Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0210/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0210/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

28.4.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jonathan Evans, Elmar Brok, Corien Wortmann-Kool, Malcolm Harbour, Alexander Radwan, Robert Sturdy, James Elles, Andreas Schwab u Urszula Gacek
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Proċedura : 2008/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0210/2008
Testi mressqa :
B6-0210/2008
Testi adottati :

B6‑0210/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar relazzjonijiet transatlantiċi u r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ 1 ta’ Ġunju 2006 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi Unjoni Ewropea – Stati Uniti (UE-SU) u dwar il-Ftehima ta’ Sħubija Transatlantika UE-SU,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u b’mod partikolari tal-ġugarelli,

–  wara li kkunsidra r-riżultat tas-Samit UE-SU li sar fit-30 April 2007 f’Washington DC, u b’mod partikolari l-Qafas tiegħu għall-Avvanz ta’ l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta’ progress adottati waqt l-ewwel laqgħa tat-TEC fid-9 ta’ Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kungress ta’ l-Istati Uniti, it-tnejn li huma kienu kontinwament tal-fehma li s-suq transatlantiku għandu jitlesta sa l-2015,

1.  Jenfasizza li sħubija mill-qrib transatlantika hija l-istrument ewlieni biex il-globalizzazzjoni tkun strutturata fl-interess tal-valuri komuni u bil-għan li tkun politikament ekwa u ekonomika; jerġa jtenni l-opinjoni tiegħu li suq transatlantiku li jiffunzjona u kompettiv huwa l-bażi li fuqu għandha tinbena fis-sod is-sħubija transatlantika, sħubija li tippermetti lill-UE u lill-Istati Uniti biex jittrattaw l-isfidi politiċi u ekonomiċi globali;

2.  Jappoġġja bi sħiħ il-proċess tat-tisħiħ ta’ l-integrazzjoni ekonomika transatlantika li nbdiet fl-2007 waqt is-Samit UE-SU billi jkun adottat il-“Qafas għall-Avvanz ta’ l-integrazzjoni ekonomika transatlantika bejn l-UE u l-SU" u permezz ta' l-istabbiliment tal-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) li għandu l-għan li jikkontrolla u jħaffef l-isforzi msemmija fil-qafas;

3.  Jesprimi l-bżonn li jitfassal dokument fil-qosor li jkun kemm jista’ jkun iċċirkolat, li jistabbilixxi r-raġunijiet għat-tlestija tas-Suq Transatlantiku malajr kemm jista’ jkun, bil-modi li bihom għandu jkun implimentat b’mod effettiv;

4.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, fuq rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew, iddeċidiet li tagħmel studju komplut dwar l-ostakoli li jeħtieġ li jkun żarmati sabiex jitlesta s-Suq Transatlantiku; jemmen li dan id-dokument għandu jkun kemm jista’ jkun iċċirkolat fuq iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku; iħeġġeġ li għandu jkun hemm eżerċizzju ta’ segwitu iktar dettaljat li fih l-Istati Uniti għandha tipparteċipa finanzjarjament;

5.  Jemmen li għandu jitfassal pjan direzzjonali ddettaljat miż-żewġ amministrazzjonijiet tas-Samit UE-SU ta’ l-2009 li juri kif għandu jinkiseb l-impenn għal żmien twil ta’ kull settur biex jitlesta s-Suq Transatlantiku; iqis li dan għandu jieħu l-forma ta’ programm li jimxi minn sena għal oħra għat-tliet snin li ġejjin pereżempju li jkun ikopri mill-2009 sa l-2012, bl-2015 tkun stabbilita bħala d-data finali;

6.  Japprezza l-progress miksub mit-TEC sa issa billi dan il-Kunsill assuma r-responsabilità politika biex ikunu identifikati l-prijoritajiet u biex titħejja t-triq għal ftehimiet dwar it-tneħħija ta’ ostakoli għall-kummerċ u l-investiment u dwar it-trawwim tal-kompetizzjoni fis-suq transatlantiku;

7.  Huwa ta’ l-opinjoni li r-riżultati miksuba mit-TEC mit-twaqqif tiegħu juru li s-suq transatlantiku ma jistax jinbena fuq xogħol amministrattiv biss, iżda l-kisba ta’ dan l-objettiv jeħtieġ gwida politika qawwija u kontinwa; jinkoraġġixxi lit-TEC biex ikompli l-isforzi tiegħu b’determinazzjoni;

8.  Jenfasizza l-bżonn urġenti biex jinżamm il-momentum ta’ dan il-proċess matul is-snin elettorali 2008-2009 kollha, filwaqt li jkun żgurat li ż-żewġ imsieħba jkomplu jimxu b’mod mgħaġġel biex jiksbu l-objettivi komuni u li l-persuni eżekuttivi fuq iż-żewġ naħat jibqgħu impenjati biex jilħqu l-objettiv finali;

9.  Jiġbed l-attenzjoni dwar l-irwol kruċjali li l-Kungress ta’ l-Istati Uniti u l-Parlament Ewropew għandhom fl-appoġġ tagħhom għal dan il-momentum u għall-fatt li kwalunkwe ostakoli mhux tariffarji jistgħu jitneħħew biss mil-leġiżlaturi;

10.  Jistieden għalhekk lill-mexxejja ta’ l-UE u ta’ l-Istati Uniti u lill-ko-‘chairmen’ tat-TEC biex jikkunsidraw dan l-irwol kruċjali tal-leġiżlaturi għas-suċċess fit-tul tal-proċess, u jħeġġiġhom biex jinvolvu b’mod sħiħ u direttament fix-xogħol tat-TEC lir-rappreżentanti tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi; jirrikonoxxi fl-istess ħin l-importanza li għandhom in-negozjanti u l-konsumaturi kkonċernati biex jipprovdu riflessjoni u kontribut espert lix-xogħol tat-TEC; madanakollu hu ta’ l-opinjoni li l-irwol konsultattiv tagħhom għandu jkun divrenzjat mill-irwol leġiżlattiv tal-Kungress ta’ l-Istati Uniti u tal-Parlament Ewropew;

11.  Jinnota t-twaqqif ta’ Grupp ta’ Konsulenti li jikkonsisti f’rappreżentanti tad-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi, tad-Djalogu tan-Negozju Transatlantiku u tad-Djalogu tal-Konsumaturi Transatlantiċi; ifaħħar il-kontribut tal-leġiżlaturi u tal-partijiet involuti għas-suċċess ta’ l-ewwel laqgħa tat-TEC f’Novembru 2007;

12.  Jerġa’ jtenni r-rieda tiegħu biex jissaħħaħ id-djalogu bejn iż-żewġ parlamenti u jitlob li jkun hemm l-involviment bikri tagħhom b’mod partikolari rigward kwalunkwe regoli futuri żviluppati minn entitajiet globali awtoregolatorji biex ikunu indirizzati fi stadju bikri l-kwistjonijiet tar-responsabilità politika;

13.  Jenfasizza li l-kisba ta’ progress konkret b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-istandards ta’ kontabilità, ta’ titoli kummerċjali, ta’ assikurazzjoni mill-ġdid, tas-sikurezza ta’ l-importazzjonijiet, tad-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-fornituri u ta’ importazzjonijiet ta’ tjur bi trattamenti mnaqqsa ta’ patoġenu, jikkostitwixxi l-prijoritajiet għal-laqgħa tar-Rebbiegħa 2008 tat-TEC; iqis madanakollu importanti li wieħed jiġbed l-attenzjoni f’din ir-riżoluzzjoni dwar diversi kwistjonijiet relevanti oħra li jeħtieġ li jkunu trattati mit-TEC fil-futur;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati ta’ l-istudju mniedi biex jiġu identifikati l-benefiċċji li jitneħħew l-ostakoli għall-kummerċ transatlantiku u l-investiment mistenni fl-2008; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riżultat ta’ studji dwar it-twettiq ta’ suq transatlantiku jiġi diskuss mal-kumitati parlamentari relevanti qabel isiru kwalunkwe konklużjonijiet speċifiċi għal rakkomandazzjonijiet futuri lit-TEC;

Is-servizzi finanzjarji

15.  Jappoġġja l-approċċ stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1569/2007 tal-21 ta’ Diċembru 2007, li jistabbilixxi mekkaniżmu għad-determinazzjoni ta' ekwivalenza ta' l-istandards ta' kontabilità applikati mill-persuni li joħorġu t-titoli f'pajjiżi terzi skond id-Direttivi 2003/71/KE u 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u skond l-ispirtu ta' l-ittra tas-26 ta' Settembru 2008 mill-Kummissjoni lis-SEC (Securities and Exchange Commission) ta’ l-Istati Uniti dwar "Regoli Proposti dwar l-aċċettazzjoni minn persuni privati barranin li joħorġu rendikonti finanzjarji preparati skond standards internazzjonali għar-rappurtaġġ finanzjarju mingħajr rikonċiljazzjoni lill-GAAP ta’ l-Istati Uniti” kif ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istess kwistjoni li tenfasizza b’mod speċjali li “Deċiżjoni mill-Kummissjoni se timplika, fil-każijiet kollha, id-dritt għall-persuni li joħorġu titoli fl-UE li jużaw fi kwalunkwe pajjiż terz, IFRS (Standards Internazzjonali għar-Rappurtaġġ Finanzjarju) kif stipulat mill-Unjoni Ewropea”;

16.  Jemmen li rikonoxximent reċiproku ta’ swieq ta’ titoli bejn l-Istati Uniti u l-UE se jkun pass importanti lejn it-titjib ta’ l-effiċjenza tas-suq transatlantiku billi jkun iffaċilitat l-aċċess ta’ l-UE u ta’ l-Istati Uniti għal suq transatlantiku usa’ u aktar profound;jenfasizza, madanakollu li proġett bħal dan għandu jkun riżultat ta’ ftehima bilaterali u li għandha tiġi konkluża Ftehima ta’ Qafas bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea li tikkunsidra b’mod sħiħ il-leġiżlazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea dwar superviżjoni ta’ swieq finanzjarji u li l-Kummissjoni ma għandhiex tippermetti li jiġu konklużi ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti minħabba li dan jista’ jipperikola l-livell ta’ kompetizzjoni adottat fl-UE;

17.  Jenfasizza li s-salvagwardja ta’ l-istabilità finanzjarja hija ta’ importanza assoluta; ifakkar fl-irwol ta’ l-IMF f’dan ir-rigward u wara li jikkunsidra n-nuqqasijiet enfasizzati mit-taqlib finanzjarju, jemmen li t-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fl-Istati Uniti u dawk fl-Unjoni Ewropea hija vitali;

18.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-approċċ tal-Forum għall-Istabilità Finanzjarja (FSF) u ta' l-IMF għall-istabbiliment ta' dijanjosi dwar it-taqlib finanzjarju u jistenna b’ħerqa l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet politiċi tal-Grupp ta' Ħidma FSF dwar il-Flessibilità tas-Suq u Istituzzjonali; huwa ta’ l-opinjoni madanakollu li ħidmiet bħal dawn għandhom ikunu supplimentari u ma għandhomx jissostitwixxu r-riflessjonijiet u d-deċiżjonijiet dwar rispons għall-politiki xierqa ta’ l-UE u dawk ta’ l-Istati Uniti;

19.  Jitlob lill-Istati Uniti biex iżżomm lill-UE infurmata dwar il-progress ta’ l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ Basel fl-Istati Uniti.; ifakkar fl-importanza ta’ approċċ koordinat meta jkunu żviluppati jew modifikati r-regoli globali għall-plejers internazzjonali li huma attivi fis-suq finanzjarju; f’dan ir-rigward jemmen li l-implimentazzjoni ta’ Basel II fl-Istati Uniti hija importanti għall-preservazzjoni globali tal-livell ta’ kompetizzjoni;

Kummerċ UE-SU, koperazzjoni regolatorja

20.  Jenfasizza li s-sikurezza tal-prodotti impurtati għandha ssir prijorità ukoll għat-TEC; huwa ta’ l-opinjoni li l-kunfidenza ġenerali f’ambjent kummerċjali miftuħ se jkun appoġġjat biss mill-popolazzjoni jekk is-saħħa u s-sikurezza tagħha tkun rispettata; jipproponi li t-TEC jaħdem fuq strument ta’ koperazzjoni li jorbot li jistruttura u jiffaċilita l-qsim ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodotti u l-iżvilupp ta' programm komuni ta' azzjonijiet ta' koperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ l-UE u ta’ l-Istati Uniti sabiex ikun żgurat li kontrolli esterni fuq il-fruntieri esterni huma adegwati biex ikun evitat li prodotti perikolużi, speċjalment ġugarelli perikolużi, jilħqu lill-konsumaturi; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea biex jinfurzaw strettament il-prodotti u b’mod partikolari speċjalment billi jkollhom liġijiet dwar is-sikurezza tal-ġugarelli u spezzjonijiet nazzjonali iktar qawwijin; jenfasizza l-bżonn għal koperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jiżguraw li ċ-Ċina u pajjiżi terzi oħra, jgħollu l-istandards tal-produzzjoni tagħhom biex jilħqu l-bżonnijiet ta’ sikurezza UE/SU, b’mod partikolari għall-ġugarelli;

21.  Jiġbed l-attenzjoni li kummerċ sikur huwa partikolarment importanti f’ekonomija globali li dejjem qed issir aktar integrata; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura li r-regolament ta’ l-Istati Uniti li kargo destinat lejn l-Istati Uniti jkun skenjat 100%, ikun modifikat għal koperazzjoni bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ‘operaturi ekonomiċi awtorizzati’ u ta’ standards ta’ sikurezza miftiehma mill-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (C-TPAT, il-Qafas SAFE ) u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-istrateġija li tirrikonoxxi l-irwol importanti tal-Proprjetarji u l-Aġenti Ewropej ta’ Vapuri fuq skala dinjija; jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-ispejjeż potenzjali għan-negozju u għall-ekonomija ta’ l-UE tal-miżura dwar l-iskenjar 100% tal-kontejners tal-kargo marittimu li jkun destinat lejn l-Istati Uniti, kif ukoll l-impatt potenzjali fuq l-operazzjonijiet tal-konsumaturi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni biex meta jkun fattibbli, tinnegozja fil-qafas tat-TEC, standards komuni globali; jemmen li l-infurzar ta’ standards komuni ta’ sikurezza tal-karozzi (Regolament Globali Tekniku – UN-ECE) inaqqas konsiderevolment l-ispejjeż għall-industrija tal-karozzi, waħda mill-aktar industriji li tħaddem nies kemm fl-UE u kemm fl-Istati Uniti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi l-adozzjoni formali ta’ proċeduri għar-rikonoxximent reċiproku ta’ dikjarazzjonijiet ta’ konformità għal prodotti suġġetti għal kontroll obbligatorju minn parti terza, b’mod partikolari għall-ICT u t-tagħmir ta’ l-elettriku;

24.  Ikompli jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tintlaħaq ftehima komuni għall-prodotti impurtati biex dawn ikollhom it-tikketti kemm bil-miżuri ta’ kejl imperjali u kemm bil-miżuri metriċi u jinsisti fuq il-bżonn li jiġu aċċettati miżuri ta’ kejl miftiehma skond standards internazzjonali, b’mod partikolari l-prodotti mill-Istati Uniti li għandhom tikketta bil-kejl metriku biss; iqis li dan l-isforz se jżid l-ekonomiji ta’ skala għall-kumpaniji Ewropej, ta’ l-Istati Uniti u ta’ pajjiżi terzi u b’mod partikolari se jkunu ta’ benefiċċju għall-SMEs;

25.  Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tinnegozja Ftehimiet ta’ Rikonoxximent Reċiproku bil-għan li jonqsu l-ostakoli għall-kummerċ; jemmen li l-MRSa se jibbenefikaw miż-żewġ naħat billi jinħoloq ambjent regolatorju komuni u aktar prevedibbli;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar sistema globali armonizzata għall-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta’ sustanzi u taħlitiet (GHS) rigward l-implimentazzjoni ta’ kriterji internazzjonali miftiehma mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti; iqis li għan importanti tas-sistema huwa li jkun iffaċilitat in-negozju u għalhekk jinsisti li l-GHS tkun implimentata fl-istess ħin u b’mod kompatibbli fl-UE u fl-Istati Uniti;

Kwistjonijiet dwar l-agrikoltura

27.  Jitlob li jkun hemm soluzzjoni urġenti rigward id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-projbizjoni ta’ importazzjonijiet ta’ tjur li jkunu għaddew minn trattamenti mnaqqsa tal-patoġenu mill-Istati Uniti għall-UE; jirrikonoxxi l-bżonn ta’ opinjoni xjentifika xierqa b’attenzjoni għall-ħarsien tal-konsumatur u l-informazzjoni;

28.  Jemmen li d-deċiżjoni tal-Komunità li tipprojbixxi l-importazzjoni ta' ċanga ttrattata bl-ormoni kienet kompletament ġustifikata permezz ta' studji xjentifiċi u jitlob lill-Istati Uniti biex ineħħu s-sanzjonijiet tagħhom, li mhumiex ġustifikati fuq prodotti Ewropej mingħajr aktar dewmien;

29.  Jenfasizza l-importanza ta’ proċedura ta’ awtorizzazzjoni waħda għall-ikel u l-għalf kollu li jkun fih GMOs skond il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-importanza ta’ l-ittikkettar u t-traċċibilità ta’ GMOs li jippermettu lill-konsumaturi biex jagħmlu għażla infurmata;

30.  Jitlob li jkun hemm djalogu dwar bidliet evidenti fil-kundizzjonijiet tas-swieq ta’ l-agrikoltura, djalogu li jenfasizza l-bidla fil-prezzijiet, il-Farm Bill ta’ l-Istati Uniti, il-pagamenti mhux ċikliċi, l-importanza dejjem tikber ta’ l-iżvilupp rurali u l-istrument tal-konformità reċiproka;

Koperazzjoni fl-enerġija, l-industrija u x-xjenzi politiċi

31.  Jitlob li jkun hemm żieda fil-koperazzjoni transatlantika dwar l-enerġija, l-industrija u x-xjenzi politiċi; jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni ta’ l-enerġija, filwaqt li jappoġġja d-diversifikazzjoni ta’ sorsi ta’ l-enerġija u rotot ta’ forniment li jiżguraw enerġija sikura u infrastruttura, li jippromwovu politiki dwar is-sigurtà ta’ l-enerġija bbażati fuq is-suq u li jaċċelleraw l-investiment fl-użu iktar nadif u effiċjenti tas-sorsi ta’ l-enerġija fossila;

32.  Jenfasizza l-bżonn li jkun hemm koperazzjoni msaħħa, ikkontrollata mill-UE u l-Istati Uniti u xjentifika dwar bijo-fuels u bijomassa, li tippromwovi sorsi alternattivi u sostenibbli ta’ fjuwil għas-settur tat-trasportazzjoni fuq bażi konġunta; jinkoraġġixxi lit-TEC biex ikompli jaħdem mal-Brażil biex ikunu identifikati standards komuni tal-bijofjuwil; Jiġbed l-attenzjoni madanakollu dwar il-kwistjoni kbira ta’ tensjoni bejn il-bijofjuwil, il-produzzjoni tal-bijomass (enerġija) u l-produzzjoni ta’ l-ikel u għalhekk is-sigurtà ta’ l-ikel;

WTO, l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem ħalli tiżgura li t-TEC jgħin biex tintlaħaq konklużjoni pożittiva għall-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp; iqis id-dominanza tal-kummerċ dinji mill-UE u l-Istati Uniti (li bħalissa hu 60% tat-total) bħala aspett pożittiv għas-sistema tal-kummerċ globali u l-qafas komuni tagħha;

34.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa jekk il-proċedura għas-soluzzjoni ta’ tilwim kummerċjali bilaterali jistax isir suġġett ta’ interess għat-TEC; jiġbed l-attenzjoni f’dan ir-rigward li filwaqt li kwistjonijiet kummerċjali involvew madwar 2% biss tal-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, uħud minn dawn il-kwistjonijiet jaqilgħu ħafna nkwiet u spejjeż;

35.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddiskuti mat-TEC kif jista’ jkun hemm koerenza ikbar bejn il-ftehimiet bilaterali kummerċjali u r-regoli multilaterali tad-WTO sabiex tkun garantita sistema kummerċjali internazzjonali iktar armonjuża u sempliċi għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddiskuti kif jista’ jkun hemm allinjament ikbar bejn l-UE u l-Istati Uniti billi jkunu ffirmati ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi dwar l-hekk magħrufa suġġetti ekonomiċi “soft” bħall-kummerċ u l-ambjent, il-kummerċ u l-istandards soċjali u l-liġijiet tax-xogħol;

36.  Jenfasizza li l-Ftehima ta’ Doha tad-WTO għandha tinkludi ftehima dwar il-proprjetà intellettwali li tinkludi l-indikazzjonijiet ġeografiċi u r-rikonoxximent ta’ tħassib mhux kummerċjali bħala kriterji importanti;

37.  Iqis li jekk l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp ma tkunx lesta sa l-aħħar ta’ din is-sena, il-mudell tas-Suq Transatlantiku li jindirizza l-koperazzjoni regolatorja għat-tneħħija gradwali ta’ ostakoli mhux tariffarji, jista’ jkun vitali biex ikun żgurat iktar momentum li jiġġenera tkabbir ekonomiku globali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b’urġenza approċċ komprensiv dwar it-tħassib Ewropew mhux kummerċjali f’diskussjonijiet dwar il-kummerċ dinji, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tar-rikonoxximent u l-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi, il-benesseri ta’ l-annimali, u l-istat ta’ saħħa ta’ annimali impurtati u tal-prodotti tal-pjanti, biex tkun evitata kompetizzjoni inġusta kontra l-produtturi Ewropej;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob li t-TEC joħroġ rapport dwar il-progress ta' l-attivitajiet ta' koperazzjoni għall-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, rapport li jinkludi t-tħabbir tal-passi li jkun imiss li jittieħdu biex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u l-piraterija; jitlob pjan direzzjonali ċar li jidentifika l-isforzi biex ikun iffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tal-liġi tal-brevetti; jitlob lit-TEC biex jappoġġja r-riżultat tal-ftehima TRIPS għal dawk il-pajjiżi li ma għandhomx il-kapaċità li jipproduċu prodotti farmaċewtiċi;

Żvilupp Reġjonali

40.  Jenfasizza l-impatt pożittiv li mistenni jkollu progress ulterjuri fl-integrazzjoni ekonomika transatlantika fuq l-iżvilupp reġjonali sostenibbli u huwa ta’ l-opinjoni li dan il-progress jikkontribwixxi għall-isforzi tagħna biex tkun implimentata l-Aġenda ta’ Liżbona u biex ikun hemm koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; F’dan il-kuntest jistieden lill-entitajiet responsabbli ta’ l-Unjoni Ewropea biex jiżguraw li dan il-progress jikkontribwixxi għal żvilupp armonjuż u bilanċjat tat-territorji kollha ta’ l-UE u biex ikun ikkunsidrat il-prinċipju Ewropew ta’ l-aċċess universali għal servizzi ta’ interess ġenerali;

41.  Jiġbed l-attenzjoni li t-TEC qed jibda jiddiskuti kwistjonijiet li huma indirettament relatati ma’ pajjiżi terzi; jissuġġerixxi li għandu jkun ifformulat approċċ komuni li jittratta kwistjonijiet speċifiċi għal pajjiżi terzi magħżulin;

42.  F’dan il-kuntest, jemmen li wasal iż-żmien li jkun ifformulat approċċ konġunt għall-istrateġija ta’ sigurtà fuq iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku, mhux l-inqas fid-dawl tar-ristrutturar tal-kunċett strateġiku tan-Nato stess;

Aġenda futura tat-TLD

43.  Jistieden lid-Djalogu tal-Leġiżlaturi Transatlantiċi biex jinklud fl-aġendi tal-laqgħat li jmiss tiegħu diskussjoni dwar ir-regolament ta' l-iskenjar tal-kargo destinat lejn l-Istati Uniti filwaqt li jiżgura li jkun żviluppat fehim reċiproku ikbar bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress ta’ l-Istati Uniti dwar dan is-suġġett; jenfasizza wkoll il-bżonn li wieħed jaħseb waqt it-TLD dwar aġenda tad-WTO għal wara Doha u li jiġu diskussi klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent u d-drittijiet soċjali fi ftehimiet bilaterali kummerċjali, filwaqt li wieħed jitgħallem fost affarijiet oħra mill-iktar ftehima bilaterali riċenti bejn l-Istati Uniti u l-Peru li tinkludi dispożizzjonijiet dettaljati u li jistgħu jkunu infurzati dwar l-istandards tax-xogħol;

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.