Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0278/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0278/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

28.5.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Marie Anne Isler Béguin u Cem Özdemir
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Ġeorġja

Proċedura : 2008/2574(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0278/2008
Testi mressqa :
B6-0278/2008
Testi adottati :

B6‑0278/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ġeorġja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja u, b'mod partikulari, dawk ta' Ottubru 2006 u tad-29 ta’ Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-15 ta’ Novembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat approvat mill-Kunsill ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' April 2008 li tappoġġja l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u li testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tan-NU fil-Ġeorġja (UNOMIG) sal-15 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Ġeorġja fid-29-30 ta’ April 2008,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tat-18 ta’ April u tat-2 ta’ Mejju 2008 mill-Presidenza f’isem l-UE dwar iż-żieda fit-tensjoni bejn il-Ġeorġja u r-Russja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja tat-22 ta’ Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-26 ta’ Mejju ta’ l-investigazzjoni tal-Missjoni ta’ Osservazzjoni tan-NU fil-Ġeorġja dwar it-twaqqigħ ta’ ajruplan Ġeorġjan bla ekwipaġġ,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar il-Ġeorġja tas-26 ta’ Mejju 2008 tal-Kunsill ta’ l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi f’April 2008 l-ex President Russu Vladimir Putin ta istruzzjonijiet lill-ministeri Russi u lil aġenziji oħra ta' l-istat biex jistabbilixxu relazzjonijiet uffiċjali ma' aġenziji simili fir-repubbliki seċessjonisti Ġeorġjani ta' l-Abkażja u ta' l-Ossezja tan-Nofsinhar, bil-għan ukoll li jiġu żviluppati proposti oħra dwar direzzjoni konkreta ta' aktar interazzjoni favur l-iżvilupp soċjoekonomiku ta' dawn ir-repubbliki kif ukoll tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-popolazzjoni li tgħix hemm, inklużi ċ-ċittadini Russi,

B.  billi fil-bidu ta’ Mejju 2008 l-Ministeru Russu għad-Difiża ħabbar iż-żieda unilaterali ta’ l-għadd ta’ forzi taż-żamma tal-paċi fl-Abkażja; billi r-rappreżentanti Russi ħabbru li l-għadd ta’ truppi tal-battaljun Russu fl-Ossezja tan-Nofsinhar jista’ jiżdied,

C.  billi fl-20 ta’ April 2008 inġenju ta’ l-ajru Ġeorġjan bla armi u bla ekwipaġġ twaqqa’ minn ajruplan tal-ġlied Russu fl-Abkażja; billi, skond l-awtoritajiet ta’ l-Abkażja de facto, twaqqgħu żewġ ajruplani oħra Ġeorġjani bla pilota fil-ġimgħat ta’ wara,

D.  billi minn Ottubru ta’ l-2007 ma sarux laqgħat uffiċjali ta’ livell għoli bejn rappreżentanti Ġeorġjani u ta’ l-Abkażja taħt il-patroċinju tan-NU; billi tressqu proposti ġodda mill-awtoritajiet Ġeorġjani għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt, inklużi rappreżentanza politika wiesgħa fl-ogħla livell tal-gvern Ġeorġjan, l-għoti ta’ drittijiet ta’ veto fuq il-leġiżlazzjoni kollha ewlenija marbuta ma’ l-Abkażja, u garanziji internazzjonali biex ikun żgurat federaliżmu wiesa’ u awtonomija u sigurtà bla limitu,

E.  billi l-Ġeorġja ħadet passi uffiċjali li jitolbu r-reviżjoni tal-format attwali għaż-żamma tal-paċi jew is-sostituzzjoni tal-kontinġent Russu għaż-żamma tal-paċi li bħalissa qiegħed fl-Abkażja,

F.  billi fil-15 ta’ Mejju 2008 l-Assemblea Ġenerali tan-NU għaddiet riżoluzzjoni li titlob progress fir-ritorn fl-Abkażja tal-persuni spustati internament u li tħeġġeġ lill-pajjiżi kollha biex ma jibqgħux jixtru beni fit-territorju ta’ l-Abkażja,

G.  billi l-awtoritajiet ta’ Tbilisi ssospendew taħditiet bilaterali ma’ Moska dwar l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO bħala protesta għad-deċiżjoni tar-Russja li żżid il-koperazzjoni mar-repubbliki ta’ l-Abkażja u ta’ l-Ossezja tan-Nofsinhar li pproklamaw lilhom infushom bħala tali; billi l-projbizzjoni Russa fuq l-importazzjoni ta’ nbid u prodotti agrikoli Ġeorġjani għadha fis-seħħ,

H.  billi, minkejja l-isforzi li saru biex l-elezzjonijiet Ġeorġjani jsiru skond standards internazzjonali, il-Missjoni Internazzjonali ta’ Osservazzjoni għall-elezzjonijiet parlamentari tal-Ġeorġja tal-21 ta’ Mejju 2008 identifikat xi problemi li jagħmlu l-implimentazzjoni inugwali u inkompleta,

I.  billi għandu jsir kull sforz min-naħa ta' l-UE sabiex tgħin lill-Ġeorġja tkompli bil-pass tagħha ta’ riforma u biex tiżviluppa demokrazija li taħdem bis-sħiħ; billi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jagħti l-opportunità lill-Ġeorġja li toqrob lejn l-UE u tħaddan u taqsam il-valuri stabbiliti,

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu minħabba li s-sitwazzjoni fl-Abkażja marret għall-agħar, u jistieden lil-partijiet kollha biex ma jiħdux azzjonijiet li jistgħu jkomplu jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni; jitlob sforzi internazzjonali mġedda biex il-partijiet jerġgħu jibdew jiddjalogaw u biex jinbeda mill-ġdid il-proċess ta’ paċi bil-għan li tinstab soluzzjoni dewwiema u komprensiva;

2.  Jiddeplora d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet ta’ Moska li jistabbilixxu relazzjonijiet uffiċjali ma’ l-awtoritajiet de facto tar-rebubbliki seċessjonisti Ġeorġjani kif ukoll id-deċiżjoni unilaterali li jiżdied l-għadd ta’ truppi Russi għaż-żamma tal-paċi fl-Abkażja, fatt li aggrava s-sitwazzjoni diġà mqanqla;

3.  Jirrijafferma l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja, u jistieden lill-awtoritajiet Russi biex jirrispettaw bis-sħiħ is-sovranità ta' dak il-pajjiż fi ħdan il-fruntieri tiegħu rikonoxxuti b'mod internazzjonali;

4.  Huwa tal-fehma li l-format attwali għaż-żamma tal-paċi jrid jiġi rivedut, peress li t-truppi Russi m'għadx għandhom l-irwol ta' forza newtrali u imparzjali għaż-żamma tal-paċi, u jitlob involviment akbar Ewropew fil-kunflitti kontinwi sabiex isir progress fil-proċessi ta' paċi;

5.  Jistieden, f’dan ir-rigward, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqajmu din il-kwistjoni b’insistenza ma’ l-awtoritajiet Russi fis-samit li se jsir bejn l-UE u r-Russja u waqt in-negozjati dwar ftehima ta’ sħubija ġdida u msaħħa, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi biex ma jopponux missjoni eventwali ta’ l-ESDP fir-reġjun, inkluża preżenza ta’ l-UE f’operazzjonijiet għaż-żamma tal-paċi kemm ċivili kif ukoll militari;

6.  Iħeġġeġ lill-Kunsill, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni u lill-mibgħut speċjali tiegħu għall-Kawkasu tan-nofsinhar biex jagħmlu kull sforz sabiex jikkontribwixxu biex jitħaffef id-djalogu bejn il-partijiet, biex titnaqqas it-tensjoni u biex jerġa' jkun hemm fiduċja reċiproka;

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, fir-rigward ta’ l-elezzjonijiet tal-21 ta’ Mejju, il-ġurnata ta’ l-elezzjoni kienet il-biċċa l-kbira kalma u evalwata b’mod pożittiv u li sar progress sostanzjali mill-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Jannar ’l hawn;

8.  Jenfasizza, madankollu, li jridu jsiru aktar sforzi b’aktar koperazzjoni mal-komunità internazzjonali sabiex wieħed jaffronta u jsib tarf tal-problemi kollha misjuba fil-proċess elettorali minħabba l-implimentazzjoni inkonsistenti u inkompleta ta’ l-istandards ta’ l-OSCE u tal-Kunsill ta’ l-Ewropa kif ukoll biex jittejbu u jissaħħu l-kisbiet demokratiċi tal-Ġeorġja;

9.  Jinnota r-riżultati finali u jistieden lill-partiti tal-maġġoranza u ta’ l-oppożizzjoni biex jibdew djalogu sostanzjali, kostruttiv u responsabbli sabiex jaffrontaw sewwa l-ħafna sfidi li l-Ġeorġja qed tiffaċċja llum;

10.  Itenni l-istedina tiegħu biex ir-Russja tneħħi l-projbizzjoni inġusta fuq l-importazzjoni tal-prodotti agrikoli tal-Ġeorġja, li ġiet infurzata kważi sentejn ilu;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew negozjati mill-aktar fis possibbli dwar il-ftehimiet bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar ir-rijammissjoni u t-tħaffif tal-ħruġ tal-viżi, sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini tal-Ġeorġja ma jkunux żvantaġġjati meta mqabbla ma’ dawk li għandhom passaporti Russi fir-reġjuni separatisti ta’ l-Abkażja u ta’ l-Ossezja tan-Nofsinhar;

12.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’ Sottokumitat għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà bejn l-UE u l-Ġeorġja, bil-għan li jiżdied id-djalogu bilaterali u li jkun implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat;

13.  Jappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Ġeorġja lejn integrazzjoni eqreb ma’ l-Unjoni Ewropea; f’dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kunsill biex jiffinalizza mandat għall-Kummissjoni sabiex tibda negozjati mal-Ġeorġja dwar ftehima wiesgħa u komprensiva dwar il-kummerċ ħieles;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lill-OSCE, lill-Kunsill ta' l-Ewropa, u lill-President u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.