Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0176/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0176/2008

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL

17.4.2008

skond l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Alexander Lambsdorff, Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE
dwar it-63 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

B6‑0176/2008

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill dwar it-63 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju tan-NU bit-titolu 'F'Libertá Akbar', id-Dokument Finali sussegwenti tas-Samit Dinji 2005 u r-rapport tas-Segretarju Ġenerali bit-titolu 'Ninvestu fin-Nazzjonijiet Uniti: għal organizzazzjoni dinjija aktar b'saħħitha',

–  wara li kkunsidra t-62 sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika barranija ta' l-UE hi msejsa fuq appoġġ qawwi u ċar għal multilateraliżmu effettiv kif inkorporat fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

B.  billi l-Unjoni Ewropea hi sieħeb politiku u finanzjarju ewlieni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra l-faqar u fil-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, waqt li tipprovdi sigurtá kollettiva u tappoġġja d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha,

C.  billi r-riforma li ilha mistennija tal-Kunsill tan-NU għad triq tiġi mwettqa,

D.  billi l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet ta' l-Istati Membri ta' l-UE fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti tvarja sew minn entitá għall-oħra u minn politika għall-oħra,

E.  billi din il-koordinazzjoni titlob koperazzjoni mill-qrib bejn il-gruppi ta' ħidma relevanti bbażati fi Brussell u l-uffiċċji relevanti ta' l-UE kif ukoll ir-Rappreżentanti Permanenti ta' l-Istati Membri fi New York,

F.  billi t-Trattat ta' Liżbona jagħti personalitá ġuridika lill-UE, innovazzjoni li se jkollha riperkussjonijiet importanti ħafna għar-rappreżentazzjoni ta' l-Unjoni fin-Nazzjonijiet Uniti,

Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:

Il-Viżibilitá ta' l-Unjoni Ewropea fin-Nazzjonijiet Uniti

1.  Jitlob sabiex il-prijoritajiet politiċi ta' l-Unjoni għas-sessjoni ta' l-Assemblea Ġenerali tan-NU li jmiss, ikunu s-suġġett ta' dibattitu fil-fond u wiesa' fi Brussell, u jkunu speċifikati f'pożizzjoni komuni fil-Kunsill;

2.  Iqis li din il-pożizzjoni komuni għandha tkun meqjusa mir-Rappreżentanti Permanenti fi New York bħala pjattaforma politika li torbot u li għandha tintuża bħala bażi għal negozjati ma' pajjiżi oħra;

3.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iqisu, bil-ħsieb tar-ratifika tat-Trattat ta' Liżbona, li jorganizzaw mill-ġdid l-uffiċċji tagħhom fi New York;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jistudja fil-fond l-implikazzjonijiet li t-Trattat ta' Liżbona għandu għar-rappreżentazzjoni futura ta' l-Unjoni fin-Nazzjonijiet Uniti u għall-Istati Membri sabiex jimpenjaw lilhom infushom b'mod ċar u sod li jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li l-Unjoni tgawdi viżibilitá u awtoritá fl-entitajiet u l-fora tan-NU;

Il-kontribuzzjoni ta' l-UE għar-riforma tan-Nazzjonijiet Uniti

5.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex ikomplu jisħqu ħalli jkunu stabbiliti l-kriterji ta' sħubija għall-iskopijiet ta' l-elezzjonijet ta' l-UNHRC; jitlob, sakemm isseħħ din ir-riforma, lill-Istati Membri fil-UNHRC sabiex japplikaw dawk il-kriterji meta jiġu biex jiddeċiedu l-appoġġ tagħhom għall-pajjiżi kandidati;

6.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-UE titkellem b'vuċi waħda biex tindirizza l-kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem kif ukoll il-fatt li hu importanti għal kull Stat Membru ta' l-UE li jleħħen il-pożizzjoni ta' l-UE sabiex jagħtiha aktar importanza;

7.  Jemmen bis-sħiħ li bit-twaqqif tal-Kummissjoni għat-Tkattir tal-Paċi, l-istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti ħolqu struttura ġdida u importanti biex jappoġġjaw soċjetajiet fraġli li jkunu qed jirkupraw mit-tħarbit ta' gwerra;

8.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jappoġġja x-xogħol tal-Kummissjoni għat-Tkattir tal-Paċi, billi jiġbed l-attenzjoni dwar nuqqasijiet li joħolqu theddida għall-paċi;

9.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu mill-ġdid ta' l-attivitajiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Qawmien mill-Ġdid ta' l-Assemblea Ġenerali, impenjat li jidentifika modi kif isaħħaħ l-irwol, l-awtoritá, l-effettivitá u l-effiċjenza ta' l-assemblea;

10.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex ifittxu pożizzjoni aktar koeżiva dwar ir-riformi tal-Kunsill tas-Sigurtá tan-NU;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni.