Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0227/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0227/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

14.5.2008

imressqa wara il-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0153/2008 u B6‑0154/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ana Maria Gomes
f'isem il-Grupp PSE
dwar armi ta' l-uranju mdgħajjef u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent - lejn projbizzjoni globali fuq l-użu ta’ armi ta' dan it-tip

Proċedura : 2008/2570(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0227/2008
Testi mressqa :
B6-0227/2008
Testi adottati :

B6‑0227/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar armi ta' l-uranju mdgħajjef u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent - lejn projbizzjoni globali fuq l-użu ta’ armi ta' dan it-tip

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-effetti ta’ ħsara li jagħmel l-użu ta’ l-uranju (inkluż l-uranju mdgħajjef) f’munizzjoni konvenzjonali, riżoluzzjonijiet li jitolbu:

  • (a)li jsiru investigazzjonijiet bir-reqqa – u dak li jirriżulta minnhom għandu jiġi rrappurtat lill-Parlament – rigward l-użu tagħhom f’operazzjonijiet militari fil-Balkani, fl-Iraq, fl-Afganistan u f’reġjuni oħra u l-effett tagħhom fuq il-persunal militari u fuq in-nies ċivili u fuq arthom (13 ta' Frar 2003),
  • (b)li sakemm joħroġ ir-riżultat ta' dawn l-investigazzjoni, jiġi stabbilit moratorju mill-membri kollha ta’ l-UE u tan-NATO bi qbil mal-prinċipju ta' prekawzjoni ta' l-UE (17 ta' Jannar 2001),
  • (c)li tiddaħħal projbizzjoni totali (17 ta' Novembru 2005 u 16 ta' Novembru 2006),

–  wara li kkunsidra d-diskors tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ l-Esplojtazzjoni ta’ l-Ambjent waqt il-Gwerer u l-Konflitti Armati (6 ta’ Novembru 2002), fejn iddikjara li “għalkemm hemm konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw l-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, it-teknoloġiji ġodda, bħal m’hu l-munizzjon ta’ uranju mdgħajjef, qed jheddu lill-ambjent”,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/30 intitolata ‘Effetti ta’ l-użu ta’ armamenti u munizzjonijiet li fihom l-uranju mdgħajjef’, li kienet adottata b’maġġoranza kbira ħafna fil-5 ta’ Diċembru 2007, u li enfasizzat it-tħassib dwar l-użu militari ta’ l-uranju mdgħajjef, u li ħeġġet lill-Istati Membri tan-NU sabiex jeżaminaw mill-ġdid il-perikli għas-saħħa li jinħolqu mill-użu ta’ l-armi ta’ l-uranju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-uranju mdgħajjef intuża ħafna fit-taqbid tal-gwerra modern, kemm bħala munizzjon kontra objettivi fortifikati f’ambjenti rurali u urbani, kif ukoll bħala protezzjoni ta’ armatura rinfurzata kontra attakki bil-missili u ta’ artillerija,

B.  billi sa minn meta ntuża mill-forzi alleati fl-ewwel gwerra kontra l-Iraq, kien hemm tħassib serju rigward it-tossiċità radjoloġika u kimika tal-partiċelli fini ta’ l-uranju li jiġu prodotti meta dawn l-armi jkollhom impatt fuq objettivi fortifikati; billi ġie espress tħassib ukoll rigward il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u ta' l-ilma taħt l-art minn munizzjon sparat li ma jkunx laqat il-mira tiegħu,

C.  billi, minkejja l-fatt li sa issa r-riċerka xjentifika ma sabitx provi konklussivi ta' ħsara, sa ċertu punt minħabba li l-awtoritajiet militari m'humiex lesti li jippermettu riċerka indipendenti u f’waqtha, hemm numru ta’ testimonjanzi dwar l-effetti ħżiena u ħafna drabi fatali, kemm fuq il-persunal militari (eż. persunal Taljan li ġie lura mill-Kosovo), kif ukoll fuq in-nies ċivili (eż. nisa tqal u l-ulied deformati tagħhom fl-Iraq),

D.  billi f’dawn l-aħħar snin saru avvanzi kbar f'termini ta' fehim tal-perikli għall-ambjent u għas-saħħa li jikkawża l-uranju mdgħajjef, u billi wasal iż-żmien li l-istandards militari internazzjonali jiġu aġġjornat biex jikkonformaw i ma’ dawn l-avvanzi,

E.  billi l-użu ta’ l-uranju mdgħajjef fil-gwerra jmur kontra r-regoli u l-prinċipji bażiċi mħaddna fil-liġi internazzjonali, umanitarja u ambjentali tradizzjonali u miktuba,

1.  Jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimxu mal-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni tan-NU adottata fil-5 ta’ Diċembru 2007 u sabiex iressqu rapport bl-opinjonijiet tagħhom dwar l-effetti ta’ l-użu ta’ armamenti u munizzjon li fihom l-uranju mdgħajjef qabel l-aħħar ta’ Mejju 2008;

2.  Jitlob sabiex il-Kunsill u l-Kummissjoni jagħmlu investigazzjonijiet bir-reqqa dwar l-użu ta' l-uranju mdgħajjef fir-reġjuni kollha fejn intbagħat persunal militari u ċivili Ewropew fi ħdan il-qafas ta’ operazzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ kemm lin-NATO kif ukoll lill-Istati Uniti ta' l-Amerika sabiex joffru l-kontribut sħiħ tagħhom għal dawn l-istudji;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, fi ħdan il-qafas ta’ operazzjonijiet futuri, biex ma jużawx armi ta’ uranju mdgħajjef fl-operazzjonijiet ta’ l-ESDP u sabiex ma jibagħtux persunal militari u ċivili f’reġjuni fejn ma tista’ tingħata l-ebda garanzija li ma ntużax jew li mhux ser jintuża l-uranju mdgħajjef;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-persunal militari u ċivili tagħhom mibgħuta għal missjonijiet, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom, dwar il-probabilità li seta’ ntuża jew li jista’ jintuża l-uranju mdgħajjef fir-reġjun fejn qed joperaw, u sabiex jieħdu biżżejjed miżuri protettivi;

5.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu inventarju ambjentali ta’ inħawi kkontaminati bl-uranju mdgħajjef (inklużi nħawi użati għall-ittestjar) u sabiex jipprovdu appoġġ sħiħ – inkluż appoġġ finanzjarju – għall-proġetti li jassistu lill-vittmi u lill-qraba tagħhom kif ukoll għall-ħidma ta’ tindif fl-inħawi affettwati;

6.  Jistieden lill-Istati Membri ta’ l-UE u lill-pajjiżi kollha tan-NATO sabiex ikomplu jaħdmu għal projbizzjoni globali – jew, ta’ l-anqas, moratorju – ta’ l-użu ta’ l-armi ta’ l-uranju mdgħajjef, u sabiex b’mod sistematiku, iwaqqfu l-produzzjoni u l-akkwist ta’ dan it-tip ta’ armament;

7.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-ħidma għal trattat internazzjonali – permezz tan-NU jew permezz ta’ ‘koalizzjoni ta’ voluntiera’ – li jistabbilixxi projbizzjoni ta' l-iżvilupp, tal-produzzjoni, tal-ħażna, tat-trasferiment, ta' l-ittestjar u ta' l-użu ta' armi ta' l-uranju kif ukoll tal-qerda jew tar-riċiklaġġ tal-ħażniet eżistenti;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lin-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lin-NU, lill-Euromil, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u lill-Koalizzjoni Internazzjonali għall-Projbizzjoni ta' l-Armi ta' l-Uranju.