Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0132/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0132/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.4.2008

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6-0000/2007
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Miroslav Ouzký, Antonios Trakatellis, Glenis Willmott, Georgs Andrejevs, Caroline Lucas, Adamos Adamou, Liam Aylward, Kathy Sinnott u Irena Belohorská
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza ta' l-Ikel
dwar il-ġlieda kontra l-kanser fl-Unjoni Ewropea mkabbra

Proċedura : 2008/2547(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0132/2008

B6‑0132/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra l-kanser fl-Unjoni Ewropea mkabbra

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 152 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 163-173 tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Programm ta' Azzjoni Komunitraja fil-Qasam tas-Saħħa 2008-2013,[1]

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ‘Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013’,[2]

–  wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013),[3]

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004, dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol,[4]

–  wara li kkunsidra r-rapporti kkummissjonati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-kanser, u partikolarment dwar ir-riskji għas-saħħa tat-tfal meta jiġu esposti għall-kimiċi,[5]

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1901/2006 dwar prodotti mediċinali għall-użu pedjatriku,[6]

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Diċembru 2003 dwar l-iskrining għall-kanser,[7]

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Ewropea għall-Ambjent u s-Saħħa u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010,[8]

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu[9] dwar l-Istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tiegħu dwar il-ħtieġa għal strateġija komprensiva għall-kontroll tal-kanser, adottata fis-27 ta' Settembru 2007,[10]

–  wara li kkunsidra l-Mozzjoni għal Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-kanser tas-sider fl-Unjoni Ewropea mkabbra, adottata fil-25 ta' Ottubru 2006,[11]

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni Komunitarju kontra l-kanser,[12]

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 88a tad-Direttiva 2001/83/KE, kif emendata bid-Direttiva 2004/27/KE dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x'jaqsam ma' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem,[13]

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk,[14]

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skond stimi mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanser (IARC), wieħed minn kull tliet Ewropej jinstablu l-kanser matul ħajtu u wieħed minn kull erba' Ewropej imut b'din il-marda,

B.  billi fl-2006, kien hemm madwar 2 miljuni u 300,000 każ ġdid ta' kanser u aktar minn miljun ruħ li mietu bil-kanser fl-UE; billi l-biċċa l-kbira mietu bil-kanser tal-pulmun, bil-kanser kolorettali u bil-kanser tas-sider,

C.  billi l-kanser hu kkawżat minn ħafna fatturi fi stadji differenti u għalhekk tenħtieġ paradigma ġdida għall-prevenzjoni tal-kanser li tindirizza, fuq livell ugwali, il-kawżi marbuta ma' l-istil tal-ħajja u l-kawżi marbuta max-xogħol u ma' l-ambjent,

D.  billi, skond studju reċenti magħmul mit-trejdjunjins, mill-inqas 8% ta' l-imwiet mill-kanser kull sena huma kkawżati direttament minn esponiment għall-karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol; billi dan it-tip ta' esponiment jista' jiġi evitat bis-sostituzzjoni tal-karċinoġeni b’sustanzi li jagħmlu inqas ħsara; billi min iħaddem huwa obbligat legalment li jissostitwixxi l-karċinoġeni fejn hu possibbli, imma sfortunatament, dawn id-dispożizzjonijiet mhumiex implimentati u infurzati sew, u dan hu inaċċettabbli,

E.  billi l-popolazzjoni ta' l-Unjoni li qed tixjieħ hija waħda mir-raġunijiet għaż-żieda tal-mard tal-kanser madwar l-Unjoni kollha,

F.  billi fl-Istati Membri l-ġodda r-rati ta' l-imwiet minħabba l-kanser huma ogħla mir-rati fl-UE bi 15-il pajjiż,

G.  billi d-differenzi sorprendenti u inaċċettabbli fil-kwalità tal-faċilitajiet għat-trattament tal-kanser, fil-programmi ta' skrining, fil-linji gwida ta' l-aħjar prattika msejsa fuq l-evidenza, fil-faċilitajiet għar-radjuterapija, u fl-aċċess għal mediċini kontra l-kanser, huma fost ir-raġunijiet għad-differenzi kbar fir-rata ta' sopravivenza ta' ħames snin għall-biċċa l-kbira tal-kansers madwar l-Ewropa kollha,

H.  billi d-Dikjarazzjoni bil-Miktub tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa għal strateġija komprensiva biex jiġi kkontrollat il-kanser tistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jifformulaw strateġija komprensiva għall-kontroll tal-kanser li tittratta l-erba' fatturi bażiċi li jikkontrollaw il-kanser: il-prevenzjoni, s-sejbien bikri, id-djanjosi, it-trattament u t-tkomplija tat-testijiet u l-kura li ttaffi s-sintomi,

I.  billi matul iż-żmien li kien fis-seħħ il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni Kontra l-Kanser (‘L-Ewropa kontra l-kanser’ 1986 - 2002) f'ħafna pajjiżi naqset ir-rata ta' mwiet għal bosta forom komuni ta' kanser,

J.  billi d-WHO tikkalkula li l-prevenzjoni hija possibbli għal talanqas terz mill-każijiet kollha ta' kanser u li l-prevenzjoni toffri l-istrateġija l-iktar effettiva f'sens ta' nfiq għall-futur imbiegħed għall-kontroll tal-kanser; billi jistgħu jitfejqu terz ieħor tal-kansers jekk jinstabu kmieni u jiġu kkurati kif xieraq,

K.  billi s-silika kristallina kienet ikklassifikata mid-WHO bħala karċinoġenu ta' l-1 klassi u billi 3 miljuni u 200,000 ħaddiem fl-UE huwa espost għal din is-sustanza matul talanqas 75% tal-ħin tax-xogħol; billi huwa stmat li 2.7% mill-imwiet minħabba l-kanser tal-pulmun jew tal-bronki huma kkaġunati mill-esponiment għas-silika kristallina waqt ix-xogħol,

L.  billi, skond id-dejta ta' l-OECD, bħalissa medja ta' 3% biss tal-baġit totali għas-saħħa tal-pajjiżi ta' l-OECD jintefqu fuq il-prevenzjoni meta mqabbla mas-97% li jintefqu fuq il-kura tas-saħħa u t-trattament; billi jeħtieġ li dan l-iżbilanċ kbir jiġi korrett b'mod urġenti, aktar u aktar minħabba li mill-inqas terz tal-każi tal-kanser jistgħu jiġu evitati,

M.  billi hu stmat li 25% ta' l-imwiet kollha mill-kanser fl-Unjoni Ewropea huma kkawżati mit-tipjip; billi t-tipjip jikkawża bejn 80 u 90% ta' l-imwiet mill-kanser fil-fwied fid-dinja kollha,

N.  billi programm nazzjonali għall-kontroll tal-kanser li jitfassal u li jiġi mmaniġġjat sew, inaqqas l-inċidenza tal-kanser u ta' l-imwiet, f'xi każi b'iktar minn 70%, u jtejjeb il-ħajja tal-pazjenti bil-kanser, ikunu xi jkunu l-limitazzjonijiet tar-riżorsi li jiffaċċja l-pajjiż,

O.  billi l-implimentazzjoni fil-pajjiż kollu ta' programmi ta' skrining effettivi, ibbażati fuq il-popolazzjoni - imwettqa skond il-linji gwida Ewropej jekk diġà jeżistu - ittejjeb sew il-kwalità u l-aċċessibilità ta' l-iskrining tal-kanser, tad-djanjosi u tas-servizzi terapewtiċi għall-popolazzjoni u b'hekk ittejjeb il-kontroll tal-kanser,

P.  billi r-reġistri nazzjonali tal-kanser fl-Istati Membri kollha ta' l-UE huma essenzjali bil-għan li tkun provduta dejta komparabbli dwar il-kanser,

Q.  billi bħalissa fl-UE hemm inugwaljanzi kwalitattivi konsiderevoli u innaċċettabbli fl-iskrining għall-kanser u fis-sejbien bikri u t-tkomplija tat-testijiet, partikolarment fir-rigward tal-proċeduri djanjostiċi użati u ta’ l-integrazzjoni ta’ dawk il-proċeduri fil-politika tas-saħħa ta’ l-Istati Membri, u billi l-programmi ta’ skrining jiffaċilitaw id-djanjosi bikrija, li tikkontribwixxi għal tnaqqis li jista’ jitkejjel u effiċjenti f’sens ta’ nfiq ta’ l-impatt tal-marda,

R.  billi l-onkoloġija m’hijiex rikonoxxuta bħala speċjalità medika fl-Istati Membri kollha ta’ l-UE, u billi jeħtieġ li tkun provduta edukazzjoni medika kontinwa,

S.  billi l-EudraCT, il-bażi ta’ dejta Ewropea għall-Istudji Kliniċi fl-EMEA, mhix miftuħa għall-pubbliku ġenerali, u l-pazjenti jsibu diffikultajiet sabiex isibu studji dwar il-kundizzjoni speċifika tagħhom,

T.  billi l-kumplessità tal-kanser tirrikjedi komunikazzjoni mtejba bejn il-bosta u d-diversi professjonisti tal-kura tas-saħħa involuti fit-trattament tal-pazjenti bil-kanser; billi l-kura psikoloġika tal-pazjenti bil-kanser tista' ttejjeb il-kwalità ta' ħajjithom,

U.  billi bħalissa l-pazjenti bil-kanser m'għandhomx aċċess indaqs għall-informazzjoni medika u jinsabu fi bżonn urġenti ta’ aktar informazzjoni f'kull stadju tal-marda tagħhom,

1.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni xierqa għall-prevenzjoni, is-sejbien bikri, id-djanjosi u t-trattament, inkluża l-kura li ttaffi s-sintomi, sabiex titnaqqas iż-żieda sinifikanti li se sseħħ fl-impatt mill-kanser, minħabba tibdil demografiku fid-deċennji li ġejjin, filwaqt li jaħsbu wkoll għal appoġġ finanzjarju xieraq għall-azzjonijiet koordinati u għat-tisħiħ xieraq tal-kapaċitajiet;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf Grupp ta’ Ħidma interistituzzjonali ta' l-UE kontra l-Kanser magħmul minn rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew, li jiltaqa' regolarment, biex tinġabar u tiġi skambjata l-aħjar prattika dwar il-prevenzjoni, (inkluż it-tnaqqis ta’ l-esponiment għal karċinoġeni marbuta max-xogħol u ma' l-ambjent), l-iskrining u t-trattament u sabiex tkun minn ta’ quddiem fit-titjib tal-kontroll tal-kanser fl-Ewropa; jenfasizza li l-Grupp ta’ Ħidma ta’ l-UE għandu, b’mod partikulari, jippromwovi miżuri ġodda, kif ukoll proġetti eżistenti ta’ skrining, li jistgħu jgħinu biex sa l-2018 jiżdied il-proporzjon tal-popolazzjoni li jieħu sehem f’miżuri ta’ skrining għall-kanser b’talanqas 50% f’kull wieħed mill-Istati Membri;

3.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tadotta Komunikazzjoni dwar il-Kanser u Komunikazzjoni dwar il-Mard Rari;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-Kodiċi Ewropew Kontra l-Kanser fuq bażi regolari u biex tippromwovih permezz ta' kampanji ta' għarfien u ta' informazzjoni mmirati lejn gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex idaħħlu obbligu legali ta' reġistrazzjoni tal-kanser b'terminoloġija Ewropea standardizzata sabiex ikunu jistgħu jiġu evalwati fuq il-bażi tal-popolazzjoni l-programmi għall-prevenzjoni, l-iskrining u t-trattament, u r-rati ta’ sopravivenza kif ukoll il-komparabilità tad-dejta bejn l-Istati Membri;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi r-Rakkomandazzjoni eżistenti dwar l-Iskrining tal-Kanser ħalli tinkludi fiha l-iżvilupp rapidu ta' teknoloġiji ġodda u biex tinkludi:

  • (a)aktar tipi ta' kansers u
  • (b)metodi ta' teknika addizzjonali biex issir dijanjosi bikrija, meta dawn ikunu assigurati xjentifikament;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi approċċ dinamiku, flessibbli u kontinwu fil-ġlieda kontra l-kanser li jkun ibbażat fuq il-progress xjentifiku u għal dan l-iskop għandu jistabbilixxi:

  • (a)kumitat li jagħti pariri dwar il-prevenzjoni tal-kanser biex jiġu evalwati l-evidenza eżistenti u d-data
  • (b)kumitat speċjali li jagħti pariri dwar is-sejba bikrija tal-kanser biex jiġi żgurat li r-reviżjonijiet futuri tar-Rakkomandazzjoni jkunu inkorporati malajr u b'mod effiċjenti;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja, fil-qafas tat-Tieni Programm ta' Azzjoni għas-Saħħa Pubblika, netwerks ta' reġistri nazzjonali tal-kanser bil-għan li jsir studju madwar l-UE kollha dwar l-inugwaljanzi fl-inċidenza tal-kanser u s-sopravivenza għall-kanser;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka u ta' l-Italja, li għadhom ma għamlux dan, biex jirratifikaw il-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li daħal fis-seħħ fi Frar 2005;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha ta' l-UE sabiex jiżviluppaw u jappoġġjaw protokolli u linji gwida sodi meta jimplimentaw il-Qafas ta' Konvenzjoni dwar il-Kontroll tat-Tabakk u sabiex jiżguraw li jkun hemm riżorsi disponibbli li jgħinu lil dawk il-pajjiżi bi dħul baxx ħalli jwettqu l-obbligi tagħhom skond il-Konvenzjoni;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq l-irwol ta' gwardjan tat-Trattat billi tieħu azzjoni legali immedjata kontra l-Istati Membri kollha li ma jkunux qed jimplimentaw b'mod sħiħ id-Direttiva 2004/37/KE dwar il-ħarsien tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożizzjoni għall-karċinoġeni u għall-mutaġeni fil-post tax-xogħol;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu azzjoni leġiżlattiva, fejn xieraq, u biex tinkuraġġixxi u tappoġġja inizjattivi li jinkludu numru kbir ta' partijiet interessati bil-għan li jiġi evitat il-kanser permezz tat-tnaqqis ta' l-espożizzjoni għall-karċinoġeni fuq ix-xogħol u fl-ambjent u li jitħeġġu l-istili ta' ħajja tajbin għas-saħħa, b'mod partikulari fir-rigward tal-fatturi ta' riskju ewlenin – it-tabakk, l-alkoħol, l-obeżità, id-dieti ħżiena għas-saħħa u n-nuqqas ta' eżerċizzju fiżiku u ta' protezzjoni kontra x-xemx – filwaqt li ssir enfasi kbira fuq it-tfal u l-adolexxenti;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jappoġġjaw u jimplimentaw politiki komprensivi dwar il-kontroll tat-tabakk li jinkludu ambjenti ħielsa mit-tipjip u interventi għal waqfien mit-tipjip, bħala metodi effettivi sabiex tonqos l-inċidenza tat-tipjip u b'hekk jiġi evitat numru kbir ta' mwiet mill-kanser, f'konformità mar-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Green Paper "Lejn Ewropa ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk: għażliet politiċi fuq livell ta’ l-UE";

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea dwar il-Kimiċi, fil-kuntest ta' REACH, sabiex jadottaw il-lista ta' sustanzi kandidati li jwasslu għal tħassib kbir, li jinkludu sustanzi li huma karċinoġeni, bħala l-ogħla prijorità qabel l-1 ta' Ġunju 2008, sabiex jista' jiġi applikat l-Artikolu 33(2) ta' REACH, li jippermetti lill-konsumaturi li jitolbu informazzjoni dwar karċinoġeni fl-artikoli li jakkwistaw, sabiex ikunu jistgħu jevitaw artikoli bħal dawn jekk ikunu jixtiequ;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkoraġġixxi u tappoġġja inizjattivi ħalli tevita l-importazzjoni ta' artikoli li fihom kimiċi karċinoġeni; jitlob, barra minn hekk, għal miżuri Ewropej biex jiżdied l-immonitorjar ta' l-ikel għall-kimiċi, inklużi l-pestiċidi;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-istħarriġ għall-bijomonitoraġġ tal-bnedmin fl-UE kollha ikollu biżżejjed riżorsi biex jimmonitorja sustanzi karċinoġeni, li jippermetti li titkejjel l-effettività tal-politika;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu kampanji ta' l-informazzjoni dwar l-iskrining tal-kanser immirati għall-pubbliku ġenerali u dwar dawk kollha li jipprovdu l-kura tas-saħħa, kif ukoll l-iskambju ta' l-aħjar prattika dwar l-użu ta' miżuri preventivi jew dwar is-sejba bikrija, bħal ma huma l-integrazzjoni ta' testijiet għall-HPV xierqa li ma jkunux għaljin għall-iskrining tal-kanser ċervikali u l-vaċċinazzjoni ta' l-HPV biex tipproteġi t-tfajliet mill-kanser ċervikali, jew it-test għall-PSA għas-sejba bikrija tal-kanser tal-prostata fl-irġiel li għandhom 'il fuq minn 50 sena.

18.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tibda diskussjoni mal-Kunsill biex tiżgura li r-Rakkomandazzjoni dwar l-Iskrining tal-Kanser jiġi promoss u implimentat b'mod effettiv. għal dan il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni, biex jiġu stabbiliti proċeduri għall-adozzjoni ta' kwalunkwe tibdil fil-futur għar-Rakkomandazzjoni u biex jitwaqqfu programmi ta' l-iskrining ibbażati fuq il-popolazzjoni bi qbil mal-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiggarantixxi l-appoġġ xjentifiku u professjonali fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul għal assistenza adegwata u xierqa lill-Istati Membri biex jgħinhom jaħdmu fuq ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Iskrining tal-Kanser, u, sabiex jiġu mmonitorjati, evalwati u kkoordinati l-attivitajiet pilota u t-titjib kontinwu tal-kwalità;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tappoġġja l-iżvilupp tal-programmi Ewropej ta' akkreditazzjoni/verifika ta' l-iskrining, tad-dijanjosi u t-trattament tal-kanser ibbażati fuq il-linji gwida Ewropej għall-assigurazzjoni tal-kwalità, li jistgħu jservu wkoll bħala eżempju għal oqsma oħra tal-kura tas-saħħa;

21.  Jitlob lill-Istati Membri biex joffru lin-nazzjon sħiħ timijiet multidixxiplinarji ta' l-onkoloġija ħalli jagħtu trattament individwali ottimali lill-pazjenti kollha, u biex itejbu t-taħriġ ta' l-onkoloġisti u tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jirrikonoxxu l-bżonnijiet psikosoċjali tal-pazjenti sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom u jnaqqsu l-ansjetà u d-dipressjoni fil-pazjenti tal-kanser;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-onkoloġija bħala speċjalità medika u biex joffru tagħlim matul il-ħajja għall-onkoloġisti mediċi bi qbil ma' linji gwida miftiehma;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu u jippromwovu l-kura li ttaffi s-sintomi (palliative care) u biex jistabbilixxu linji gwida għall-użu tagħha;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni Komunitarja jkun fiha inċentivi kemm għall-industrija kif ukoll għar-riċerkaturi sabiex tgħin fir-riċerka kontinwa bil-għan li jiġu żviluppati mediċini u trattamenti ġodda bbażati fuq l-evidenza għall-ġlieda u l-kontroll tal-kanser;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex permezz ta' netwerks ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa, tiżgura t-tixrid ta' l-aħjar prattiki tat-trattament u l-kura sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-aqwa trattament disponibbli;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex talloka fondi mill-Fondi Strutturali u mis-Seba' Programm ta' Qafas għar-Riċerka sabiex jinħolqu u jiġu ffinanzjati netwerks ta' referenza għal kansers rari u għal kansers diffiċli biex tikkurahom, sabiex jinġabru flimkien ir-riżorsi u l-ħiliet u jittejbu d-dijanjosi u t-trattament;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex talloka fondi mis-Seba' Programm ta' Qafas sabiex jitħeġġu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-prevenzjoni primarja, ta' l-iskrining u tas-sejba bikrija, kif ukoll ta' mediċini u trattamenti ġodda kontra l-kanser;

28.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jistabbilixxu standard ta' l-UE għall-evalwazzjoni ta' approċċi dijanjostiċi u terapewtiċi ġodda u innovattivi u għall-identifikazzjoni ta' l-aħjar prattiki cliniċi u mediċi;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex talloka fondi mis-Seba' Programm ta' Qafas ħalli tistimula r-riċerka dwar kansers pedjatriċi;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li l-mediċini tal-kanser ikunu disponibbli b'mod uniformi għall-pazjenti kollha li għandhom bżonnhom fl-Istati Membri kollha;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw, permezz tal-Forum Farmaċewtiku ta' Livell Għoli, kif mediċini tal-kanser innovattivi li jsalvaw il-ħajja jistgħu jkunu disponibbli b'ħeffa akbar għall-pazjenti billi tiġi aċċellerata l-approvazzjoni ta' kummerċ imħaffef permezz tal-Proċedura Ċentralizzata ta' l-UE, filwaqt li jiġi meqjus prezz taħt kundizzjoni u proċess ta' l-għoti tal-ħlas lura, waqt li d-data dwar il-valur tal-mediċina tkun qed tinġabar fuq pazjenti f'sitwazzjonijiet vera tal-ħajja;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta, sa Ġunju 2008 l-aktar tard, proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li tiżgura informazzjoni dwar il-prodotti mediċinali, minn sorsi diversi, li tkun ta' kwalità tajba, oġġettiva, li tista' toqgħod fuqha u li ma sservix ta' riklam;

33.  Iqis li s-silika kristallina għandha tkun inkluża, bħala kwistjoni urġenti, f'reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati ma' l-espożizzjoni għall-karċenoġeni, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta bħal din;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva għall-Provi Kliniċi biex tħeġġeġ iżjed riċerka akkademika dwar il-kanser, u b'mod partikolari riċerka għall-iskrining tal-kanser u s-sejba bikrija tiegħu, filwaqt li jiġi rikonoxxut l-impatt ta' l-ispejjeż involuti għas-settur tar-riċerka mhux kummerċjali, u biex titjieb id-disponibilità ta' l-informazzjoni għall-pazjenti u l-pubbliku in ġenerali dwar il-provi kliniċi li jkunu fil-proċess u dawk li jkunu tlestew;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal karta għall-ħarsien fuq il-post tax-xogħol tal-pazjenti bil-kanser u tan-nies morda b'mod kroniku, bil-għan li l-kumpaniji jkollhom jippermettu li l-pazjenti jżommu l-impjieg tagħhom matul it-trattament tagħhom u li jkunu jistgħu jirritornaw għall-attivitajiet professjonali normali tagħhom;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw Karti tad-Drittijiet tal-Pazjenti nazzjonali skond il-linji gwida Ewropej u sabiex jinkludu l-parteċipazzjoni tal-pazjent u ta' l-esperti fl-iżvilupp tal-politiki tas-saħħa;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem fuq inizjattivi fir-rigward ta' persuni li kellhom il-kanser u li baqgħu ħajjin, fosthom il-bidu u l-iżvilupp ta' kura psikoloġika u l-appoġġ, fl-UE kollha, għal dawk li jibqgu ħajjin wara li jkollhom il-kanser;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-informazzjoni disponibbli għall-pazjenti bil-kanser, billi tinkoraġġixxi inizjattivi li jagħtu informazzjoni lill-pazjenti dwar l-għażliet tal-kura tagħhom u dwar l-aċċess għal dawn it-tipi ta' trattamenti;

39.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri ġodda biex jagħmlu użu ikbar tal-Fondi Strutturali għat-titjib ta' l-infrastruttura għall-kura tas-saħħa, pereżempju bl-appoġġ ta' l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Iskrining għall-Kanser;

40.  Jappoġġja l-Presidenza Slovena ta' l-UE li dalwaqt se tieħu l-kariga, li għażlet il-kanser bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha fl-2008;

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.