Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0233/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0233/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

14.5.2008

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gérard Deprez
f'isem il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni
dwar negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fir-rigward ta' l-eżenzjonijiet tal-visa (visa waiver)

Proċedura : 2008/2550(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0233/2008

B6‑0233/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fir-rigward ta' l-eżenzjonijiet tal-visa (visa waiver)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 24 u 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 62, 63, 286 u 300 tat-Trattat KE, li huma l-bażi legali għal zona Ewropa ta' liberta, sigurta u ġustizzja u għal negozjati internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2008 u tal-21 ta' April 2008 lill-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 83 u 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam fl-1999, il-Kunsill kien responsabbli għat-twaqqif ta' regoli dwar visa, inkluża l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikunu fil-pussess ta' visa jew huma eżentati milli jkollhom visa (Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat KE),

B.  billi l-kompetenza tal-Komunita fil-kwistjonijiet ta' visa tinkludi l-kundizzjonijiet li bihom jingħata stejtus "mingħajr visa" lil pajjiżi terzi u billi dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiżguraw trattament ugwali liċ-ċittadini kollha ta' l-UE, mhux biss fir-rigward ta' l-għoti jew tar-rifjutar ta' l-istejtus mingħajr visa nnifsu, iżda wkoll fir-rigward tat-termini u l-kundizzjonijiet li bihom dan l-istejtus jiġi mogħti, jew irrifjutat, lil Stati Membri ta' l-UE minn pajjiż terzi,

C.  billi mill-2001 il-Kunsill eżenta[1] liċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti milli jkollhom bżonn visa; billi sfortunatament l-istess tip ta' eżenzjoni ma tapplikax għaċ-ċittadini kollha ta' l-UE peress li l-Istati Uniti għadhom jeħtieġu r-rekwiżit għal visa għal ċittadini ta' ċerti Stati Membri (attwalment il-Bulgarija, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Islovakkja) u r-rata ta' rifjut għal visa, li hija bbażata fuq kriterji mhux trasparenti, hija ta' iktar minn 10% ta' l-applikazzjonijiet,

D.  billi mill-2005 jista' jiġi attivat mekkaniżmu ta' reċiproċita fil-livell tal-Komunita[2] wara notifika minn Stat Membru, kuntatti mill-Kummissjoni mal-pajjiż terz konċernat, u rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill, li mbagħad jista' jiddeċiedi fuq 'restawr temporanju tal-ħtieġa ta' visa għal ċittadini tal-pajjiż terz konċernat',

E.  billi anki jekk intlaħqet reċiproċita ma' bosta pajjiżi terzi, dan għadu mhux il-każ ma' l-Istati Uniti, tant li fl-2006 il-Kummissjoni[3] pproponiet 'li jkun hemm restawr temporanju tal-ħtieġa għal visa għal ċittadini ta' l-Istati Uniti li għandhom passaporti diplomatiċi u uffiċjali/fuq xogħol, sabiex jitħaffef il-progress lejn ir-reċiproċita'; billi, madankollu, din il-proposta simbolika ma ġietx segwita mill-Kunsill,

F.  billi bosta Stati Membri komplew il-kuntatti bilaterali diretti tagħhom ma' l-amministrazzjoni ta' l-Istati Uniti minkejja l-kompetenza ċara tal-Komunita fil-kwistjoni,

G.  billi s-sitwazzjoni saret legalment kumplikata meta l-Istati Uniti, fit-3 ta' Awissu 2007, bil-ħruġ tat-Taqsima 711 tar-'Rakkomandazzjonijiet ta' Implimentazzjoni ta' l-Att tal-Kummissjoni 9/11 ta' l-2007', b'mod partikulari l-'Att ta' Sħubija ta' l-Ivvjaġġar Sigur u l-Kontro-Terroriżmu ta' l-2007'[4], irriformat is-sistema ta' eżenzjoni tal-visa billi żiedet seba' tkabbiriet[5] ta' sigurta fejn l-Istati Membri li xtaqu jkunu parti mill-programm għall-eżenzjoni tal-visa (VWP) kellhom jaqblu li jiffirmaw Memorandum ta' Ftehim (MoF) bilaterali kif ukoll ir-'regoli tiegħu ta' implimentazzjoni' li jorbtu,

H.  Billi, anki jekk il-kontenut ta' dawn l-hekk imsejħa 'regoli ta' implimentazzjoni' għadu mhux magħruf mill-istituzzjonijiet ta' l-UE, jidher ċar mill-MoUs li wħud mit-tkabbiriet il-ġodda ta' sigurta jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Komunita (bħalma huma dawk li jikkonċerna t-twassil tal-visa jew l-obbligi futuri komplementari ta' l-Assoċjazzjoni Ewropea għas-Sigurta tat-Trasport (ESTA)), uħud taħt il-kompetenza ta' l-UE (bħalma huma dawk dwar passaporti misruqa[6], dejta tal-PNR jew dejta tax-Schengen relatata mal-krimini), u t-tkabbiriet li jifdal jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva ta' kull Stat Membru (bħalma huma dawk marbutin mar-rekords kriminali taċ-ċittadini tiegħu jew dawk li jipprovdu għall-preżenza ta' marixxalli ta' l-ajru fuq titjiriet trans-atlantiċi),

I.  billi sabiex tiġi solvuta din il-kwistjoni u sabiex l-Istati Membri kollha jipparteċipaw fis-sistema riformata ta' l-Istati Uniti għall-eżenzjoni tal-visa fl-2009, fit-18 ta' April 2008 il-Kunsill iddeċieda dwar approċċ fuq żewġ livelli billi:

(a) jagħti lill-Kummissjoni mandat formali biex tinnegozja ma' l-Istati Uniti dwar il-kwistjonijiet Komunitarji relatati kollha u

(b) jadotta l-'linji l-ħomor' li l-Istati Membri għandhom jirrispettaw fid-djalogu tagħhom ma' l-Istati Uniti qabel il-konklużjoni tan-negozjati bejn il-Komunita Ewropea u l-Istati Uniti; dawn il-linji l-ħomor jagħtu sintesi ta' dak kollu li jaqa' taħt il-kompetenza tal-Komunita Ewropea u l-Istati Uniti u ta' dak li, peress li jaqa' taħt il-kompetenza nazzjonali, jista' jiġi negozjat b'mod bilaterali, u jagħmluha ċara li, sa fejn huma konċernati n-negozjati bilaterali, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta' koperazzjoni leali ma' l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-UE l-oħra kif stipulat fl-Artikolu 10 tat-Trattat KE u fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (C-105/03) fir-rigward ta' l-issodisfar ta' l-obbligi skond it-Trattat ta' l-UE,

J.  billi anki għal kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva ta' l-Istati Membri, il-prinċipju ta' koperazzjoni leali jista' jiġi mhedded permezz ta' ftehimiet bilaterali li jinkludu kundizzjonijiet differenti għall-għoti ta' stejtus ta' mingħajr visa lil xi Stati Membri, u dan jirriżulta fi trattament differenti ta' ċittadini bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-visa,

K.  billi, sabiex iċ-ċittadini jiġu mħarsa aħjar minn theddid terroristiku, għandha titjieb il-koperazzjoni trans-atlantika: (a) l-identifikazzjoni tat-theddida permezz ta' analiżi konġunta u skambju wiesa' ta' informazzjoni, inkluż l-iskambju ta' l-aħjar prattika, fil-qafas ta' miżuri stretti ta' protezzjoni tad-dejta, (b) koordinament fuq livell ta' l-UE u dak trans-atlantiku bejn l-infurzar tal-liġi u l-aġenziji ta' intelliġenza, filwaqt li dejjem jiġu rispettati s-supremazija tal-liġi, id-drittijiet fundamentali u l-privatezza, u (c) il-kapaċita operattiva permezz ta' koperazzjoni aktar mill-viċin bejn l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi u ta' l-intelliġenza ta' l-UE u ta' l-Istati Uniti, ibbażata fuq livell aktar fil-fond ta' fiduċja reċiproka, bjen l-aġenziji differenti u l-korpi involuti,

1.  Jikkunsidra li kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta bejn iċ-ċittadini Ewropej fuq il-bażi tan-nazzjonalita tagħhom għandha tiġi projbita mhux biss ġewwa l-Unjoni Ewropea, kif stipulat fl-Artikolu 12 tat-Trattat KE, iżda barra mill-Unjoni Ewropea wkoll, b'mod speċjali meta din id-diskriminazzjoni hija konsegwenza ta' nuqqas ta' koordinazzjoni fin-negozjati internazzjonali bejn l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri ta' l-UE;

2.  Jilqa' l-fatt li, għall-ewwel darba, l-Istati Uniti rrikonoxxiet il-kompetenza tal-Komunita li tinnegozja ftehimiet internazzjonali tal-politika dwar il-visa waqt it-Troika Ministerjali JHA fit-13 ta' Marzu 2008 billi qablet, f'dikjarazzjoni konġunta, li ssegwi approċċ fuq żewġ livelli; jinnota li d-dikjarazzjoni tinkludi dan il-kliem: 'dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet nazzjonali se jiġu diskussi ma' l-awtoritajiet nazzjonali filwaqt li dawk li jaqgħu taħt ir-responsabbilita ta' l-UE se jiġu diskussi ma' l-awtoritajiet ta' l-UE'; jikkunsidra li, b'konformita ma' din id-dikjarazzjoni, l-Istati Uniti minn issa għandha tinnegozja:

  • -mal-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' visa, kif diġa għamlet għat-trasport bl-ajru[7],
  • -mal-Kunsill dwar politiki ta' l-UE rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurta (il-Ftehima PNR jew il-Ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar estradizzjoni u assistenza legali reċiproka), u
  • -ma' l-Istati Membri dwar il-preżenza ta' marixxali ta' l-ajru dwar titjiriet trans-atlantiċi u dwar kwistjonijiet relatati mas-sigurta sakemm dawn ikunu relatati maċ-ċittadini tagħhom;

3.  Itenni li kwalunkwe ftehima li tidħol għaliha l-KE/UE għandha tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u mal-libertajiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat UE, inklużi d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta kif previst:

  • fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
  • fid-Direttiva 96/46/KE u r-regoli speċifiċi tal-liġi Komunitarja (u l-miżuri relatati ma' Schengen) meta jkun fir-riskju t-trasferiment lejn pajjiż terz,
  • fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa Nru 108 dwar il-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Dejta Personali u l-Protokoll Addizzjonali 181 għaliha li jirrigwarda l-awtoritajiet ta' sorveljanza u l-flussi tad-dejta bejn il-fruntieri;

4.  Jappoġġja l-mandat tal-Kunsill mogħti lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehima li tiżgura eżenzjonijiet ta' visa għaċ-ċittadini ta' l-UE li jidħlu fit-territorju ta' l-Istati Uniti, bħal dawk li diġà japplikaw għaċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti li jidħlu fit-territorju ta' l-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat parlamentari kompetenti wara kull laqgħa ta' negozjazzjoni (jekk ikun hemm bżonn, fuq bażi kunfidenzjali);

5.  Jikkunsidra li n-negozjati għandhom ikunu konklużi qabel Ġunju 2009 u li, sa dakinhar, m'għandha tkun permessa l-ebda diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini ta' l-UE;

6.  Jaqsam il-fehma li l-"linji l-ħomor" tal-Kunsill għandhom ikunu segwiti mill-Istati Membri[8] skond il-prinċipji ta' koperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 tat-Trattat KE u applikabbli wkoll, skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja (C-105/03 jew il-kawża AETR (22/70)), fir-rigward tat-twettiq ta' l-obbligi ddikjarati fit-Trattat KE; jenfasizza, b'mod partikulari, il-fatt li:

  • l-parteċipazzjoni fil-VWP għandha kemm jista' jkun malajr toħloq l-istess drittijiet għaċ-ċittadini kollha ta' l-Istati Membri, skond l-istess kundizzjonijiet, f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-istejtus tal-passaporti tagħhom;
  • kull aċċess għall-Istati Unit għad-databases jew is-sistemi ta' informazzjoni ta' l-UE/KE għandu jkun projbit sakemm ma jkunx permess espliċitament mil-liġi tal-KE, u, jekk dan ikun minnu, għandu jkun hemm qbil komuni għalih mill-UE u jkun ibbażat fuq ir-rispett sħiħ għall-prinċipju ta' reċiproċità;
  • kull estensjoni ta' l-irrapurtar ta' dejta lill-Interpol dwar passaporti mitlufin jew misruqa għandu jkun hemm qbil komuni għaliha mill-UE;
  • is-sigurtà ta' l-ajruporti bi qbil ma' l-istandards ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Avjazzjoni Ċivili hi garantita biżżejjed mir-regoli eżistenti tal-KE (jista' jkun hemm qbil għal spezzjonijiet mill-Istati Uniti meta jkun hemm titjiriet diretti bejn ajruporti fit-territorju ta' l-UE u l-Istati Uniti);
  • kull ftehima formali dwar ir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini ta' l-UE għandha tkun aċċettabbli biss fuq il-bażi ta' reċiproċità, u għandha tkun negozjata u konkluża bejn il-KE u l-Istati Uniti;
  • obbligi relatati mal-possibilità li tiġi introdotta sistema elettronika għall-awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġjar għaċ-ċittadini ta' l-Istati Uniti li qed jivvjaġġjaw lejn l-UE għandhom ikunu negozjati mill-KE;

7.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, lill-Kungress ta' l-Istati Uniti u lis-Segretarju ta’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerka għas-Sigurtà tal-Pajjiż.