Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0229/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0229/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

14.5.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Luisa Morgantini, Gabi Zimmer, Pedro Guerreiro, Dimitris Papadimoulis, Kartika Liotard
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Proċedura : 2008/2564(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0229/2008
Testi mressqa :
B6-0229/2008
Testi adottati :

B6‑0229/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ l-ikel fl-UE u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dinja qed tiffaċċja l-iktar inflazzjoni qawwija fil-prezz ta' l-ikel fl-istorja, kif ukoll l-inqas riżervi ta' l-ikel f'dawn l-aħħar 30 sena,

B.  billi jinsab ixxokkjat bid-deskrizzjoni li jagħti l-Pjan Dinji ta' l-Ikel tal-prezzijiet dejjem jogħlew ta' l-ikel bħala ''tsunami silenzjuż'' u bir-riskju li qed jiffaċċjaw 100 miljun ruħ fil-kontinenti kollha li jisfaw bil-ġuħ; huwa inkwetat ferm li r-riżervi ta' l-ikel jinsabu fl-inqas punt f'dawn l-aħħar 30 sena,

C.  billi jfakkar li d-dritt għall-ikel huwa dritt fundamentali,

D.  billi huwa mħasseb dwar il-fatt li l-prezzijiet dejjem jogħlew ta' l-ikel jaffettwaw bl-agħar mod lill-foqra, peress li l-ikel jikkostitwixxi 10-20% ta' l-infiq tal-konsumatur fil-pajjiżi industrijalizzati iżda, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jikkostitwixxi 60-80%; billi huwa mħasseb dwar il-fatt li ż-żieda fil-prezzijiet ta' l-ikel tipperikola l-possibiltà li jitlaħaq l-MDG, fi kliem ieħor it-tnaqqis tal-faqar għal nofs dak li hu bħalissa sa l-2015,

E.  billi jinsab ferm imħasseb minħabba l-estima tal-Grupp tal-Bank Dinji li tgħid li 33 pajjiż madwar id-dinja qed jiffaċċjaw kunflitti soċjali dovuti għaż-żieda kbira fil-prezzijiet ta' l-ikel u ta' l-enerġija,

F.  billi jfakkar li d-dinja, li skond il-FAO tista' titma' 12-il biljun ruħ, mhijiex nieqsa mill-ikel b'mod globali; filwaqt li jenfasizza li l-ħsad tal-qamħ fl-2007 kien l-aħjar li qatt sar, u li l-ħsad tar-ross fl-2007 kien tajjeb ħafna wkoll; billi jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li huwa probabbli li 1.01 biljun tunnellata tal-ħsad ta' l-2007 jintużaw biex jitma' lin-nies, filwaqt li parti importanti tintuża biex jintemgħu l-annimali (760 miljun tunnellata) u madwar 100 miljun tunnellata jintużaw biex jiġu prodotti l-bijofjuwils;

G.  billi l-Unjoni Ewropea hija l-ikbar importatur fid-dinja ta' għalf ta' l-annimali;

H.  billi l-impenji reċenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-bijofjuwils urew lil produtturi agrikoli kbar li hemm talba garantita, fixklu s-swieq dinjija u għenu biex jingħata bidu għall-ammont kurrenti ta' spekulazzjoni fil-prezzijiet ta' l-ikel u ta' l-enerġija,

I.  billi huwa mħasseb dwar ir-riskju li jkun hemm żieda ta' użu ta' prodotti agrikoli mhux għall-ikel, iżda b'mod speċjali għall-bijofjuwils, li jissostitwixxi l-produzzjoni agrikola ta' l-ikel, u li dan qed iseħħ mingħajr ma sar studju xieraq ta' l-impatt dwar l-indipendenza u s-sovranità ta' l-ikel,

J.  billi l-ispekulazzjoni finanzjarja internazzjonali hija fil-qalba taż-żidiet qawwija ferm fil-prezzijiet agrikoli; billi l-agro-industrija u l-bejjiegħa kbar bl-imnut għandhom responsabilità kbira għall-kriżi attwali,

K.  billi jfakkar li l-garanziji tal-prezzijiet għall-bdiewa Ewropej kienu jikkostitwixxu inċentiv importanti għall-produzzjoni agrikola fl-Ewropa ta' wara l-gwerra; billi l-liberalizzazzjoni tas-swieq ta' l-ikel fil-kuntest tal-WTO xekklet il-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

L.  billi d-drittijiet bażiċi, bħall-ilma, l-art, l-enerġija u s-saħħa m'għandhomx ikunu jiddependu fuq il-ħtiġiet tas-suq; billi l-kriżi attwali turi li regolazzjoni tas-suq fil-livell internazzjonali kif ukoll Ewropew hija indispensabbli għas-sigurtà ta' l-ikel,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex ikomplu jagħtu l-fondi fejn ma jasalx il-Programm Dinji ta' l-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti, li jeħtieġ mill-inqas EUR 400 miljun żejda għal provvisti addizzjonali ta' l-ikel biex jiġu sodisfatti talbiet urġenti;

2.  Jitlob li d-dritt għall-ikel u s-sovranità ta' l-ikel ikun applikat bħala prinċipju; iqis li għandha tingħata prijorità lill-kapaċità tal-pajjiżi illi jiżviluppaw il-produzzjoni tagħhom għall-bżonnijiet nazzjonali jew reġjonali tagħhom, billi dan jinvolvi l-possibiltà li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipproteġu l-produzzjoni tagħhom kontra l-importazzjonijiet li huma ta' theddida għall-istabilità tas-swieq interni tagħhom;

3.  Jitlob lill-UE biex tagħmel mill-aħjar li tista' biex jiġi stabbilit Fond Dinji ta' l-Ikel fi ħdan il-qafas tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex ikunu jistgħu jingħataw garanziji tal-prezzijiet lil bdiewa, f'koperazzjoni mal-gvernijiet nazzjonali, biex b'hekk tiġi mħeġġa żieda fil-produzzjoni agrikola;

4.  Jemmen li l-iskop ewlieni tal-produzzjoni agrikola għandu jkun li jintemgħu in-nies u mhux li jiġu prodotti monokulturi għall-esportazzjoni;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa mill-ġdid l-objettiv ta' 10% ta' użu għall-bijofjuwils; jinsab sorpriż dwar in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni illi tirreaġixxi għall-problemi fis-suq dinji, partikolarment dawk ikkawżati miż-żieda fit-talba għall-bijofjuwils hekk kif enfasizzat il-Kummissjoni, peress li hemm il-bżonn li jiġi pprevenut li l-ġuħ jinfirex fost l-ifqar popli;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaġġustaw l-ipprogrammar ta' l-10 EDF u biex jindirizzaw mill-ġdid il-karti ta' strateġija tal-pajjiż bħala mezz ta' azzjoni malajr għall-kriżi dinjija ta' l-ikel, u biex jagħtu iktar prijorità lill-istimulazzjoni ta' iktar produzzjoni agrikola ta' l-ikel, li tkun effiċjenti u sostenibbli;

7.  Jitlob li jkun hemm iktar investiment fl-agrikultura u fil-produzzjoni ta' l-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluż investiment meħtieġ għall-infrastrutturi (irrigazzjoni, trasport u ħażna ta' prodotti agrikoli); huwa tal-fehma li biedja u kooperattivi familjari sostenibbli, flimkien ma' rieda politika li tingħata prijorità lill-kummerċ lokali u reġjonali, huma strumenti għall-prevenzjoni tal-ġuħ u għall-protezzjoni tal-fertilità ta' l-art u tal-bijodiversità;

8.  Jenfasizza l-importanza ta' politika agrikola attiva ta' l-UE li tiggarantixxi sigurtà ta' l-ikel u tistabbilizza l-prezzijiet ta' l-ikel fuq livell raġonevoli;

9.  Jitlob b'mod urġenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex iwaqqfu l-ispekulazzjoni attwali fuq il-prezzijiet ta' l-ikel u tal-fjuwil u biex jipprevjenu spekulazzjonijiet ulterjuri fil-futur;

10.  Itenni mill-ġdid li l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, li jobbligaw lill-pajjiżi li jilliberalizzaw is-swieq agrikoli tagħhom, jikkostitwixxu periklu reali għas-sovranità ta' l-ikel;

11.  Jirrifjuta l-impożizzjoni ta' ftehimiet kummerċjali u liberalizzazzjoni għamja, filwaqt li mill-banda l-oħra jappoġġa kummerċ ġust u kultura bbażata fuq id-drittijiet, speċifikament id-drittijiet għall-edukazzjoni, l-ilma, l-ikel u l-kura tas-saħħa;

12.  Jemmen li l-politika ta' sussidji għall-esportazzjoni ta' l-UE tiddestabilizza swieq lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u twassal għal distruzzjoni attiva tal-produzzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex tagħti bidu għat-tmiem ta' l-għoti ta' dawn is-sussidji;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.