Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0214/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0214/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

29.4.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Caroline Lucas
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Proċedura : 2008/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0214/2008
Testi mressqa :
B6-0214/2008
Testi adottati :

B6‑0214/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li b'mod partikulari kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' April 2007 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi u r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar ir-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti u dwar il-Ftehima ta' Sħubija Tranżatlantika bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-30 ta' April 2007 f'Washington DC, u l-'Qafas tiegħu għat-Tmexxija 'l quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti' li jwaqqaf il-Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta u r-rapport ta' progress adottati fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ekonomiku Transatlatiku (TEC) fid-9 ta' Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-bidla fil-klima, b'mod partikulari dawk tas-16 ta' Novembru 2005, tas-26 ta' Ottubru 2006 u ta' l-14 ta' Frar 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2007 dwar is-sikurezza tal-prodotti u, l-aktar, tal-ġugarelli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A.  billi l-paċi, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-liġi internazzjonali, l-ekonomiji sostenibbli u l-iżvilupp sostenibbli huma valuri komuni li jiffurmaw il-bażi tas-Sħubija Transatlantika li hija s-sinsla tal-politika esterna ta' l-UE u tal-politika ekonomika globali tagħha,

B.  billi l-imsieħba transatlantiċi għandhom rwol ekonomiku dominanti fid-dinja, huma jaqsmu r-responsabilità għall-istat tat-tmexxija ekonomika globali u għas-sejba ta' soluzzjonijiet għall-isfidi ekonomiċi globali, b'mod partikulari dawk li jirrigwardaw il-kriżi li għaddejja bħalissa fis-swieq finanzjarji prinċipali, l-iżbilanċi li dejjem qed jikbru fl-allinjamenti tal-munita u fir-relazzjonijiet kummerċjali, il-kriżi ta' djun li għaddejja bħalissa jew li terġa tixref f'xi wħud mill-pajjiżi l-aktar foqra tad-dinja, u aktar u aktar id-differenza oxxena fil-ġid bejn u fil-pajjiżi,

C.  billi sħubija b'saħħitha u li taħdem bejn l-UE u l-Istati Uniti hija vitali għat-tiswir ta' l-iżvilupp globali biex ikun hemm konformità mal-valuri komuni u fuq il-bażi ta' multilateraliżmu u liġi internazzjonali effettivi; billi jeħtieġ li jkun hemm tmexxija politika b'saħħitha u konsistenti sabiex l-imsieħba jkunu jistgħu jilħqu dan l-objettiv,

D.  billi rabtiet ekonomiċi transatlantiċi aktar b'saħħithom ikollhom konsegwenzi globali u għalhekk iridu jqisu l-interessi ta' atturi ekonomiċi oħra, pajjiżi u nies oħra sabiex il-prosperità tinqasam b'mod aktar ekwu u sabiex l-isfidi globali jiġu indirizzati b'suċċess fl-oqsma inter-konnessi ta' sigurtà, tmexxija ekonomika globali, l-ambjent u tnaqqis tal-faqar,

E.  billi politiki kummerċjali mingħajr prospettiva fit-tul u assertivi żżejjed min-naħa ta' l-Istati Uniti u l-UE kkontribwew b'mod deċiżiv għall-probabilità ta' fallimet fil-konklużjoni tad-Doha Round tan-negozjati kummerċjali tad-WTO u għalhekk dgħajjfu l-appoġġ globali għal metodu multilaterali fl-istipulazzjoni ta' regoli kummerċjali ġusti u ekwi,

1.  Jinnota l-proġett tat-tisħiħ ta' l-integrazzjoni ekonomika transatlantika fis-Samit ta' l-2007 bejn l-UE u l-Istati Uniti bis-saħħa ta' l-adozzjoni tal-'Qafas għat-Tmexxija 'l quddiem ta' l-Integrazzjoni Ekonomika Transatlantika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti' u bit-twaqqif ta' Kunsill Ekonomiku Transatlantiku (TEC) li għandu jissorvelja u jħaffef l-isforzi indikati fil-Qafas;

2.  Ifakkar l-għexieren ta' snin ta' sforzi tansatlantiċi diffiċli u bla suċċess sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u jħeġġeġ lit-TEC jaċċetta l-eżistenza ta' metodi differenti ħafna ta' l-assistenza soċjali fil-politika ekonomika, u jsejjes il-metodu tiegħu fuq passi żgħar u preċiżi lejn it-tneħħija ta' ostakli bla ħtieġa fil-koperazzjoni transatlantika;

3.  Jinnota t-twaqqif ta' Grupp ta' Konsulenti tat-TEC, magħmul minn rappreżentanti tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi, id-Djalogu Transatlantiku tan-Negozju u d-Djalogu Transatlantiku tal-Konsumaturi;

4.  Jappella sabiex id-Djalogu Transatlantiku dwar ix-Xogħol u d-Djalogu Transatlantiku dwar l-Ambjent jingħataw ħajja mill-ġdid u jiġu integrati fil-Grupp ta' Konsulenti tat-TEC sabiex titwassal koperazzjoni transatlantika fir-regolamentazzjoni bl-"aħjar prattiki" biex tmexxi 'l quddiem il-kwistjonijiet soċjali u tas-saħħa, is-sikurezza u l-ħarsien ta' l-ambjent, b'hekk ikun aktar faċli li jkun hemm suq transatlantiku aktar sostenibbli;

5.  Jenfasizza li l-objettiv ta' ħolqien ta' standards uniformi għall-kummerċ u l-investiment, kif diskuss fil-laqgħa tat-TEC f'Novembru 2007 f'dak li jirrigwarda pjan direzzjonali biex fl-2009 jintlaħaq rikonoxximent reċiproku tal-ftehimiet ta' sħubija kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti, m'għandux iwassal għal tnaqqis fl-armonizzazzjoni ta' l-istandards soċjali, ambjentali u tas-saħħa;

6.  Itenni li varjetà ta' dawk li jissejjħu ostakli mhux ta' tariffi għall-kummerċ u l-investiment huma msejsa fl-attivitajiet intenzjonati tal-korpi leġiżlattivi mfassla biex jitrawwmu objettivi soċjali, relatati mas-saħħa, kulturali u ambjentali, u għalhekk ma jridux jitneħħew mingħajr att leġiżlattiv ekwivalenti; f'dan ir-rispett, jenfasizza l-irwol kruċjali tal-Parlamenti nazzjonali, tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress ta' l-Istati Uniti fis-sorveljanza tal-proċess ta' allinjament ta' l-istandards u t-tneħħija ta' l-ostakli għall-kummerċ u l-investiment;

7.  Għaldaqstant, jappella lill-mexxejja ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti u lill-ko-chairpersons tat-TEC sabiex iqisu dan l-irwol kruċjali tal-leġislaturi sabiex il-proċess ikollu suċċess fuq tul taż-żmien, u jħeġġiġhom sabiex jinvolvu bis-sħiħ u b'mod dirett, lir-rappreżentanti tad-Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi, fil-ħidma tat-TEC;

8.  Huwa ta' l-opinjoni li l-ftehima li qed jipprova jilħaq it-TEC sa' l-2008 - bil-kontribut tal-Brażil - fir-rigward ta' standards komuni għall-agro-fjuwils se tibqgħa inaċċettabbli u mhux xierqa fil-każ li ma tagħmilx referenza għall-ogħola standards f'dak li jirrigwarda s-sostenibilità ambjentali tal-produzzjoni ta' ħsad bl-agro-fjuwil;

9.  Jappella lit-TEC biex jappoġġja moratorium fuq il-produzzjoni ta' l-agro-fjuwils mill-ħsad għall-ikel, sakemm jiġi evalwat bir-reqqa l-impatt fuq is-sikurezza globali ta' l-ikel;

10.  Iqis li l-vantaġġi kummerċjali komparattivi li qed jiggwadanjaw l-Istati Uniti bħala konsegwenza li rrifjutaw li jiffirmaw il-Protokoll ta' Kyoto, huma forma ta' dumping ekologiku l-UE trid tikkumpensa permezz ta' miżuri korrettivi bħal aġġustamenti taħt forma ta' taxxi fuq prodotti impurtati;

11.  Jistieden lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex toqgħod lura minn kull tip ta' sfida oħra tal-leġiżlazzjoni ta' l-UE u tal-prattika ta' l-UE f'dak li jirrigwarda l-liċenzji ta' impurtar, ittikkettar u traċċabilità ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament;

12.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kanada u lill-Amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti biex ineħħu l-miżuri ta' ritaljazzjoni fuq l-importazzjoni mill-UE bħala risposta għall-projbizzjoni min-naħa ta' l-UE ta' ċanga trattata bl-ormoni u jaċċettaw l-evidenza xjentifika qawwija li turi li l-ormoni wżati fil-produzzjoni taċ-ċanga - bħall-Oestradjol 17 beta - huma ta' natura karċinoġenika u ġenotossika, b'hekk jippreżentaw riskji inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tappella s-sentenza mogħtija mid-WTO f'dan il-każ fit-30 ta' Marzu 2008 li tippermetti lill-Istati Uniti u lill-Kanada li tisforza l-importazzjoni ta' ċanġa trattata bl-ormoni fl-Ewropa;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex isaħħu l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti sabiex ikun żgurat li l-kontrolli fil-fruntieri esterni jkunu adegwati b'mod li jkun evitat li prodotti perikolużi, partikolarment ġugarelli perikolużi, jaslu għand il-konsumaturi; jistieden lill-Istati Uniti u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jkun hemm infurzar strett tal-liġi dwar is-sikurezza tal-prodott, partikolarment fuq il-ġugarelli, u ispezzjonijiet nazzjonali aktar rigorużi;

14.  Għadu mhux konvint dwar il-verżjoni Abbozz ta' Ftehima Konġunta dwar l-Investiment Ħieles bejn l-UE u l-Istati Uniti tat-3 ta' April 2008, li tippromwovi libertà ta' investiment bla xkiel fi żmien ta' tifrik finanzjarju imminenti u tħassib kbir dwar in-nuqqas ta' trasparenza u responsabilità f'għadd ta' prodotti finanzjarji u ta' investiment, u b'mod partikulari iqis li l-investimenti permezz ta' fondi tal-pajjiż għandhom ikunu suġġetti għal deċiżjonijiet politiċi;

15.  Jistieden lit-TEC biex jappoġġja b'mod attiv id-dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Ftehima TRIPS li tiffaċilita l-aċċess għal mediċini vitali għal dawk il-pajjiżi li m'għandhomx kapaċità produttiva għal prodotti farmaċewtiċi; jopponi bis-saħħa l-proposta ta' l-Istati Uniti biex fil-ftehimiet bilaterali negozjati mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tinkludi klawżoli li permezz tagħhom dawk il-pajjiżi jirrinunċjaw għad-dritt li jirrikorru għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima ta' Doha dwar it-TRIPS li tippermettilhom li jipproduċu u jimportaw mediċini ġeneriċi li huma meħtieġa biex jiġu trattati problemi ta' saħħa pubblika kbar (AIDS, tuberkolożi, etc);

16.  Iqis li l-aktar kompitu importanti min-naħa ta' l-Ewropa fit-TEC huwa li tikkonvinċi lill-imsieħba transatlantiċi ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li sa l-2012 jissawwar reġim post-Kyoto b'ambitu aktar wiesa', ambizzjuz u li jorbot legalment dwar l-emmissjonijiet b'effett ta' serra, u li jitfassal proġett transatlantiku kbir għall-iskambju ta' investiment u teknoloġija fil-qasam ta' produzzjoni ta' l-enerġija sikura u li ma tniġġisx;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.