MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
14.5.2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Tobias Pflüger, Willy Meyer Pleite u Adamos Adamou
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar l-armi ta’ l-uranju (imdgħajjef) u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent - lejn projbizzjoni globali fuq l-użu ta’ armi bħal dawn
B6‑0230/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-armi ta’ l-uranju (imdgħajjef) u l-effett tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent – lejn projbizzjoni globali fuq l-użu ta’ armi bħal dawn
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2001, tat-13 ta’ Frar 2003 u tas-17 ta’ Novembru 2005 dwar l-effetti ta’ ħsara li jagħmel l-użu ta’ l-uranju (inkluż l-uranju mdgħajjef) fl-armi konvenzjonali, li jitolbu li:
- (a)isiru investigazzjonijiet bir-reqqa – u dak li joħroġ minnhom għandu jiġi rrappurtat lill-Parlament – rigward l-użu tiegħu f’operazzjonijiet militari fil-Balkani, fl-Iraq, fl-Afghanistan u f’reġjuni oħra u l-effett tiegħu fuq il-persunal militari u fuq in-nies ċivili u fuq arthom;
- (b)ikun stabbilit moratorju mill-membri kollha ta’ l-UE u tan-NATO skond il-prinċipju ta' prekawzjoni ta' l-UE;
- (c)jiddaħħal moratorju globali fil-perspettiva ta’ projbizzjoni totali,
– wara li kkunsidra d-diskors tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta’ l-Esplojtazzjoni ta’ l-Ambjent waqt il-Gwerer u l-Konflitti Armati (6 ta’ Novembru 2002), fejn jiddikjara li “għalkemm hemm konvenzjonijiet internazzjonali li jirregolaw l-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, teknoloġiji ġodda, bħal m’hu l-munizzjon ta’ uranju mdgħajjef, qed jheddu lill-ambjent”,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/30 intitolata ‘Effetti ta’ l-użu ta’ armamenti u munizzjonijiet li fihom l-uranju mdgħajjef’, li kienet adottata b’maġġoranza kbira ħafna fil-5 ta’ Diċembru 2007, u li enfasizzat it-tħassib dwar l-użu militari ta’ l-uranju mdgħajjef, u li ħeġġet lill-Istati Membri tan-NU sabiex jeżaminaw mill-ġdid il-perikli għas-saħħa li jinħolqu mill-użu ta’ l-armi ta’ l-uranju,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-uranju (imdgħajjef) ġie użat ħafna fit-taqbid tal-gwerra modern kemm bħala munizzjon kontra objettivi fortifikati f’ambjenti rurali u urbani, kif ukoll bħala protezzjoni ta’ armatura rinfurzata kontra attakki bil-missili u bl-artillerija,
B. billi, sa minn mindu ġie użat mill-forzi alleati fl-ewwel gwerra kontra l-Iraq, kien hemm tħassib serju rigward it-tossiċità radjoloġika u kimika tal-partiċelli fini ta’ l-uranju li jiġu prodotti meta dawn l-armi jkollhom impatt fuq miri iebsa; billi ġie espress tħassib ukoll rigward il-kontaminazzjoni tal-ħamrija u ta' l-ilma ta' ġo l-art minn munizzjon sparat li ma jkunx laqat il-mira tiegħu,
C. billi, minkejja l-fatt li sa issa r-riċerka xjentifika ma setgħetx issib evidenza konklussiva ta' ħsara, parzjalment minħabba n-nuqqas ta' volontà min-naħa ta' l-awtoritajiet militari li jippermettu li ssir riċerka indipendenti u f’waqtha, hemm għadd kbir ta’ testimonjanzi fir-rigward ta’ dawn l-effetti ta’ ħsara u spiss fatali kemm fuq il-persunal militari (e.g. persunal Taljan li jkun ġej lura mill-Balkani; persunal militari li jkun ġej lura mill-Kosovo) kif ukoll fuq in-nies ċivili (e.g. nisa tqal u wliedhom iddeformati fl-Iraq),
D. billi f’dawn l-aħħar ftit snin saru avvanzi kbar f’dak li hu l-fehim tal-perikli għall-ambjent u għas-saħħa li l-uranju mdgħajjef iġib miegħu u billi wasal iż-żmien li l-istandards militari internazzjonali jiġu aġġornati skond dawn l-avvanzi,
E. billi l-użu ta’ l-uranju mdgħajjef fit-taqbid tal-gwerra jmur kontra r-regoli u l-prinċipji bażiċi mnaqqxa fil-liġi internazzjonali, umanitarja u ambjentali kemm miktuba u kemm skond id-drawwa,
1. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimxu mal-paragrafu 1 tar-riżoluzzjoni tan-NU adottata fil-5 ta’ Diċembru 2007 u sabiex qabel tmiem it-63 sessjoni ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-NU (Awissu/Settembru 2009) jressqu rapport bil-fehmiet tagħhom dwar l-effetti ta’ l-użu ta’ armamenti u munizzjon li fihom uranju mdgħajjef;
2. Jirrakkomanda li r-Rappreżentant Għoli ta’ l-UE jinkludi l-ħtieġa li jiġu pprojbiti l-produzzjoni u l-użu ta’ munizzjon ta’ l-uranju mdgħajjef fir-reviżjoni li jmiss dalwaqt ta’ l-Istrateġija tas-Sigurtà ta’ Ewropea;
3. Jitlob sabiex il-Kunsill u l-Kummissjoni jintrigaw ruħhom li jagħmlu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-użu ta' l-uranju mdgħajjef fir-reġjuni kollha fejn ikun ġie ppustjat persunal militari u ċivili Ewropew fi ħdan il-qafas ta’ operazzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ kemm lin-NATO kif ukoll lill-Istati Uniti ta' l-Amerika sabiex joffru l-kontribut sħiħ tagħhom għal dawn l-istudji;
4. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, fi ħdan il-qafas ta’ operazzjonijiet ġejjiena, biex ma jużawx armi ta’ l-uranju mdgħajjef fl-operazzjonijiet ta’ l-ESDP u sabiex ma jibagħtux persunal militari u ċivili f’reġjuni fejn ma tista’ tingħata l-ebda garanzija li l-uranju mdgħajjef ma jkunx ġie intużat, jew li mhux se jintuża – pereżempju, il-Kosovo;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jipprovdu informazzjoni sħiħa lill-persunal militari u ċivili tagħhom mibgħuta fuq missjonijiet, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet professjonali tagħhom, dwar il-probabilità li seta’ ntuża jew li jista’ jintuża l-uranju mdgħajjef fir-reġjun fejn qed joperaw, u sabiex jieħdu biżżejjed miżuri protettivi;
6. Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jistabbilixxu inventarju ambjentali ta’ l-inħawi kkontaminati bl-uranju mdgħajjef (inklużi meded ta’ art użati għall-ittestjar) u sabiex jipprovdu appoġġ sħiħ – inkluż appoġġ finanzjarju – għall-proġetti li jassistu lill-vittmi u lill-qraba tagħhom kif ukoll għall-operazzjonijiet ta’ tindif fl-inħawi milquta;
7. Jistieden lill-Istati Membri kollha ta’ l-UE u lill-pajjiżi kollha tan-NATO sabiex iżommu kif inhi jew jimponu projbizzjoni – jew, ta’ l-inqas, moratorju – fuq l-użu ta’ l-armi ta’ l-uranju mdgħajjef, u sabiex b’mod sistematiku jwaqqfu l-produzzjoni u l-akkwist ta’ dan it-tip ta’ armi;
8. Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex jieħdu f’idejhom it-tmexxija tal-ħidma għal trattat internazzjonali – pereżempju, permezz tan-NU – biex tkun stabbilita projbizzjoni ta' l-iżvilupp, il-produzzjoni, il-ħażna, it-trasferiment, l-ittestjar u ta’ l-użu ta' l-armi ta' l-uranju kif ukoll tal-qerda jew tar-riċiklaġġ tal-ħażniet eżistenti;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta’ l-Istati Membri, lin-NATO u lill-Assemblea Parlamentari tan-NATO, lin-NU u lill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Euromil, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, lill-Koalizzjoni Internazzjonali għall-Projbizzjoni ta’ l-Armi ta' l-Uranju u lill-Assoċjazzjoni Medika ta' l-Iraq.