MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
28.5.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Marinus Wiersma, Hannes Swoboda u Adrian Severin
f'isem il-Grupp PSE
dwar is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja
B6‑0290/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Ġeorgja
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu dwar il-Ġeorġja f'Ottubru 2006 u f'Novembru 2007 u r-rizoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar it-tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1999,
– wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat approvata mill-Kunsill ta' Koperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja fl-14 ta' Novembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ENP tat-18 ta' Frar 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' April 2008 li tappoġġja l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u testendi l-mandat tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tan-NU fil-Ġeorġja sal-15 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Ġeorġja fid-29-30 ta’ April 2008,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tar-Relazzjonijiet Esterni tas-26 - 27 ta' Mejju 2008 dwar it-tensjoni bejn il-Ġeorġja u r-Russja,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tar-Riżultati Preliminari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni ta’ l-Elezzjonijiet fil-Ġeorġja fil-21 ta’ Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ biex issaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tagħha mal-Ġeorġja; billi l-Unjoni Ewropea għalhekk qed tappoġġja bis-sħiħ l-iżvilupp paċifiku u stabbli fil-Ġeorġja bħala stat indipendenti, l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u politiku fil-Ġeorġja, kif ukoll aktar żvilupp ta' l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħha, l-osservanza ta' l-istandards u l-proċeduri demokratiċi u r-rispett sħiħ ta' l-istat tad-dritt fil-pajjiż;
B. billi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Russu kkonferma fis-16 ta' April 2008 li l-Federazzjoni Russa ddeċidiet li żżid il-koperazzjoni ekonomika u umanitarja ma' l-awtoritajiet ta' l-Abkażja fl-Ossezja tan-Nofsinhar u li tistabbilixxi rabtiet legali eqreb u tneħħi sanzjonijiet kummerċjali mingħajr il-kunsens tal-gvern tal-Ġeorġja,
C. billi fl-20 ta' April twaqqa' ajruplan ta' sorveljanza bla pilot fuq l-Abkażja u l-Abkażja qed issosni li waqqgħet tnejn oħra minn wara dan l-incident; billi r-rapport reċenti tal-UNOMIG dwar l-inċident jindika li l-ajruplaj bla pilota ta' sorveljanza twaqqa' minn ajruplan Russu; billi dan ir-rapport jistqarr li l-Ġeorġja m'għandhiex tkompli tibgħat dawn l-ajruplani bla pilota fuq it-terrritorju ta' l-Abkażja,
D. billi r-Russja skjerat aktar truppi u poġġiet artillerija qawwija fl-Abkażja taħt l-awspiċju tal-missjoni ta' paċi tas-CIS u ħabbret l-intenzjoni tagħha li tistabbilixxi 15-il punt ta' kontroll ieħor tul il-linja amministrattiva tal-fruntiera;
E. billi l-awtoritajiet ta' l-Abkażja rrifjutaw inizjattiva ta' paċi mill-President Saakashvili li kellha l-iskop li jintlaħaq ftehim neguzjat għall-konflitt; billi skond din l-inizjattiva kien ġie offrut lill-Abkażja awtonomija wiesgħa bi skambju għar-rikonoxximent tat-tmexxija ta' Tbilisi, kif ukoll il-pożizzjoni ġdida ta' Viċi President tal-Ġeorġja kien se jingħata lill-uffiċjal ta' l-Abkażja li kien ikollu l-poter li juża l-veto fir-rigward ta' leġiżlazzjoni li tolqot lir-reġjun;
F. billi fil-15 ta' Mejju 2008 l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni li tappoġġja d-dritt li jirruturnaw fl-Abkażja mijiet ta' elef ta' refuġjati mill-Ġeorġja u persuni spustati li nqalgħu minn arthom minħabba l-gwerra,
G. billi l-għoti ta' ċittadinanza mir-Russja lil persuni mill-Abkażja u mill-Ossezja tan-Nofsinhar sabiex dawn ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ftehima EU-Russja għal faċilizzazzjoni tal-viżi qed ikompli jkun sors ta' frustrazzjoni għall-Ġeorġja minħabba li għad m'hemmx ftehima simili ma' l-UE,
H. billi, filwaqt li diġà hemm t-tensjonijiet rigward l-effett negattiv fuq l-ekonomija minħabba li għad hemm projbizzjoni mir-Russja ta' l-inbid mill-Ġeorġja u ta' prodotti agrikoli oħrajn, il-Ġeorġja heddet li timblokka l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO bħala protesta kontra d-deċiżjoni tar-Russja li żżid il-koperazzjoni tagħha mar-reġjuni separatisti,
I. billi minkejja l-progress sostanzjali u konkret li kien hemm sabiex titjib is-sistema elettorali tal-Ġeorġja u lejn l-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' proċeduri bi qbil ma' standards internazzjonali, kif saru l-elezzjonijiet parlamentari f'Mejju 2008 wera li għad hemm bosta problemi rigward l-iżvilupp demokartiku fil-Ġeorġja,
J. billi seħħew dimostrazzjonijiet pubbliċi li kienu organizzati mill-oppożizzjoni li oġġezzjonat għal kif saru l-elezzjonijiet parlamentari, u billi żewġ partiti ta' l-oppożizzjoni ddikjaraw li bħala protesta m'humiex se jieħdu posthom fil-parlament il-ġdid li għadu kif ġie elett,
K. billi l-Unjoni Ewropea tibqa’ impenjata biex tiżviluppa u ssaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet tagħha mal-Ġeorġja u tappoġġja r-riformi politiċi u ekonomiċi meħtieġa, miżuri li jistabbilixxu istituzzjonijiet demokratiċi effiċjenti u solidi u bi sforzi li jindirizzaw il-korruzzjoni biex b’hekk tinħoloq Ġeorġja paċifika u f’saħħitha ekonomikament li tista’ tikkontribwixxi għal stabilità fir-reġjun u fil-bqija ta’ l-Ewropa,
1. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ġrajjiet reċenti li ħolqu tensjonijiet serji fir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ġeorġja; jitlob liż-żewġ partijiet biex jimxu b'rażan, jimmoderaw l-istqarrijiet tagħhom u jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv sabiex inaqqsu dawn it-tensjonijiet u sabiex tinstab soluzzjoni għas-sitwazzjoni instabbli attwali;
2. Jiddispjaċiħ ħafna dwar id-deċiżjoni li ħadet ir-Russja li tistabbilixxi rabtiet legali ma' l-awtoritajiet ta' l-Abkażja, deċiżjoni li tista' tidher bħala għamla ta' rikonoxximent ta' awtodeterminazzjoni internazzjonali ta' dan ir-reġjun u ma tikkontribwixxix biex tinstab soluzzjoni paċifika għall-konflitt ta' l-Abkażja;
3. Huwa tal-fehma li d-deċiżjoni unilaterali li jiżdiedu n-numru ta' truppi għaż-żamma tal-paċi fl-Abkażja, anke jekk dan isir fi ħdan il-limiti internazzjonali miftiehma, ma kenitx deċiżjoni neċessarja fiċ-ċirkustanzi preżenti u għalhekk ħolqot tensjonijiet bejn il-Ġeorġja u r-Russja li b'xorti ħażina kabbru n-nuqqas ta' fiduċja u r-retorika taħraq bejn iż-żewġ stati;
4. Iqis li progress fil-Ġeorġja lejn demokrazija pluralistà u l-eliminazzjoni tad-defiċit demokratiku jkunu jistgħu jikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-"kunflitti ffriżati" fir-reġjun;
5. Iħeġġeġ lill-Ġeorġja sabiex twettaq politika barranija li timplimenta viżżjoni aktar ċara ta' relazzjonijiet ta' viċinat aktar produttivi;
6. Jappoġġja l-isforzi li saru sabiex jikkalmaw is-sitwazzjoni permezz ta' taħditiet bejn ir-Rappreżentant Għoli tas-CFSP, il-President Saakashvili u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Lavrov; iħeġġeġ lill-mibgħut speċjali tiegħu għall-Kawkasu t'Isfel sabiex isib mezz biex jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet kollha konċernati u biex jipprova jerġa' jkun hemm ċertu ammont ta' fiduċja reċiproka;
7. Jitlob lill-Kunsill biex iqajjem il-kwistjoni fis-Samit EU-Russja f'Ġunju;
8. Jappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-Ġeorġja li tħaffef il-proċess ta' integrazzjoni ma' l-Unjoni Ewropea;
9. Jinnota l-evalwazzjoni b'mod ġenerali pożittiva ta' l-elezzjonijiet parlamentari tal-21 ta' Mejju u dak li nstabt mill-Missjoni ta' Osservazzjoni ta' l-Elezzjonijiet li identifikat ċerti oqsma ta' l-implimentazzjoni bħala "diżugwali u mhux kompluti"; iħeġġeġ lill-gvern sabiex jagħmel aktar titjib biex jissolvew il-problemi li baqa';
10. Iħeġġeġ lill-gvern tal-Ġeorġja u lill-forzi ta' l-oppożizzjoni sabiex jaħdmu flimkien biex itejbu l-klima politika polarizzata sabiex tiġi stabbilita kultura politika tabilħaqq demokratika u sabiex tittejjeb il-fiduċja pubblika;
11. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu l-bidu tan-neguzjati dwar l-iskema għall-viżi EU-Ġeorġja sabiex jiġu konklużi fil-futur qarib mal-Ġeorġja l-ftehimiet dwar viżi u dwar id-dħul lura;
12. Jerġa' jtenni l-impenji tiegħu favur il-prinċipji tas-sovranità tal-Ġeorġja, l-indipendenza u l-integrità territorjali u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex ikomplu jagħmlu sforzi biex jappoġġjaw it-tfittxija għall-soluzzjoni paċifika u neguzjata għall-kunflitti ta' l-Ossezja tan-Nofsinhar u ta' l-Abkażja;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, lill-President u lill-Parlament tal-Ġeorġja, lill-OSCE, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-President u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.