Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0138/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0138/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.4.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Adam Bielan, Konrad Szymański, Marcin Libicki, Roberta Angelilli, Hanna Foltyn-Kubicka, Ewa Tomaszewska, Ryszard Czarnecki, Gintaras Didziokas, Eugienijus Maldeikis, Guntars Krasts u Roberts Zīle
f'isem il-Grupp UEN
dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet

Proċedura : 2008/2557(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0138/2008
Testi mressqa :
B6-0138/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0138/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar it-Tibet u s-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar is-Samit UE-Ċina - id-djalogu UE/Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u l-ħames protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ pubblika li saret mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fis-26 ta' Novembru 2007 dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina bi tħejjija għal-Logħob Olimpiku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi kien irrappurtat li mill-inqas 23 Tibetan inqatlu, mijiet sfaw imweġġgħin sew, u ħafna oħrajn kienu arrestati, hekk kif l-awtoritajiet Ċiniżi użaw metodi vjolenti biex iwaqqfu lid-dimostranti paċifiċi Tibetani li kienu qegħdin jitolbu l-indipendenza tat-Tibet waqt protesta fi Ngaba fis-16 ta' Marzu 2008,

B.  billi l-Amministrazzjoni Ċentrali tat-Tibet u l-Parlament Tibetan fl-Eżilju talbu lill-komunità internazzjonali biex tħeġġeġ lill-gvern Ċiniż biex iwaqqaf minnufih ir-ripressjoni fit-Tibet u jeħles lill-priġunieri politiċi kollha, fosthom dawk li kienu arrestati dan l-aħħar,

C.   billi ġurnalisti barranin ma tħallewx jidħlu fit-Tibet u l-awtoritajiet Ċiniżi qegħdin jakkużaw lill-midja barranija li ma rrappurtatx il-ġrajjiet tajjeb,

D.  billi l-poplu Tibetan fit-Tibet m'għandux drittijiet indaqs għal-libertà ta' l-espressjoni, għas-sovranità kulturali u lingwistika, għad-dritt ta' laqgħa u ta' moviment u għal drittijiet fundamentali bażiċi oħra li huma limitati b'mod regolari mir-reġim Ċiniż,

E.  billi r-reġim Ċiniż qiegħed iżomm fil-ħabs eluf ta' priġunieri politiċi bla akkuża jew ġuri, fosthom attivisti demokratiċi, avukati, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, mexxejja reliġjużi, ġurnalisti, trejdunjonisti, Buddisti Tibetani, Uighur u dissidenti politiċi,

F.  billi l-Logħob Olimpiku 2008 ta' Beijing għandu jkun opportunità storika għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem u joffri opportunità għal dibattitu u kontribut għal titjib viżibbli fid-demokrazija, fir-riformi politiċi u fid-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, kif ukoll għas-sitwazzjoni tal-poplu Tibetan u ta' minoranzi etniċi u reliġjużi oħrajn,

G.  billi bojkot taċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku ta' Beijing mill-Kapijiet ta' l-Istat ikun att ta' protesta sinifikanti kontra t-trażżin tad-dimostrazzjonijiet miċ-Ċina fit-Tibet,

H.  billi l-aħħar ġrajjiet fit-Tibet juru li ċ-Ċina qiegħda tkompli bil-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi u tkun fuq quddiem biex tagħti l-appoġġ tagħha lir-reġimi totalitarji kollha fid-dinja, mill-Burma sal-Belarus u s-Sudan, bħala riżultat tal-politika passiva u xejn koerenti lejn iċ-Ċina min-naħa ta' l-UE u l-Istati Uniti,

1.  Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni brutali min-naħa tal-forzi tas-sigurtà Ċiniżi kontra d-dimostranti Tibetani u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-politika ta' assimilazzjoni rigward it-Tibet, kif ukoll rigward il-minoranzi reliġjużi u minoranzi oħra bħall-Uighur;

2.  Jistieden lill-komunità internazzjonali biex tħeġġeġ lill-gvern Ċiniż sabiex minnufih iwaqqaf ir-ripressjoni fit-Tibet u jeħles lill-priġunieri politiċi kollha, fosthom dawk li kienu arrestati dan l-aħħar, biex iħalli lit-Tibetani mweġġgħin jieħdu l-kura medika xierqa u biex it-Tibetani arrestati tingħatalhom assistenza legali, u biex jagħti l-għadd preċiż tan-nies imweġġgħin, arrestati u maqtula;

3.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jidħol fi djalogu mar-rappreżentanti tad-Dalai Lama sabiex tinstab soluzzjoni demokratika aċċettabbli b'mod reċiproku dwar il-kwistjoni tat-Tibet; jiddispjaċih li s-sitt rawnds ta' taħditiet bejn l-awtoritajiet ta' Beijing u r-rappreżentanti tad-Dalai Lama ma wasslu għal xejn; jistenna li n-negozjati jerġgħu jibdew qabel il-Logħob Olimpiku u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jistiednu lid-Dalai Lama għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob bħala sinjal ta' rieda tajba;

4.  Jistieden lill-mexxejja dinjin biex jibbojkottjaw iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob Olimpiku f'Beijing jekk l-awtoritajiet Ċiniżi ma jurux trażżin meta jittrattaw mal-moviment għall-indipendenza tat-Tibet u ma jibdewx taħditiet mad-Dalai Lama; jenfasizza li l-preżenza tal-Kapijiet ta' l-Istat għal-Logħob Olimpiku jkun interpretat mill-gvern Ċiniż bħala sinjal ta' approvazzjoni għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u għar-reati kontra l-poplu tat-Tibet;

5.  Huwa mħasseb bil-kbir biż-żieda li kien hemm dan l-aħħar fil-persekuzzjoni politika, marbuta mal-Logħob Olimpiku, fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati, petizzjonanti, attivisti tas-soċjetà ċivili, gruppi etniċi bħall-Uighur u persuni reliġjużi ta' kull twemmin;

6.  Huwa mħasseb dwar il-qerda ta' l-identità reliġjuża tradizzjonali tal-poplu Tibetan mill-awtoritajiet Komunisti Ċiniżi; jitlob li jkun hemm rispett għad-dritt li t-Tibet jagħżel triqtu;

7.  Huwa mħasseb bil-marġinalizzazzjoni ekonomika li kull ma tmur qiegħda tiżdied għall-poplu Tibetan fit-Tibet, li jħabbat wiċċu ma għadd dejjem jikber ta' ħaddiema li jemigraw miċ-Ċina għat-Tibet u li jieħdu l-postijiet tax-xogħol u l-art minn ħalq it-Tibetani; jisħaq fuq id-diskriminazzjoni kbira li hemm fis-sistema edukattiva, billi t-tfal Tibetani jitgħallmu l-lingwa nattiva tagħhom bħala t-tieni lingwa;

8.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-ksur koninwu tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet u fil-provinċji l-oħra abitati mill-poplu Tibetan, bħat-tortura, l-arrest u ż-żamma arbitrarji, ir-ripressjoni tal-libertà reliġjuża, ir-restrizzjonijiet arbitrarji fil-moviment liberu, u r-riabilitazzjoni permezz tal-kampijiet tax-xogħol;

9.  Jistieden liċ-Ċina biex tieħu passi konkreti ħalli tiggarantixxi l-libertà ta' l-espressjoni, u biex tirrispetta l-libertà ta' l-istampa għall-ġurnalisti, kemm Ċiniżi kif ukoll barranin; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex minnufih ma jkomplux jiċċensuraw u jimblukkaw il-websajts ta' l-aħbarijiet u l-informazzjoni bbażati barra l-pajjiż; jitlob li jinħelsu l-ġurnalisti, l-utenti u d-dissidenti ta' l-Internet kollha miżmuma fiċ-Ċina minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-informazzjoni;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-President u lill-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.