Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0131/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0131/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.4.2008

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6-0014/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Guido Sacconi
f’isem il-Kumitat Temporanju dwar il-Bidla fil-Klima
dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar "Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta’ l-UE" (COM(2007)0354 finali)

Proċedura : 2008/2541(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0131/2008

B6‑0131/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar "Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta’ l-UE" (COM(2007)0354 finali)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar "Nadattaw għall-bidla klimatika fl-Ewropa – alternattivi għall-azzjoni ta’ l-UE" (COM(2007)0354 finali)

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC) u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 4(1)(b), (e) u (f) tagħha, il-Protokoll ta' Kyoto għall-UNFCC u l-proċeduri għall-implimentazzjoni tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Strateġija għall-ibgħad reġjuni: Kisbiet u Prospetti Futuri' (COM(2007)0507 finali),

–  wara li kkunsidra ir-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC) u, b'mod partikolari, il-kontribut tat-Tieni Grupp ta' Ħidma għal dak ir-rapport,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-17 ta’ April 2007 dwar l-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra t-13-il Konferenza tal-Partijiet (COP 13) tal-UNFCCC u t-tielet Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-Laqgħa tal-Partijiet tal-Protokoll ta' Kyoto (COP/MOP 3) li se jsiru f'Bali, l-Indoneżja, bejn it-3 u l-14 ta' Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu rigward il-bidla fil-klima u b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2005 dwar ''Winning the Battle against Global Climate Change', tat-18 ta' Jannar 2006 dwar il-bidla fil-klima, li jitrattaw ir-riżultati tal-Konferenza ta' Montreal (COP 11-COP/MOP 1) ta' l-4 ta' Lulju 2006 'Reducing the Climate Change Impact of Aviation', ta' l-14 ta' Frar 2007 dwar il-Bidla fil-Klima u tal-15 ta' Novembru 2007 'Limiting global climate change to 2 degrees Celsius - the way ahead for the Bali Conference on Climate Change and beyond (COP 13 and COP/MOP3)',

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali B6-0014/2008 tal-Kumitat Temporanju għall-Bidla fil-Klima mressqa skond l-Artikolu 108 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu u wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007,

–  wara li kkunsidra l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi skond il-Kontribut tat-Tieni Grupp ta' Ħidma għar-Raba' Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC), huwa mistenni li kważi r-reġjuni Ewropej kollha se jkunu affetwati b'mod negattiv b'xi impatti futuri tal-bidla fil-klima; billi dawk l-impatti se joħolqu sfidi għal ħafna setturi ekonomiċi, iżda bl-istess mod joħolqu theddida oħra għall-bijodiversità ta' l-Unjoni Ewropea u se jtellfu l-iżvilupp soċjali,

B.  billi osservazzjoni xjentifika reġjonali mill-kontinenti kollha u minn ħafna oċeani tipprovdi evidenza li n-natura qed tkun affetwata mill-bidla fil-klima speċjalment minħabba ż-żieda fit-temperatura iżda wkoll minħabba impatti oħra tal-bidla fil-klima, billi din iż-żieda fit-temperatura osservata hija kkawżata minn attività tal-bniedem u qed tinfluwenza s-sistemi fiżiċi u bijoloġiċi,

C.  billi l-UE għandha tikkunsidra sa liema punt l-adattament għall-bidla fil-klima jista' jwitti t-triq għal mudell ġdid għall-iżvilupp u t-tkabbir ekonomiku li jħares l-ambjent, iżid l-impjiegi u jagħti dimensjoni ġdida lill-politiki soċjali,

D.  Billi l-bidla fil-klima hija problema li tikkonċerna lis-soċjetajiet moderni kollha kemm huma u għalhekk il-livelli kollha ta' governanza, mil-livell ta' l-UE u l-awtoritajiet pubbliċi sa ċ-ċittadin individwali u jistgħu u għandu jkollhom irwol importanti fil-miżuri ta' adattament,

E.  billi miżuri flessibbli li jevitaw il-ħsara mhumiex bżonnjużi biss biex iwieġbu għall-impatti tal-klima futuri fl-Ewropa u barra l-Ewropa, iżda għandhom ukoll jiġu żviluppati u applikati issa biex iwieġbu kemm fuq livell reġjonali u kemm fuq livell lokali għall-konsegwenzi tal-livelli attwali tat-tisħin globali minħabba raġunijiet storiċi ta' emissjonijiet ta' gass li għandu effett ta' serra, billi, adattazzjoni bħal din titlob approċċ verament komuni u l-inklużjoni ta' aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali f'sens wiesa',

F.  billi jeżistu diversi studji u mudelli fuq skala reġjonali u lokali dwar l-impatti mistennija tal-bidla fil-klima, billi, f'ħafna studji, m'hemm l-ebda eżami ekwivalenti tad-dimensjoni soċjo-ekonomika u tal-konsegwenzi prevedibbli għall-popolazzjonijiet ikkonċernati,

G.  billi għandhom jiġu stabbiliti monitoraġġ fuq il-livell ta' l-UE tal-bidla fil-klima u koordinazzjoni tal-miżuri biex din tiġi indirizzata sabiex tiġi ffaċilitata strateġija komuni għal din il-problema,

H.  billi l-investiment kemm pubbliku kif ukoll privat f'attivitajiet ta' riċerka u żvilupp dwar il-bidla fil-klima se jkun ta' importanza kbira biex jiġi żgurat li l-isforzi ta' adattament u ta' mitigazzjoni jkunu kemm jista' jkun possibbli effettivi fil-limitazzjoni tal-konsegwenzi tal-bidla fil-klima,

I.  billi hemm bżonn li r-riċerka nazzjonali dwar il-bidla fil-klima tkun ikkoordinata mar-riċerka li titwettaq taħt is-Seba' Programm ta' Qafas,

J.  billi l-adattazzjoni tal-bidla fil-klima kienet inqas fiċ-ċentru tad-dibattitu pubbliku wara enfasi ċara dwar il-miżuri ta' mitigazzjoni neċessarji biex jiġi llimitat it-tisħin globali; billi l-kisba tal-mira ta' mitigazzjoni ta' l-UE ta' 2°C se tfisser l-evitar ta' ħafna impatti tal-klima, it-tnaqqis jew għall-inqas id-dewmien tagħhom, billi b'kuntrast ma' dan, il-Green Paper tuża xenarju A2 biex tħeġġeġ għal azzjoni li ġeneralment hija xenarju ta' negozju bħas-soltu bbażat fuq is-suppożizzjoni li se jittieħdu ftit jew xejn miżuri ta' mitigazzjoni,

K.  billi l-mira li jitwaqqaf it-tisħin globali f'2°C stabbilita mill-UE tibqa' tfisser tisħin għall-Ewropa kkaratterizzat mill-bidliet reġjonali fil-klima, mill-konsegwenzi differenti għall-popolazzjonijiet ikkonċernati, għall-ekonomija lokali u reġjonali u għall-ambjent, karatteristiċi li jwasslu għal iktar tisħiħ ta' l-inugwaljanzi eżistenti u d-differenzi reġjonali rigward ir-riżorsi u l-assi fl-Ewropa,

L.  billi r-riċerka fil-prekundizzjonijiet għal u l-fehim ta' kundizzjonijiet estremi tat-temp għandhom ikunu intensifikati bħala bażi neċessarja għall-miżuri preventivi, inkluża l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' twissija bikrija u azzjonijiet fil-futur biex jiġu evitati diżgrazzji u ħsarat u billi jridu jiġu żviluppati għodod għall-evalwazzjoni ta' l-effettività ta' miżuri bħal dawn,

M.  billi approċċ lejn mekkaniżmi ta' adattament ibbażati biss fuq analiżi ta' l-ispiża meta mqabbla mal-benifiċċju ma jidhirx xieraq peress li huwa previst li anke fl-Ewropa, l-iktar li se jintlaqtu ħażin huma l-iktar foqra minħabba li huma ġeneralment m'għandhomx biżżejjed assikurazzjoni, informazzjoni u mobilità biex iwieġbu għal ambjent li qed jinbidel,

N.  billi approċċ minn isfel għal fuq jinvolvi komunitajiet li jesperjenzaw il-konsegwenzi negattivi tal-bidla fil-klima biex jippreżentaw liema tekniki sabu li huma suċċess biex jiġu miġġielda dawk il-konsegwenzi, se jkun indikatur utli għall-UE biex din taħdem bħala umbrella fil-promozzjoni ta' strateġiji, fl-iżvilupp ta' programmi ta' appoġġ relevanti u fil-koordinazzjoni ta' politika ta' tmexxija permezz ta' netwerks u sħubijiet reġjonali u lokali,

O.  billi komponent ewlieni tar-reazzjoni għall-impatti tal-bidla fil-klima huwa li tiżdied u titjieb l-edukazzjoni professjonali u dik pubblika fir-rigward ta' l-azzjonijiet ta' adattament,

P.  billi huwa evidenti li l-bidla fil-klima taffetwa l-kisbiet ta' l-iżvilupp u thedded l-iżvilupp b'suċċess fl-Ewropa, iżda għandha impatt iktar qawwi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi l-kwistjoni ta' l-iffinanzjar tal-miżuri ta' adattament għandha tkun evalwata iktar fil-fond kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll f'termini ta' appoġġ provdut lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

Q.  billi skond il-kunċett ta' integrazzjoni sistematika, l-adattament tal-bidla fil-klima għandha tkun inkluża fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet wara li jkunu saru ċertu mistoqsijiet dwar kif u meta wieħed għandu jinvesti, billi d-dibattiti matul dan il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet għandu jinvolvi kemm lill-parteċipanti kkonċernati lokali u reġjonali kif ukoll lil dawk involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet,

R.  billi l-Green Paper ma tirrikonoxxix b'mod speċifiku l-eċċezzjonijiet ġeografiċi, klimatiċi u ta' żvilupp tar-reġjuni l-iktar imbiegħda ta' l-UE li probabilment għandhom dgħjufijiet differenti minn dawk li wieħed jistenna li jsib fil-kontinent Ewropew, u lanqas ma teżamina l-kundizzjonijiet tal-klima ta' l-inħawi urbani u tal-partijiet l-iktar ippopolati fl-Ewropa,

S.  billi l-bidla fil-klima x'aktarx li taffetwa dawk ir-reġjuni li, minħabba l-karatteristiċi topografiċi tagħhom, huma dipendenti b'mod speċjali fuq id-dinamika tan-natura (inter alja z-zoni glaċjali u r-reġjuni muntanjużi), u b'hekk l-ekonomija lokali, il-kultura u l-popolazzjoni b'mod ġenerali jiġu esposti għal pressjoni u spejjeż għoljin ta' adattament, filwaqt li potenzjalment tkompli żżid id-disparitajiet reġjonali,

T.  billi l-Ewropa tan-Nofsinnhar u l-Baċir Mediterranju huma tnejn miz-zoni l-aktar vulnerabbli fl-Ewropa li diġà qed jaffaċjaw nuqqas ta' ilma, nuqqas ta' xita u nirien fil-foresti,

U.  billi strateġiji ta’ adattament b’suċċess biex tintlaqa’ l-bidla inevitabbli fil-klima se jeħtieġu l-appoġġ ta’ l-edukazzjoni u tal-komunikazzjoni permezz ta' l-involviment tal-midja tal-massa u tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fi kwistjonijiet ambjentali,

V.  billi l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tistma li diġà 60,000 mewt fis-sena jistgħu jkunu attribwiti għad-diżastri naturali relatati mal-bidla fil-klima, billi l-iktar rapport riċenti ta’ l-IPCC jenfasizza l-impatt tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa pubblika, billi hemm tħassib serju dwar il-propagazzjoni ta' mard tropikali u l-vektors ta' dan il-mard lejn reġjuni bi klima moderata, billi, bħala konsegwenza partikulari ta’ dan, il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa mmirati lejn l-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà x'aktarx huma l-aktar li jkollhom jadattaw għall-bidla fil-klima,

W.  billi l-bidla fil-klima se tikkawża aktar danni serji lill-ekosistemi u l-bijodiversità li diġà huma vulnerabbli u mhedda u tħalli impatt fuq il-bijodiversità Ewropea; billi danni bħal dawn se jinħassu l-aktar indirettament, permezz tad-degradazzjoni ta' l-ekosistemi li huma fundamentali għall-benesseri tal-bniedem, billi l-ħarsien ta’ l-ekosistemi se jkun għalhekk fil-bażi ta’ strateġija ta’ adattament ta’ l-UE,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Green Paper tal-Kummissjoni u l-proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha;

2.  Jenfasizza l-importanza ta' l-interkonnettività bejn l-isforzi ta' adattament u ta' mitigazzjoni biex jintużaw sinerġiji li għandhom jillimitaw il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif se tibbilanċja ż-żewġ sforzi biex itejbu b'mod reċiproku l-effettività tagħhom bil-għan li tiġi żviluppata strateġija ċara u ħolistika;

3.  Jirrikonoxxi li għalkemm fil-Green Paper il-kwistjonijiet huma ppreżentati fuq bażi settorjali, ħafna minn dawk is-setturi huma interdipendenti bis-sħiħ; Iqis li l-impatti fuq settur wieħed u d-deċiżjonijiet ta' adattament meħuda dwaru ta' sikwit se jkollhom implikazzjonijiet għas-setturi l-oħra, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tqis dawn l-interazzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' adattament;

4.  Itenni l-bżonn għal iktar studji u mudelli xjentifiċi dwar approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jiġu analizzati, miftiehma u previsti aħjar l-impatti umani u soċjali tal-bidla fil-klima b'relazzjoni mal-mira ta' mitigazzjoni ta' l-UE ta' 2°C u d-dimensjoni ta' l-adattamenti lokali u reġjonali meħtieġ;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar l-ekonomiji ta' l-adattament, biex jiġu żviluppati sitwazzjonijiet li jistabbilixxu l-karta tal-bilanċ ta' l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-adattament u biex tiġi stimulata u antiċipata l-azzjoni ekonomika; Jissottolinja l-importanza li jintuża approċċ settorjali minn isfel ghal fuq li jqis id-differenzi fl-ambjenti naturali ta’ l-Ewropa bhal ma huma z-zoni muntanjużi; Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel rendikont tat-trasferimenti fl-impjieg kemm fis-setturi li qed jikbru kif ukoll fis-setturi li qed jiċkienu;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina u tappoġġja l-preparazzjoni xjentifika ta' bażijiet ta' data komuni Ewropej dwar id-dgħjufijiet sabiex wieħed jifhem kif gruppi tas-soċjetà u l-kultura Ewropea u l-wirt nazzjonali se jkunu affetwati u kif is-soċjetajiet jistgħu jirreaġixxu għall-konsegwenzi tal-bidla fil-klima fil-futur; Jemmen li għandhom jiġu stabbiliti bażijiet ta' data li jinkludu informazzjoni importanti oħra dwar attivitajiet u politiki ta' adattament (eż. indiċijiet, politiki u miżuri, eċċ.);

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkoordina n-netwerks eżistenti ta' monitoraġġ ta' data ambjentali u, fejn xieraq, biex tgħaqqadhom ma' strutturi ġodda, bil-għan li jiġu kkompilati bażijiet ta' data b'miżuri omoġenji li jistgħu jintużaw biex jinħolqu mudelli li jippermettu li tiġi identifikata l-azzjoni l-aktar meħtieġa fuq livell kontinentali, reġjonali u lokali;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina kif tiżviluppa u tappoġġja iktar lil netwerk pan-Ewropew ta' universitajiet, lill-imsieħba soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari lill-organizzazzjonijiet nazzjonali għat-tbassir tat-temp, li għandhom riżorsi estensivi tad-data, u lil dawk involuti fit-teħid ta' deċiżjonijiet lokalment u reġjonalment sabiex jippromwovu sħubijiet transettorjali dwar adattamenti għall-iskambju ta' l-għarfien u l-politiki kif ukoll għall-iżvilupp ta' għodod li jkejlu s-suċċess tal-miżuri adottati u l-komunikazzjoni u t-tixrid ta' sejbiet u xenarji xjentifiċi dwar adattamenti neċessarji għat-tibdil tal-klima għall-pubbliku;

9.  Iqis li, sabiex ir-riċerka dwar l-impatt tal-bidla fil-klima tkun iktar effiċjenti, ir-riċerka li titwettaq taħt is-Seba' Programm ta' Qafas għandha tkun koordinata mar-riċerka li titwettaq fuq livell nazzjonali (b'mod partikulari l-programmi ta' osservazzjoni tad-Dinja mill-ispazju);

10.  Iqis li l-UE trid tagħmel sforzi sostanzjali biex jiżdied l-iżvilupp teknoloġiku fl-adattament biex tiġi appoġġjata l-ekonomija tagħna stess u biex dawn it-teknoloġiji jiġu ttrasferiti lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; Jemmen li l-iżvilupp ta' teknoloġiji effettivi, sikuri u rħas huwa wieħed mill-modi essenzjali għall-adattament għall-bidla fil-klima u jqis li l-Konferenza/Laqgħa li jmiss tal-Partijiet f'Poznan (COP 14) għandha tiffoka fuq din il-kwistjoni;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi adattament fit-tfassil u l-modifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, ta' l-istrateġiji u tal-proġetti ta' finanzjament b'impatt spazjali, eżistenti u dawk kollha li għad iridu jsiru, sabiex ikunu limitati l-effetti tal-bidla fil-klima; Jitlob lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi komprensiva ta' l-istrumenti finanzjarji Ewropej eżistenti u l-użu tagħhom fil-miżuri ta' adattament għal bidla fil-klima fl-oqsma ta' applikazzjoni oriġinali tagħhom u biex tindika fejn se jkunu meħtieġa fondi;

12.  Iħeġġeġ b’qawwa lill-Kunsill biex jasal għal deċiżjoni, mingħajr aktar dewmien, dwar ir-regolament propost tal-Fond ta’ Solidarjetà ta' l-UE (EUSF), filwaqt li jżomm f'moħħu li l-Parlament ilu li adotta l-pożizzjoni tiegħu minn Mejju 2006; Jemmen li r-regolament il-ġdid li, flimkien ma' miżuri oħra, jbaxxu l-limiti għall-mobilizzazzjoni ta' l-EUSF, se jippermetti li tiġi indirizzata l-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew magħmula mill-bniedem b'mod iktar effettiv, flessibbli u f'waqtu; Jinsisti li strument finanzjarju bħal dan huwa importanti ħafna, speċjalment minħabba li d-diżastri naturali huma mistennija li jiżdiedu fil-futur anki minħabba l-bidla fil-klima;

13.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkunsidratx kwalunkwe allokazzjoni mill-ġdid jew distribuzzjoni mill-ġdid ta' fondi eżistenti skond il-prospettiva finanzjarja attwali; Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tinkludi miżuri finanzjarji ta' adattament fil-prospettiva finanzjarja għal żmien twil li jmiss għall-politiki reġjonali u għall-fondi strutturali kif ukoll sabiex tipproponi li r-riżorsi addizzjonali jiġu allokati sabiex jinstabu soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw il-bidla fil-klima;

14.  Jinnota li l-linji gwida strateġiċi għall-politika ta' koeżjoni ta' l-UE jiddiskrivu b'mod ċar il-bżonn li jissaħħu s-sinerġiji bejn l-ambjent u t-tkabbir; Jiddikjara li l-programmi ta' politika reġjonali jinvestu f'infrastruttura fl-oqsma ta' l-ilma, l-iskart u l-arja, fil-bijodiversità, il-promozzjoni ta' l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art u t-trasport pubbliku; Jenfasizza li dawn jikkontribwixxu għall-ilħuq ta' l-impenji marbuta mal-klima u jrawmu miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju permezz ta' politiki ta' mmaniġġjar pubbliku inkluż, pereżempju, il-monitoraġġ preventiv; Jirreferi wkoll għall-bżonn li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsaħħu l-bżonn ta' koordinazzjoni ta' l-organizzazzjonijiet għall-protezzjoni ċivili u l-ippjanar għal dak li jista’ jinqala’; Jinnota, f'dan ir-rigward, għall-ħidma ta' l-Istrateġija Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Programm ta' Tnaqqis tad-Diżastri;

15.  jenfasizza l-bżonn għall-Istati Membri li jużaw il-fondi għall-Iżvilupp Rurali biex jissaħħaħ l-adattament għall-bidla fil-klima fl-agrikoltura u fl-imsaġar; jenfasizza l-bżonn ta' prevenzjoni xierqa tal-kriżijiet u ta' miżuri għall-immaniġġjar tar-riskju kemm fuq livell tal-Komunità u kemm fuq livell nazzjonali u reġjonali minħabba li n-numru ta' kriżijiet fil-futur se jiżdied b'mod ċar, b'refernza partikulari għal sforz ta' mmaniġjar sistematiku ta' l-art li jiżgura perjodi itwal ta' preservazzjoni ta' l-ilma u piż inqas ta' nirien fuq il-foresti; jemmen li l-immaniġjar tar-riskju għandu jkun parti integrali u espliċita mill-politika ta' koeżjoni ta' l-UE;

16.  Jenfasizza l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà bħala l-iktar approċċ promettenti biex jiġu trattati l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima permezz ta' miżuri adattivi, minħabba li reġjuni u awtoritajiet lokali fl-Ewropa se jkunu jistgħu jirrispondu iktar permezz ta' tweġibiet politiċi għall-esperjenzi tagħhom stess, iżda jenfasizza l-bżonn ta' kontroll koerenti fil-livell ta' l-UE;

17.  Jenfasizza l-irwol ewlieni tal-komunitajiet lokali fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għalhekk jitlob l-implimentazzjoni ta' strateġiji integrati ta' żvilupp urban, reġjonali u rurali sostenibbli, li jqis b'mod sħiħ il-miżuri mmirati lejn il-mitigazzjoni u l-adattament u jitlob li jsiru studji xjentifiċi, sabiex jiġi analizzat liema tip ta' infrastruttura tista' tgħin biex tiġi indirizzata l-bidla fil-klima;

18.  Jitlob kooperazzjoni eqreb u skambju ta' l-aħjar prattiki ma' l-awtoritajiet reġjonali u lokali u bejniethom fl-iżvilupp ta' kostruzzjonijiet, utilitajiet u servizzi mmirati biex jinkiseb status newtrali ta' karbonju fl-oqsma rispettivi tagħhom, bħal skemi ta' tisħin distrettwali, servizzi ta' riċiklaġġ imtejba, trasport pubbliku integrat, bini effiċjenti f'sens ta' enerġija u ilma, il-produzzjoni u l-użu ikbar ta' enerġija alternattiva, u aktar għoti ta' informazzjoni pubblika dwar il-konsum ta' l-enerġija;

19.  Jenfasizza l-fatt li s-settur agrikolu huwa wieħed mill-aktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima iżda li fl-istess ħin dan is-settur ġie akkużat li wettaq ħsara ambjentali; jemmen li l-miżuri ta' adattament f'dan is-settur għandhom jaħdmu lejn it-tnaqqis tal-vulnerabilità u ż-żieda tas-sostenibilità kemm minn perspettiva ambjentali u kif ukoll minn dik ekonomika;

20.  Jenfasizza l-fatt li l-adattament gradwali tas-settur ta' l-agrikoltura għall-bżonnijiet il-ġodda li jirriżultaw mill-bidla tal-klima għandu jkun eżaminat fil-kuntest tal-'kontrolli tas-saħħa', b'kunsiderazzjoni inter alia ta' l-espansjoni tas-sistema attwali ta' konformità ma' diversi setturi u t-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta' modulazzjoni;

21.  Jenfasizza li s-settur ta' l-agrikoltura jista' jadatta ruħu għall-bidla fil-klima u jnaqqas l-effetti tagħha permezz ta' l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li żżid is-sostenibilità u tippromwovi metodi ġodda dwar l-użu u l-immaniġġjar ta' l-ilma u riżorsi naturali oħra;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' l-Istati Membri u tal-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta' infrastruttura tat-trasport li l-iktar li tista' tkun affetwata mill-kundizzjonijiet tal-bidla fil-klima u meta jkun hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali li jiżguraw iffunzjonar kontinwu u sikur;

23.  Ifaħħar ir-riżultat sinifikanti ta' l-MOP 3 f'Bali għat-tħaddim tal-Fond għall-Adattament li jiġbor flimkien proġetti konkreti ta' adattament permezz ta' finanzjament minn imposta fuq proġetti ta' Mekkaniżmi ta’ Żvilupp Nadif imwettqa f'pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma Partijiet għall-Protokoll ta' Kyoto; jenfasizza li din id-deċiżjoni rivoluzzjonarja biex jiġi ffinanzjat l-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw indipendentement mid-donaturi ttieħdet qabel ma ġie adottat il-Pjan ta' Azzjoni għal Bali;

24.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li, bħala parti mill-evalwazzjoni ta' l-impatt ambjentali, il-permessi kollha għall-bini u l-pjanijiet urbani jqisu x-xenarji ta' adattament differenti sabiex jiġu evitati investimenti f'infrastrutturi inkompatibbli; jinnota li f'ħafna każi ikun aktar xieraq li z-zoni vulnerabbli ma jiġux żviluppati, jew li jerġa' jiġi rrestawrat l-istat naturali taz-zoni li diġà ġew żviluppati, milli jinbnew difiżi bħala preparazzjoni għall-effetti negattivi tal-klima;

25.  Iqis li l-kooperazzjoni biex jiġu appoġġjati r-reġjuni ifqar ta' l-Ewropa u l-partijiet tad-dinja li għadhom qed jiżviluppaw bħala importanti ħafna peress li dawn iz-zoni x'aktarx jintlaqtu l-aktar ħażin mill-bidla fil-klima iżda huma l-inqas kapaċi li jaffaċċjaw il-konsegwenzi; jiddispjaċih li l-Green Paper ma tindirizzax b'mod suffiċjenti l-bżonn ta' kooperazzjoni dwar l-adattament bejn l-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw; b'mod partikulari jenfasizza l-bżonn tat-trasferiment tat-teknoloġija u l-bini ta' kapacità; f'dan il-kuntest jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniedi Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima iżda jenfasizza li attwalment din hija nieqsa għall-aħħar mill-fondi;

26.  Jirrikonoxxi rabta kondizzjonali bejn l-għanijiet ta' żvilupp u kemm il-mitigazzjoni kif ukoll l-adattament għall-bidla fil-klima; jenfasizza li l-bida fil-klima għandha tkun integrata sistematikament fil-kooperazzjoni kollha ta' l-UE għall-iżvilupp, inklużi programmi eżistenti ta' sħubija bħad-djalogu EUROMED jew is-sħubija ta' l-enerġija bejn l-UE u l-Afrika; jenfasizza wkoll l-importanza kbira li jissaħħu s-sħubiji mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiżdiedu l-isforzi biex tiġi evitata d-deforestazzjoni, u jiġu pprovduti benefiċċji kemm ta' mitigazzjoni kif ukoll ta' adattament;

27.  Jinnota li l-bidla fil-klima tista' taċċellera t-tnaqqis ta' l-aċċess għar-riżorsi naturali; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra miżuri ulterjuri għall-adattament għal sfidi ġodda biex tiġi żgurata sigurtà fil-provvista ta' l-ikel u ta' l-enerġija;

28.  Jistieden lill-Kummisjoni biex teżamina fuq livell Ewropew u, fil-kuntest internazzjonali, kif jiġi inkorporat adattament neċessarju bħala tweġiba għall-bidla fil-klima fil-pjanijiet għall-iżvilupp u fin-negozjati dwar il-baġit; jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga kif tapplika miżuri bħal dawn fil-politiki settorjali biex tmexxi fondi u investimenti pubbliċi u privati; jenfasizza li din l-inkorporazzjoni se tkopri l-oqsma tax-xjenza, ta' l-integrazzjoni sistematika, tal-ħolqien ta' kuxjenza, ta' l-informazzjoni, tal-kooperazzjoni u tal-monitoraġġ, filwaqt li b'mod ċar isegwi l-kriterji kkontrollati regolarment għall-konformità biex wieħed jiġġustifika iktar appoġġ u jirrapporta lura lil-leġiżlatur Ewropew;

29.  Jenfasizza l-importanza ta' ħtieġa akbar ta’ użu razzjonali ta' l-ilma permezz ta' 'mmaniġġjar tad-domanda għall-ilma', peress li l-ilma qed isir riżors skars; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżuri integrattivi biex ikunu żgurati d-disponibilità, l-aċċessibilità, l-użu u l-konservazzjoni ta' l-ilma, u biex ikunu promossi teknoloġiji u prattiki innovattivi inklużi proġetti pilota li jgħinu biex jitnaqqas id-dannu tal-perjodi bla xita u r-riskji ta' l-għargħar; f’dan il-kuntest, jirrikonoxxi l-importanza ta’ approċċ ibbażat fuq l-ekosistema fil-prevenzjoni u l-assorbiment ta’ l-impatti ta' l-erożjoni tal-ħamrija, l-għargħar, id-deżertifikazzjoni, żieda fil-livelli tal-baħar, speċi aljeni li jinfirxu fl-ambjent, u reżistenza akbar għan-nirien tal-foresti;

30.  Jirrikonoxxi li l-bidla fil-klima tikkontribwixxi għall-piż globali tal-mard u l-imwiet prematuri billi taffettwa b’mod partikulari l-gruppi l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni; jistieden lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw miżuri għat-tisħiħ tal-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa biex jadattaw għall-effetti avversi tal-bidla fil-klima; jistieden lill-Kummissjoni sabiex twaqqaf sistema mifruxa ma’ l-UE għall-immonitorjar u s-sorveljanza ta’ l-effetti tal-bidla fil-klima fuq is-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li t-theddid mill-bidla fil-klima għas-saħħa tal-bniedem ikunu fiċ-ċentru tal-politika ta' adattament u ta' mitigazzjoni ta' l-UE;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa ta’ approċċ iddivrenzjat klimatiku u ta’ l-iżvilupp f'dak li għandu x'jaqsam ma’ oqsma u reġjuni partikularment vulnerabbli għall-bidla fil-klima, bħal ma huma zoni muntanjużi jew kostali, gżejjer jew, per eżempju, is-seba’ reġjuni l-aktar imbiegħda ta' l-UE, li, minħabba l-karatteristiċi topografiċi tagħhom u l-iżvantaġġi strutturali, huma dipendenti b’mod speċjali fuq id-dinamika ta’ avvenimenti naturali; jistieden f’dan il-kuntest lill-Kummissjoni sabiex tespandi l-lista taz-zoni l-aktar vulnerabbli u sabiex tikkopera ma' inizjattivi reġjonali eżistenti bħal ma huma l-Konvenzjoni Alpini u l-Konvenzjoni ta' Karpazja sabiex jagħmlu l-aħjar użu minn għarfien eżistenti li nkiseb minn inizjattivi bħal dawn;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra l-irwol vitali li ekosistemi b'saħħithom jista' jkollhom fil-politika ta’ l-adattament; jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni eżistenti ta’ l-UE (i.e. id-Direttiva ta’ l-Għasafar[1] u d-Direttiva dwar l-habitat naturali[2], Natura 2000 u d-Direttiva ta' Qafas dwar l-Ilma[3]) jistgħu jgħinu sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħtu l-ogħla prijorità għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-politiki, sabiex jassiguraw adattament rapidu u effiċjenti għall-bidla fil-klima;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twaqqaf Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Adattament għall-Bidla fil-Klima u jenfasizza l-bżonn li dan il-grupp ta' esperti jipprovdi l-kapacitajiet għar-realizzazzjoni ta' strateġiji intersettorjali koerenti fil-livell ta' l-UE kif ukoll għat-tisħiħ ta' l-oqfsa ta' politika li jistgħu jipprovdu inċentivi għall-investiment fl-attivitajiet ta' mitigazzjoni u adattament għall-bidla fil-klima;

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni bħala l-kontribut tal-Parlament għall-proċess ta' konsultazzjoni dwar il-Green Paper mibdi mill-Kummissjoni.