MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
29.4.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Umberto Guidoni u Marco Rizzo
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku
B6‑0213/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li b'mod partikulari kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi u r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti u dwar il-Ftehima ta' Sħubija Transatlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u, l-aktar, tal-ġugarelli,
– wara li kkunsidra l-eżitu tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-30 ta' April 2007 f'Washington DC, u b’mod partikulari għall-Qafas tiegħu għat-Tmexxija 'l Quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta' progress adottati fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlatiku (TEC) fid-9 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,
1. Jikkritika b’mod sever kull m’għandu x’jaqsam mal-proġett fir-rigward tal-ħolqien ta’ suq transatlantiku li huwa b’mod wiesgħa orjentat lejn swieq dinjija oħra u b’mod ċar awtoprotettiv,
2. Jinnota li l-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti diġà jammonta għal 50% tal-kummerċ internazzjonali kollu; huwa tal-fehma li l-UE teħtieġ li tiddiversifika r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha, tippreserva l-politiki tagħha f’oqsma bħas-saħħa pubblika u l-ambjent, u ssaħħaħ r-relazzjonijiet ekonomiċi tagħha ma’ reġjuni oħra tad-dinja;
3. Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jingħaqdu fl-isforzi tagħhom biex tinbena sistema ta' kummerċ internazzjonali iktar ġusta, filwaqt li tingħata prijorità lill-iżvilupp, lit-tnaqqis tal-faqar, lill-ambjent u lid-diversità kulturali, minflok jimponu d-deregolazzjoni u jagħtu prijorità lill-profitti korporattivi;
4. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriżi tas-settur ‘sub-prime’ fl-Istati Uniti u jiddeplora l-fatt li dan is-settur kien regolat b'mod laxk (sensara ta' l-ipoteki) jew ma sar l-ebda regolament; għal dawn ir-raġunijiet jitlob għal reviżjoni urġenti tad-dispożizzjonijiet ta’ Basel 2 b’mod speċjali fir-rigward tat-trasparenza;
5. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem biex tassigura li t-TEC ikun ta’ għajnuna biex tintlaħaq konklużjoni pożittiva ta’ l-Aġenda ta’ Doha ghall-Izvilupp, b’mod partikulari fit-tnaqqis tas-sussidji ta’ l-esportazzjoni fl-agrikoltura, li qed jeqirdu l-agrikoltura u s-sovranità ta’ l-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
6. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex iddaħħal bħala punt essenzjali fl-aġenda l-problema tal-prezz tal-prodotti, u b’mod partikulari l-prodotti ta’ l-ikel, u biex tistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti l-istabbilizzazzjoni tal-prezz tagħhom;
7. Jagħti parir lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kwistjoni ta’ tilwim dwar kummerċ bħala suġġett ċentrali għat-TEC; iqis ukoll li l-UE għandha tinsisti dwar il-ħtieġa ta’ l-irtir ta’ dispożizzjonijiet legali extra-territorjali bħall-Att Helms Burton;
8. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tiddiskuti fit-TEC kif tista' tinstab koerenza akbar bejn il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u r-regoli multilaterali tad-WTO, sabiex tiġi ggarantita sistema kummerċjali internazzjonali aktar armonjuża u sempliċi għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex fl-aġenda tinkludi l-kwistjoni ta’ kif għandu jsir progress effettiv fl-applikazzjoni ta’ regoli fuq l-ambjent, u standards soċjali fis-sistema ta’ kummerċ internazzjonali;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex titlob li t-TEC jippreżenta rapport ta' progress dwar l-attivitajiet ta' koperazzjoni dwar l-infurzar ta' l-IPR, fl-istess waqt jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm progress fit-trasferiment tat-teknoloġija f’pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li t-TEC jappoġġja l-eżitu tal-Ftehima TRIPS għal dawk il-pajjiżi li ma għandhomx il-kapaċità tal-produzzjoni għall-prodotti farmaċewtiċi u sabiex jiżgura li l-Istati Uniti u l-UE jżommu lura milli jagħmlu pressjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex iwaqqaf l-applikazzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Doha għall-aċċess għall-mediċini, jew biex jinkludi fil-ftehimiet ta’ kummerċ bilaterali artikoli li jwaqqfu din l-applikazzjoni;
10. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jiddiskutu ma’ l-isħab transatlantiċi tagħhom kif għandhom jagħmlu progress fil-kwistjoni ta' l-aċċess għall-mediċini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u biex jopponu bil-qawwi l-inizjattiva ta' l-Istati Uniti li tinkludi fil-ftehimiet bilaterali kollha nnegozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, klawżoli li bihom dawk il-pajjiżi jirrinunzjaw għall-użu tad-dispożizzjoni tal-Ftehima ta' Doha fit-TRIPS li tippermettilhom li jipproduċu jew li jimportaw mediċini ġeneriċi meħtieġa biex jaffrontaw problemi pubbliċi kbar ta' saħħa (AIDS, tuberkulożi, eċċ);
11. Iqis li d-dritt għall-ikel u l-ambjent sikuri huwa l-bażi ta' diversi kunflitti kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, bħal ma' huma dawk dwar il-laħam trattat bl-ormoni u prodotti b’organiżmi modifikati ġenetikament (GMO), u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaġixxu b'konformità ma' u jiddefendu l-leġiżlazzjoni KE applikabbli;
12. Iqis li, peress li l-UE u l-Istati Uniti, huma l-ikbar konsumaturi ta' l-enerġija u jirrapreżentaw 38% tal-konsum ta' l-enerġija dinji, għandhom jieħdu l-inizjattiva u jagħmlu sforzi konġunti biex jiżviluppaw mezzi ta' produzzjoni ta' l-enerġija alternattiva; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati alternattivi sostenibbli ambjentalment, u li jiġi żgurat il-ħarsien tal-foresti madwar id-dinja kollha, u sabiex ikun hemm kawtela kbira dwar il-kwistjoni tal-bijofjuwils;
13. Itenni li l-eżistenza tal-liġijiet extra-territorjali “Helms-Burton” u l-embargo tan-negozju kontra Kuba huma illegali u għandhom jiġu rtirati; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiddiskutu l-kwistjoni matul is-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti u biex jaħdmu għat-tneħħija ta' dawk id-dispożizzjonijiet, jekk ikun il-każ jisfidaw lill-Istati Uniti fid-WTO;
14. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-iżbilanċi fid-djalogu leġiżlattiv ma' l-Istati Uniti u l-impatt tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni Ewropea;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.