MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
28.5.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano, Carlos Carnero González and Véronique De Keyser
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0281/2008
B6‑0288/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Proċess ta’ Barċellona: Unjoni għall-Mediterran
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata fil-Konferenza Ewro-Mediterranja tas-27-28 ta' Novembru 1995 u li tistabbilixxi Sħubija Ewro-Mediterranja,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran (COM(2008)319),
– wara li kkunsidra l-konferma mill-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Marzu 2008 dwar il-prinċipju li jwaqqaf il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-Presidenza ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA), kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-EMPA adottati fir-raba' sessjoni plenarja tagħha f’Ateni fit-28 ta' Marzu 2008,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa Ewro-Mediterranja tal-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tat-2-3 ta' Diċembru 2003 f'Napli u tal-5-6 ta' Novembru 2007 f'Liżbona,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP) (COM(2006)0726),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit Ewro-Mediterranju li sar f'Barċellona fis-27-28 ta' Novembru 2005 biex ifakkar l-għaxar anniversarju tas-Sħubija Ewro-Mediterranja,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' qabel dwar il-Politika Mediterranja ta' l-Unjoni Ewropea, partikolarment ir-riżoluzzjoni tal-15 ta' Marzu 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-reġjun tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani huma ta' importanza strateġika għall-UE u billi hemm il-ħtieġa ta' politika Mediterranja bbażata fuq is-solidarjetá, id-djalogu, il-koperazzjoni u l-iskambju, bil-għan li jingħelbu sfidi komuni u jintlaħqu l-għanijiet li jwasslu għal zona ta' paċi, stabilitá u prosperitá kondiviża,
B. billi, fis-samit kostituttiv tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran tat-13 ta' Lulju 2008 f'Pariġi, għandhom jiġu stabbiliti linji gwida ċari biex jissaħħu r-relazzjonijiet multilaterali ta' l-UE ma' l-imsieħba Mediterranji, kif ukoll li jkunu msaħħa l-metodi tax-xogħol u jiżdied il-qsim tar-responsabilitajiet,
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran u jikkondividi l-għan ta' din l-inizjattiva ġdida li se tagħti impetu politiku u prattiku ġdid lir-relazzjonijiet multilaterali ta' l-UE ma' l-imsieħba Mediterranji, billi ttejjeb il-livell politiku ta' dawn ir-relazzjonijiet, permezz ta' qsim akbar tal-pussess u ta' tisħiħ tal-qsim tar-responsabilitajiet, kif ukoll billi tiżviluppa proġetti reġjonali li jirrispondu għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini fir-reġjun;
2. Jikkondividi l-idea li l-Proċess ta' Barċellona jeħtieġ jissaħħaħ, li għandu jibqa' element ċentrali fil-koperazzjoni ta' l-UE mar-reġjun tal-Mediterran bħala l-uniku forum li fih l-imsieħba Mediterranji kollha huma membri; iqis id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona, l-objettivi u l-oqsma ta' koperazzjoni tagħha bħala ċ-ċentru ta' dawn ir-relazzjonijiet; jittama li l-inizjattiva l-ġdida tibni fuq il-kisbiet tas-Sħubija Ewro-Mediterranja, waqt li ġġib valur miżjud lill-proċess;
3. Jappoġġja bis-sħiħ l-iżvilupp propost tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran bħala konsolidament taz-zona Ewro-Mediterranja bbażata fuq prinċipji demokratiċi u rispett għall-istat tad-dritt, li għandu jwassal għal sħubija b'saħħitha fil-politika barranija u ta' sigurtá, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u jikkontribwixxu biex tinstab soluzzjoni għall-konflitt tal-Lvant Nofsani;
4. Jassigura d-disponibilitá tiegħu biex jikkopera fit-twaqqif ta' qafas istituzzjonali għall-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran; jinsisti, li bħala driegħ ta' l-awtoritá baġitarja ta' l-UE, ikun imsejjaħ biex jipparteċipa sabiex jiggarantixxi s-suċċess tal-qafas il-ġdid u tal-proġetti relattivi tiegħu;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf ko-presidenza tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran f'livell ta' kapijiet ta' stat u ministri ta' l-affarijiet barranin, waqt li jirrikonoxxi li dan iżid il-pussess konġunt tal-koperazzjoni Ewro-Mediteranja; jenfasizza li fergħa tan-Nofsinhar tal-Presidenza għandha tkun nominata b'konsensus mill-imsieħba Mediterranji u li l-pajjiż li jkollu l-presidenza għandu jistieden lill-istati li qed jipparteċipaw fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran għal samits u laqgħat ministerjali; iqis li s-segretarjat propost għas-sħubija msaħħa m'għandux ikun la burokrazija ġdida u lanqas ma għandu jkun duplikazzjoni ta' strutturi eżistenti;
6. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħmlu evalwazzjoni urġenti ta' l-implikazzjonijiet istituzzjonali u legali ta' din l-inizjattivi ġdida importanti, l-aktar fir-relazzjoni mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Liżbona, il-koperazzjoni msaħħa u l-ħolqien ta' servizz estern ta' l-UE;
7. Hu ta' l-opinjoni li l-istrutturi istituzzjonali preżenti tal-Proċess ta' Barċellona għandhom ikunu preservati u msaħħa u li d-djalogi politiċi, ekonomiċi u kulturali, li huma karatteristiċi fundamentali tar-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji għandhom ikunu msaħħa aktar;
8. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet ma' l-imsieħba Mediterranji ta' l-UE fuq livell politiku bl-organizzazzjoni ta' laqgħat ta' livell għoli kull sentejn fil-qafas tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran bil-għan li jkunu adottati d-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet politiċi dwar il-programmi u l-proġetti ewlenin li se jkunu żviluppati f'livell reġjonali;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li twaqqaf Kumitat Permanenti Konġunt, ibbażat fi Brussell, ta' rappreżentanti nominati mill-parteċipanti kollha fil-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, li jista' jkollu rwol importanti biex titjieb it-tmexxija istituzzjonali;
10. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-irwol ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja (EMPA) li għandha ssir parti integrali mill-qafas istituzzjonali tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran, bħala d-dimensjoni parlamentari tiegħu; jenfasizza l-fatt li t-tisħiħ tal-leġittimitá demokratika hi meħtieġa, flimkien mat-tisħiħ ta' l-irwol ta' l-EMPA, li hi l-unika assemblea parlamentari li tgħaqqad is-27 Stat Membru ta' l-UE flimkien mal-partijiet involuti fil-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani; iqis li l-EMPA bħala entitá konsultattiva għandu jkollha d-dritt li tagħmel proposti u evalwazzjonijiet;
11. Itenni li l-iżvilupp tad-demokrazija għandu jintlaħaq billi jkunu appoġġjati r-riformi politiċi u jisħaq li l-kredibilitá tal-politika Ewropea ta' demokratizzazzjoni u ta' l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jiddependu minn appoġġ b'saħħtu u viżibbli għas-soċjetajiet ċivili u għall organizzazzjonijiet politiċi demokratiċi fix-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran; isejjaħ biex ikun hemm involviment qawwi mis-soċjetá ċivili u mir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali fil-qafas istituzzjonali tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni sabiex issaħħaħ l-isforzi biex jitwaqqfu "sotto-kumitati għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem" ma' l-imsieħba Mediterranji kollha, skond il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji, u jistieden ukoll lill-pajjiżi msieħba sabiex iżommu l-impenji tagħhom f'dan ir-rigward, speċjalment dwar każi individwali, u sabiex jimplimentaw il-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Jafferma li t-tnedija mill-ġdid tas-sħubija UE-Mediterran hi neċessitá politika sabiex tinbena alleanza strateġika u jisħaq li jkun f'waqtu li jkunu segwiti l-prinċipji ta' parteċipazzjoni, ta' sħubija ugwali u ta' azzjoni flimkien fir-rigward tal-kisbiet fl-oqsma kollha ta' koperazzjoni;
13. Jirrimarka li l-firxa ta' koperazzjoni UE-Mediterran għandha tiġi estiża wkoll għall-istati l-oħra tal-kosta tal-Mediterran u jenfasizza li l-identitá sħiħa Mediterranja teħtieġ li tkun rikonoxxuta b'mod sħiħ;
14. Jenfasizza li s-sħubija UE-Mediterran ma tistax tiffoka biss fuq kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali; ifakkar li t-tliet pilastri ta' Barċellona għandhom rabta mill-qrib ma' xulxin; ifakkar li t-tielet pilastru kien maħsub biex jikkontribwixxi għall-"paċi, stabilitá u prosperitá" u li l-Karta għall-Paċi u Stabilitá ppjanata ma' għamlitx progress sinifikattiv; jenfasizza li l-objettiv għall-ħolqien ta' zona ta' kummerċ ħieles u l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ m'humiex għanijiet fihom infushom imma għandhom ikunu akkumpanjati mit-tisħiħ ta' koperazzjoni reġjonali kif ukoll minn integrazzjoni soċjali u ambjentali;
15. Ifakkar li l-politiki ekonomiċi għandhom ikunu evalwati mhux biss f'termini tal-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir, imma wkoll f'termini tan-numru ta' impjiegi li joħolqu, fil-kontribuzzjoni tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar u għall-iżvilupp ta' zoni foqra;
16. Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' aktar appoġġ mill-UE għall-programmi ta' l-istati msieħba Mediterranji bil-għan li jkun faċilitat it-twaqqif ta' klima favorevoli għal aktar investiment u biex ikunu nkoraġġiti ż-żgħażagħ ħalli jibdew impriżi żgħar, kif ukoll li jkun faċilitat l-aċċess għall-mikro-kreditu; f'dan ir-rigward, l-appoġġ tal-FEMIP għandu jiżdied, u jinkludi kampanji ta' informazzjoni;
17. Ifakkar fil-proposti tiegħu dwar il-ħolqien ta' Bank ta' Investiment u ta' Żvilupp Ewro-Mediterranju li jkun kapaċi jattira investiment barrani dirett, li hu nieqes fir-reġjun ta' l-UE-Mediterran u jirrimarka li l-parteċipazzjoni mill-Istati tal-Golf, bħala l-ewwel investituri fir-reġjun, tista' tikkontribwixxi għat-twettiq ta' dan l-objettiv;
18. Jafferma l-importanza tal-konverġenza soċjo-ekonomika, kemm fil-livell nofsinhar- nofsinhar u kemm bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, kif ukoll fl-integrazzjoni ekonomika reġjonali bħala pre-rekwiżit biex ikun attirat aktar investiment u biex jiġu sfruttati l-benefiċċji kollha mill-koperazzjoni ekonomika, industrijali u istituzzjonali li l-imsieħba Ewro-Mediterranji impenjaw lilhom infushom għalihom;
19. Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar involviment fil-programmi reġjonali u użu aħjar ta' l-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENPI) minn aktar pajjiżi ta' l-UE kif ukoll il-promozzjoni sostenibbli ta' investiment b'potenzjal għoli fir-reġjun tal-Mediterran fi ħdan l-Unjoni Ewropea;
20. Jenfasizza l-fatt li l-agrikultura għandha rwol ċentrali fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-popolazzjonijiet rurali, fil-protezzjoni ta' l-ambjent, fit-tnaqqis ta' l-esodu rurali u ta' l-immigrazzjoni; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, li titħejja proposta dwar politika agrikola integrata UE-Mediterran imwaqqfa fuq il-kumplimentarjetá tal-produzzjoni tagħha u tal-katina tad-distribuzzjoni, kif ukoll fuq politika vijabbli għall-ilma u ċċentrata fuq il-ħtigijiet tas-sovranitá ta' l-ikel;
21. Jinsisti, fid-dawl tal-problema ta' żvilupp sostenibbli, u partikolarment hekk kif il-pajjiżi tan -nofsinhar u tal-lvant tal-Mediterran għaddejjin minn proċess ta' żvilupp mgħaġġel u dinamiku, li l-investiment ikun stimulat biex jgħin proġetti li jagħtu prijoritá lil sorsi ta' enerġija rinnovabbli u effiċjenti fl-użu ta' l-enerġija, waqt li jippermettu t-tnaqqis tal-gassijiet b'effett serra, jikkontribwixxu biex ikun hemm aċċess aħjar għall-ilma tax-xorb u jkun indirizzat b'mod effettiv it-tniġġis tal-Baħar Mediterran;
22. Jirrikonoxxi l-irwol tal-migranti fl-iżvilupp tal-pajjiż tagħhom, u jitlob biex ikun faċilitat l-investiment tagħhom f'dawk il-pajjiżi u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasferimenti; jenfasizza l-importanza li jkunu promossi l-opportunitajiet ta' immigrazzjoni legali, u li jkun faċilitat il-moviment legali għaliex dan jikkostitwixxi opportunitá għat-tkabbir ekonomiku u jfisser titjib fil-kummerċ bejn il-pajjiżi fuq iż-żewġt ixtut; isejjaħ biex tkun imsaħħa l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi konċernati, bil-parteċipazzjoni ta' l-istituzzjonijiet Ewropej, partikolarment tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex tintlaħaq il-konverġenza fl-għola livell possibbli bejn l-iskemi tal-pensjoni, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u drittijiet soċjali oħra għall-ħaddiema migranti;
23. Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jissaħħaħ l-istejtus tan-nisa fir-reġjun tal-Mediterran permezz ta' politiki li jagħtu rwol importanti lin-nisa fis-soċjetajiet tagħhom u billi tkun promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza li r-rispett għat-tradizzjonijiet u d-drawwiet m'għandux ikun għad-detriment tad-drittijiet fundamentali tagħhom;
24. Jenfasizza li l-kultura għandha wkoll tkun rikonoxxuta bħala fattur ekonomiku u bħala strument ta' integrazzjoni soċjali u jenfasizza l-importanza li jkunu żviluppati, flimkien ma' proġetti ekonomiċi diġá mfassla, proġetti ta' koperazzjoni kulturali u partikolarment żieda fil-programmi ta' skambji għaż-żgħażagħ fir-reġjun;
25. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun proposta sensiela interessanti ta' programmi ta' koperazzjoni kulturali lill-imsieħba ta' l-UE fil-Mediterran permezz ta' użu aħjar ta' l-ERASMUS MUNDUS, l-Istrument tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u ta' l-Euromed Audiovisual II (2006-2008) li għandhom ikunu msaħħa u estiżi;
26. Jenfasizza l-aspetti importanti tal-koperazzjoni u ta' skambju kulturali fil-prevenzjoni tal-konflitt kif ukoll l-importanza tad-djalogu bejn il-kulturi u ċ-ċiviltajiet biex jinbnew pontijiet u jkunu inkoraġġiti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-paċi u l-istabilitá fejn jeżisti l-konflitt; iqis li l-acquis rappreżentat mill-Alleanza taċ-Ċiviltajiet taħt il-patroċinju tan-Nazzjonijiet Uniti jista' jikkontribwixxi biex jissaħħu l-valuri komuni u universali;
27. Jilqa' b'sodisfazzjon l-ispinta l-ġdida proposta mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni dwar il-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran dwar żvilupp akbar tal-programmi reġjonali ma' l-imsieħba Mediterranji; jaqbel dwar l-importanza li l-objettivi dwar aktar koeżjoni reġjonali, integrazzjoni ekonomika u żvilupp infrastrutturali jkunu segwiti mill-qrib;
28. Jenfasizza l-ħtieġa li l-proġetti tal-Proċess ta' Barċellona: Unjoni għall-Mediterran ikunu miftuħa għall-istati kollha ta' l-UE u għall-imsieħba tal-Mediterran li jixtiequ jipparteċipaw, speċjalment jekk għandhom interess dwar proġetti jew oqsma speċifiċi;
29. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma fuq bażi regolari lill-PE u lill-EMPA dwar l-iżvilupp ta' dawn il-proġetti reġjonali u biex tqis il-proposti u l-evalwazzjonijiet li tressqu f'livell parlamentari bil-għan li jikber il-profil tal-proċess u tiżdied il-kapaċitá ta' assorbiment u l-valur miżjud għaċ-ċittadini fir-reġjun;
30. Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri ta’ l-UE u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-istati tal-Proċess ta' Barċellona.