li jobbliga lill-UE li jkollha sehem bħala parteċipanta responsabbli b'mod globali,
- –il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (l-ESDP) li qiegħda tiżviluppa, u li permezz tagħha qegħdin jintbagħtu aktar u aktar missjonijiet esterni militari u ċivili, u li fihom l-istaff ta' l-UE jista' jkun mhedded b'armi li jkunu ġew ipprovduti mill-Istati Membri ta' l-UE,
- –dikjarazzjonijiet reċenti mill-Istati Membri ta' l-UE li juru r-rieda min-naħa tagħhom li jżidu l-esportazzjoni ta' l-armi bħala għodda għall-promozzjoni ta' l-interessi ekonomiċi,
- –diversi inizjattivi sabiex jiġu armonizzati l-politiki nazzjonali għall-akkwist ta' l-armi kif ukoll it-trasferimenti u l-bejgħ intrakomunitarji ta' l-armi,
H. billi, minkejja l-isforzi pożittivi tal-COARM sabiex ikomplu jittejbu l-Kodiċi u l-applikazzjoni tagħha, dan ix-xogħol qiegħed jiġi mfixkel sew mill-esportazzjonijiet ta' l-armi mill-Istati Membri ta' l-UE lejn pajjiżi li jinsabu f'sitwazzjoni ta' kunflitt, f'instabilità jew li juru nuqqas ta' rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u li għalhekk huma meqjusa bħala "destinazzjonijiet irresponsabbli" skond il-Kodiċi ta' Kondotta,
I. billi n-nuqqas ta' rieda politika biex il-Kodiċi ta' Kondotta tinbidel f'Pożizzjoni Komuni jmur kontra l-irwol ta' tmexxija ta' l-Unjoni Ewropea u ta' l-Istati Membri tagħha fil-promozzjoni ta' strumenti legali globali li għandhom l-għan li jikkontrollaw it-trasferimenti internazzjonali kollha ta' l-armi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, b'mod partikulari t-twelid ta' Trattat b'saħħtu dwar il-Kummerċ fl-Armi li jkun jorbot legalment,
1. Jiddeplora l-impass politiku attwali rigward l-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni, fid-dawl ta' l-għaxar anniversarju tal-Kodiċi;
2. Jistieden lill-Presidenza Slovena biex tagħmel l-isforzi kollha possibbli biex sa fl-aħħar tiġi adottata l-Kodiċi ta' Kondotta bħala Pożizzjoni Komuni;
3. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri ta' l-UE li jopponu Kodiċi ta' Kondotta li tkun torbot legalment sabiex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom;
4. Jemmen li l-kredibilità tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għal Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi li jkun jorbot b'mod internazzjonali tiżdied hekk kif ir-reġim tagħha għall-kontroll ta' l-armi jsir jorbot legalment;
5. Hu konvint ukoll li, flimkien ma' l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, għandha tittieħed azzjoni sabiex, fost l-oħrajn:
- (a)jiġu evitati t-trasferimenti irresponsabbli ta' l-armi permezz ta' l-applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Kodiċi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-forzi armati nazzjonali;
- (b)jiġu mtejba u applikati l-kontrolli tas-senserija, u jiġi evitat li jkun hemm traffikar illegali ta' l-armi bl-ajru u bil-baħar;
- (c)tiġi żgurata investigazzjoni immedjata ta' l-allegazzjonijiet reċenti dwar il-ksur ta' l-embargos ta' l-armi;
- (d)jiġu mtejba t-trasparenza u l-kwalità tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri fil-kuntest tar-Rapport Annwali fuq il-Kodiċi ta' Kondotta;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali kollha ta' l-UE.
- [1] Testi adottati ta' dik id-data: P6_TA(2007)0008.