MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
14.5.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn André Brie, Gabriele Zimmer u Esko Seppänen
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar is-Samit ta' bejn l-UE u r-Russja
B6‑0231/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit ta' bejn l-UE u r-Russja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni (PCA) bejn, fuq naħa, il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, u fuq l-oħra, il-Federazzjoni Russa, li ġiet innegozjata fil-bidu tas-snin disgħin u li skadiet fl-2007,
– wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u tar-Russja, stipulat fid-dikjarazzjoni konġunta li ħarġet wara s-Samit f'St Petersburg li sar fil-31 ta' Mejju 2003, biex jitwaqqaf spazju ekonomiku komuni, spazju komuni ta' libertà, sigurtà u gustizzja, spazju komuni ta' koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u spazju komuni ta' riċerka u edukazzjoni, inklużi l-aspetti kulturali,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikulari l-aktar konsultazzjonijiet riċenti li seħħew fis-17 ta' April 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-rabtiet bejn l-UE u r-Russja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,
A. billi r-rabtiet ekonomiċi bejn l-UE u r-Russja żviluppaw b'mod kostanti tul dawn l-aħħar għaxar snin, u wasslu għal koperazzjoni u interdipendenza ekonomika profonda u komprensiva, li għandha tiżdied aktar fil-ġejjieni qarib,
B. billi r-Russja hija ġar importanti ta' l-UE kif ukoll fattur politiku u ekonomiku qawwi fir-reġjun u fl-isfera internazzjonali,
C. billi kemm l-UE kif ukoll ir-Russja għandhom responsabilità kbira lejn l-istabilità, is-sigurtà u l-ġid ta' l-Ewropa kollha kemm hi; billi huma jiffaċċja l-isfida li jegħlbu n-nuqqas ta' fiduċja u li jistabilixxu rabtiet kostruttivi,
D. billi l-konklużjoni ta' Ftehima ta' Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Federazzjoni Russa tibqa' ta' importanza kbira għal aktar żvilupp u intensifikazzjoni tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba; billi n-negozjati dwar din il-Ftehima ta' Sħubija Strateġika għandhom jinbdew mill-aktra fis din is-sena;
E. billi fl-elezzjonijiet riċenti presidenzjali u għad-Duma, li ma ssodisfawx l-istandards demokratiċi kollha ta' l-OSCE, il-poplu tar-Russja vvota għall-istabilità u għall-kontinwità assoċjata mal-President Putin u mal-kandidat presidenzjali li huwa ppromwova; billi l-President il-ġdid Medvedev għandu mandat sod mogħti lilu mill-maġġoranza tal-poplu Russu,
F. billi jinħtieġ aktar djalogu bejn l-imsieħba sabiex ikun hemm qbil dwar 'valuri komuni' ġenwini,
G. billi hemm tħassib kontinwu dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tagħhom, il-kontroll tal-midja mill-Istat, il-klima li qed dejjem tiħżien għall-organizzazzjonijiet non-governattivi, il-kontroll politiku tal-ġudikatura u d-diffikultajiet li jimpedixxu l-kapaċità ta' l-oppożizzjoni politika li topera; billi l-Federazzjoni Russa hija membru sħiħ tal-Kunsill ta' l-Ewropa u ta' l-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, u għalhekk ikkommettiet lilha nfisha għall-prinċipja tad-demokrazija u tar-rispett għad-drittijiet bażiċi tal-bniedem,
H. billi, fid-diskors ta' l-inawgurazzjoni tiegħu, il-President il-ġdid tar-Russja, Dmitry Medvedev ikkonferma l-impenn tiegħu għat-twaqqif ta' sistema legali effettiva u matura bħala kundizjoni essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fir-Russja,
I. billi hemm kompetizzjoni preokkupanti bejn l-UE u r-Russja fl-interess tagħhom li joħolqu żoni ta' influwenza; billi din il-kompetizzjoni ma tħallix li jkun hemm soluzzjoni għall-kunflitti ffriżati u hemm riskju li toħloq oħrajn ġodda; billi l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jistgħu u għandu jkollhom irwol attiv flimkien fit-twaqqif ta' paċi u stabilità mal-ġirien komuni,
J. billi l-provvista ta' l-enerġija hija waħda mill-akbar oqsma ta' koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja; billi kważi 40% ta' l-importazzjonijiet ta' gass fl-UE jiddependu fuq il-Gazprom; billi, mill-banda l-oħra, aktar minn 60% ta' l-esportazzjonijiet taż-żejt u gass mir-Russja jmorru fl-UE; billi din l-interdipendenza hija ta' benefiċċju għaż-żewġ partijiet,
K. billi fl-istorja r-rabtiet bejn ir-Russja u d-diversi Stati Membri ta' l-UE żviluppaw b'mod differenti; billi din l-esperjenza storika hija waħda mill-fatturi li wasslu għall-falliment ta' l-UE li tiżviluppa politika effettiva dwar ir-Russja; billi din is-sitwazzjoni hija kontroproduttiva,
1. Jikkonferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li r-Russja tibqa' msieħed importanti għall-iskop ta' bini ta' koperazzjoni strateġika, li miegħu l-UE taqsam mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali, iżda wkoll l-objettiv ta' koperazzjoni mill-viċin fl-arena internazzjoni kif ukoll fil-viċinat komuni;
2. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jegħlbu d-differenzi ta' bejniethom, sabiex jagħtu prijorità lill-benefiċċji ta' pożizzjoni konġunta u sabiex jelaboraw approċċ realistiku lejn ir-Russja bbażat fuq interessi komuni u fuq il-fatti; jiddeplora d-dewmien ta' l-UE biex tifformula mandat għan-negozjati dwar Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni u jistieden lill-Kunsill sabiex jasal għal ftehim qabel is-Samit ta' bejn l-UE u r-Russja li se jsir fis-26-27 ta' Ġunju 2008 f'Khanty-Mansiisk;
3. Japprezza l-għażla tal-post għas-Samit ta' bejn l-UE u r-Russja billi huwa l-art ta' waħda mill-minoranzi Finno-Ugriċi;
4. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex - flimkien mal-Gvern tal-Federazzjoni Russa - jużaw il-21 Samit UE-Russja f'Kyanty-Mansiisk bħala l-punt tat-tluq il-ġdid reali għal aktar intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet UE-Russja billi jibdew in-negozjati dwar Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni u b'hekk joħolqu l-bażi għal aktar riżultati konkreti fil-futur qarib;
5. Jaqsam it-tħassib serju tal-poplu Russu dwar il-pjanijiet ta' l-Istati Uniti li jistabilixxu sistema ta' kontra l-missili fi Stati Membri ta' l-UE; huwa ta' l-opinjoni li hemm riskju li s-sistemi l-ġodda ta' kontra l-missili jwasslu għal tellieqa ġdida għall-armi li tpoġġi lill-Ewropa fil-mira ta' attakki militari u li toħloq qasmiet politiċi ġodda bejn l-UE u l-Istati Membri, kif ukoll bejn ir-Russja u l-UE; jistieden lill-Istati Uniti sabiex tirtira l-pjanijiet tagħha li allarmaw l-opinjoni pubblika Ewropea; jistieden lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tar-Repubblika Ċeka u tal-Polonja sabiex ma jaċċettawx sistemi ta' kontra l-missili fuq it-territorju tagħhom;
6. Jirrifjuta politiki barranin maħsuba sabiex joħolqu sferi ta' influwenza; jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm rispett sħiħ tas-sovranità u ta' l-integrità territorjali ta' l-Istati kollha, inkluż id-dritt ta' kull Stat li jfittex li jiżviluppa r-rabtiet tiegħu ma' Stati u ma' organizzazzjonijiet oħra fuq il-bażi tad-definizzjoni tiegħu ta' l-interessi tiegħu mingħajr ma jkollu ebda indħil barrani; jistieden lill-UE u lir-Russja sabiex jaġixxu skond dan il-prinċipju;
7. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex jaħdmu fuq inizjattivi konġunti mal-Gvern Russu li jkollhom l-għan li jsaħħu s-sigurtà u l-istabilità mal-ġirien komuni permezz ta' djalogu msaħħaħ dwar is-soluzzjoni ta' kunflitti ffriżati;
8. Jinnota l-iskambji kontinwi ta' opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja bħala parti mill-konsultazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali fir-Russja tqajjem tħassib serju dwar ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, il-liberta ta' l-espressjoni u d-drittijiet tas-soċjeta ċivili u ta' l-individwi li jisfidaw lill-awtoritajiet u li jżommuhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jenfasizza l-importanza ta' l-indipendenza ta' l-NGOs mill-gvernijiet nazzjonali għall-iżvilupp tas-soċjeta ċivili; jinnota t-tħassib muri mir-Russja dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-UE, l-aktar fir-rigward tal-minoranzi ta' lsien Russu fl-Istati Baltiċi;
9. Jinnota l-ftehima riċenti dwar l-iffaċilitar għall-ħruġ tal-viżi bejn l-UE u r-Russja, iżda jenfasizza li hemm ħtieġa ta' faċilitazzjoni aktar ambizzjuża għall-ħruġ tal-viżi li tkopri wkoll lil vjaġġaturi bona fide li ma jkunu jaqgħu taħt l-ebda kategorija prestabbilita, u ta' liberalizzazzjoni fil-futur imbiegħed;
10. Jinnota l-koperazzjoni msaħħa bejn l-UE u r-Russja fil-ġustizzja ċivili u kriminali, fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u fil-ġlieda kontra t-traffiku tad-droga u tal-persuni; jinsisti li din il-koperazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem;
11. Jilqa' d-djalogu intensifikat UE-Russja dwar il-kwistjonijiet ta' l-enerġija; jenfasizza li aktar koperazzjoni f'dan il-qasam għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji ta' l-interdipendenza u tat-trasparenza kif ukoll fuq l-importanza tar-reċiproċità; jappella għal aktar enfasi fuq l-effiċjenza enerġetika, fuq l-iffrankar ta' l-enerġija u fuq l-enerġija li tiġġedded;
12. Jilqa' l-liġi l-ġdida Russa li tintroduċi elementi ta' qofol tal-Proċess ta' Bolonja fis-sistema edukattiva Russa; jappella għal opportunitajiet mtejba għall-istudenti u għall-akkademiċi Russi sabiex jagħmlu użu mill-programmi ta' skambju ta' l-UE; jappoġġja l-idea li r-Russja tkun assoċjata mas-Seba' Programm ta' Qafas dwar ir-Riċerka;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.