MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
28.5.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Adam Bielan, Ryszard Czarnecki, Hanna Foltyn-Kubicka u Konrad Szymański
f'isem il-Grupp UEN
dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi
B6‑0280/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Transatlantika dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti ta' l-1990 u l-Aġenda Transatlantika l-Ġdida (ATĠ) ta' l-1995,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-16 u s-17 ta’ Diċembru 2004 u b’mod partikulari t-taqsimiet intitolati ‘Ordni internazzjonali bbażat fuq multilateraliżmu effettiv’ u ‘Naħdmu ma’ l-imsieħba’,
– wara li kkunsidra l-eżitu tas-Samit bejn l-UE u l-Istati Uniti li sar fit-30 ta’ April 2007 f’Washington DC,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi, b’mod partikulari ż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu ta' l-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-qafas ta' Ftehina ta' Sħubija Transatlantika u dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi transatlantiċi bejn l-UE u l-Istati Uniti, kif ukoll ir-riżoluzzjoni konġunta tat-13 ta' Jannar 2005 dwar ir-relazzjonijiet transatlantiċi,
– wara li kkunsidra l-Ftehima dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti, li daħlet fis-seħħ fit-28 ta' Marzu 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Investiment Miftuħ bejn l-UE u l-Istati Uniti,
– wara li kkunsidra s-Samit li se jsir fl-10 ta’ Ġunju bejn l-UE u l-Istati Uniti f’Ljubljana,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi s-sħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija bbażata fuq il-valuri komuni tal-libertà, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u billi dawn il-valuri jippermettu u jappoġġjaw l-ekonomiji, is-sigurtà u l-istabiltà fiz-zona Ewro-Atlantika,
B. billi l-koperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija l-mutur ta’ l-ekonomija dinjija, li tammonta għal 40% tal-kummerċ dinji, u tippromwovi t-tkabbir u l-innovazzjoni fid-dinja kollha għall-benefiċċju ta’ kulħadd,
C. billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom rwol ewlieni fil-politika u fl-ekonomija dinjija u għandhom responsabiltà komuni biex jippromwovu l-paċi, id-demokrazija u l-istabiltà fid-dinja, li qed tiffaċċja sfidi ġodda sinifikanti kemm politiċi kif ukoll ekonomiċi,
D. billi, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, jeħtieġ li tkun enfasizzata l-importanza li l-liġi internazzjonali u t-trattati li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, jiġu rrispettati għalkollox,
E. billi d-dħul fis-seħħ tal-ftehima dwar l-avjazzjoni internazzjonali bejn l-UE u l-Istati Uniti huwa biss l-ewwel stadju ta’ Ftehima “Smewwiet Miftuħa” usa’ u billi fil-15 ta’ Mejju bdew in-negozjati f’Lubljana għat-tieni stadju ta’ ftehima bħal din,
F. billi l-promozzjoni ta’ politika dwar l-investiment miftuħ isservi bħala mezz biex jitfasslu l-politiki, jiġu ffaċċjati sfidi ġodda u biex ikun hemm interazzjoni ma' l-imsieħba fid-dinja kollha,
1. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-progress li sar fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti u l-koperazzjoni akbar fir-rigward tal-politka barranija transatlantika; jaf, madankollu, li f’diversi oqsma tal-politika, bħal dawk li jirrigwardaw il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Protokoll ta’ Kjoto dwar il-Bidla fil-Klima, għad hemm opinjonijiet differenti dwar l-analiżi, id-djanjostika u l-approċċ politiku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; jittama li l-President li jmiss ta’ l-Istati Uniti jinkariga lill-Amministrazzjoni tiegħu biex issolvi dawn il-problemi;
2. Jenfasizza l-ħtieġa ta’ koperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-proliferazzjoni ta’ armi għall-qerda tal-massa u jenfasizza l-ħtieġa li ż-żewġ naħat jappoġġjaw l-irwol li jrid ikolha n-NU f’dawn l-oqsma; għaldaqstant, jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn taż-żewġ naħat biex isibu reazzjoni globali effettiva għat-theddidiet ewlenin għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali minħabba l-proliferazzjoni ta’ l-armi għall-qerda tal-massa u tas-sistemi biex dawn l-armi jintużaw, kif ukoll minħabba l-esportazzjoni u l-proliferazzjoni irresponsabbli ta’ armi konvenzjonali, inklużi armi żgħar u armi ħfief;
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, il-koperazzjoni kbira bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-kwistjoni nukleari ta’ l-Iran li wasslet fit-3 ta’ Marzu 2008, għall-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1803 mill-UNSC li timponi sanzjonijiet ġodda fuq l-Iran u jinkuraġġixxi liż-żewġ imsieħba biex ikomplu jsaħħu l-IAEA u biex iwaqqfu sistema komprensiva ta’ ftehimiet internazzjonali dwar in-non-proliferazzjoni ta’ armi għall-qerda tal-massa sabiex flimkien isaħħu t-Trattat dwar in-Non-Proliferazzjoni;
4. Itenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Politika Barranija u ta’ Sigurtà Komuni għandha titqies bħala komplementari għall-istrumenti attwali ta' koperazzjoni transatlantika u mhux li qed tikkompeti magħhom, u jtenni li n-NATO hija garanti tas-sigurtà Ewropea u għandha tiżviluppa wkoll bħala forum ta’ dibattitu politiku bejn iż-żewġ imsieħba;
5. Jemmen li l-Istati Uniti għandha tibqa’ tiddiskuti u tfisser is-sistema ppjanata tagħha ta’ difiża bil-missili fi ħdan in-NATO, sabiex l-Alleanza u l-Ewropea jkunu jistgħu jibqgħu magħqudin u jirreżistu pressjoni barranija; jirrikonoxxi l-kontribut sostanzjali għall-protezzjoni ta’ l-UE minn missili ballistiċi li jwasslu distanzi twal li għandu jingħata mill-użu ppjanat ta’ mezzi Amerikani għad-difiża bil-missili bbażati fl-Ewropa; jilqa’ b’sodisfazzjon li s-Samit tan-NATO f’Bukarest aċċetta l-pjanijiet ta’ l-Istati Uniti kif ukoll id-deċiżjoni tagħha li testendi s-sistema għal zoni fl-Ewropa li ma jkunux koperti mill-pjanijiet attwali ta’ l-Istati Uniti;
6. Iqis li hemm il-kundizzjonijiet kollha għat-tisħiħ sostanzjali tar-relazzjonijiet transatlantiċi, iżda jenfasizza li tinħtieġ aktar ħidma sabiex dawn ir-relazzjonijiet jissarrfu f’kunċett operattiv u strateġiku li jista’ jiġbor biżżejjed appoġġ pubbliku u politiku; għalhekk, jenfasizza l-ħtieġa ta’ parteċipazzjoni sħiħa mill-Kungress ta’ l-Istati Uniti u tal-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;
7. Jistieden liż-żewġ imsieħba biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom dwar l-enerġija, bil-għan li tiġi promossa l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ l-enerġija, biex jagħmlu ħilithom sabiex jitwaqqaf suq dinji ta’ l-enerġija stabbli u prevedibbli bbażat fuq regoli tas-suq kif ukoll sabiex jippruvaw idaħħlu dispożizzjonijiet li jiggvernaw il-kummerċ ta’ l-enerġija fir-regolamenti tad-WTO;
8. Jistieden lill-imsieħba Ewropej u Amerikani biex fir-relazzjonijiet ekonomiċi tagħhom, iqisu l-irwol u l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-oqsma kulturali u edukattivi;
9. Jistieden lill-Istati Uniti biex tirrevoka s-sistema tal-viżi minnufih u biex tittratta liċ-ċittadini kollha ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE bl-istess mod, fuq il-bażi ta’ reċiproċità sħiħa; f’dan ir-rigward, jilqa’ b’sodisfazzjon il-bidu ta’ taħditiet bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar it-talbiet il-ġodda tagħha dwar is-sigurtà biex titwaqqaf sistema bla ħtieġa ta’ viżi;
10. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-dħul fis-seħħ tal-Ftehima “Smewwiet Miftuħa” li lliberalizzat is-servizzi bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, filwaqt li tneħħew il-limiti kollha fuq ir-rotot, il-prezzijiet u l-għadd ta' titjiriet; iqis, madankollu, li t-tlestija ta' Zona Miftuħa ta' l-Avjazzjoni hija objettiv ewlieni, billi din iz-zona tinkludi swieq li bejniethom kellhom aktar minn biljun passiġġier ta’ l-ajru kull sena u aktar minn 50% tat-traffiku dinji ta’ l-avjazzjoni;
11. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn konġunt dwar il-politiki ta’ investiment miftuħ bil-għan li jitwaqqaf ambjent ta’ l-investiment wiesa’ u produttiv b’benefiċċji evidenti għall-kumpaniji taż-żewġ partijiet u konsegwentement għat-tkabbir u l-iżvilupp dinji;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika.