MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
10.6.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Arlene McCarthy
f'isem il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
dwar l-erbgħin anniversarju ta’ l-Unjoni Doganali
B6‑0297/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-erbgħin anniversarju ta’ l-Unjoni Doganali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-adozzjoni reċenti tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 624/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm ta' azzjoni għad-dwana fil-Komunità (Dwana 2013),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija għall-evoluzzjoni ta' l-Unjoni Doganali (COM(2008)0169),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ta' Inkjesta tiegħu dwar is-Sistema ta’ Tranżitu Komunitarju (Jannar 1996 - Marzu 1997),
– wara li kkunsidra l-ftehima ta’ l-1997 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerka dwar il-koperazzjoni doganali u l-għajnuna reċiproka fi kwistjonijiet marbuta mad-dwana[2],
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma' l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-obbligi li jixbhu s-sħubija ad interim (COM(2007)0252),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Mejju 2008 dwar l-Unjoni Doganali,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar l-attivitajiet doganali Komunitarji dwar l-iffalsifikar u l-piraterija, ippubblikat mill-Kummissjoni fid-19 ta’ Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-1968 l-Unjoni Doganali kellha rwol kruċjali fil-preservazzjoni u l-iżvilupp tas-Suq Wieħed, filwaqt li ħolqot il-prosperità billi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu u kompetittiv ma’ l-Unjoni u fi ħdan l-Unjoni filwaqt li ħarset liċ-ċittadini tagħha,
B. billi l-eżistenza ta’ unjoni doganali tfisser in-nuqqas ta’ dazji fil-fruntieri interni bejn l-Istati Membri, dazji komuni fuq importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, regoli komuni ta’ l-oriġini għal prodotti minn pajjiżi terzi u definizzjoni komuni tal-valur ta’ merkanzija fid-dwana,
C. billi l-għan ta’ l-iżvilupp tal-liġi Komunitarja kien li jkun iggarantit li l-istess regoli japplikaw għall-prodotti kollha importati fl-UE,
D. billi l-awtoritajiet doganali ta’ l-UE għandhom rwol doppju, partikolarment li jiġbru t-taxxi u d-dazji fuq l-importazzjonijiet u li jissalvagwardjaw is-saħħa u s-sikurezza taċ-ċittadini fil-fruntieri esterni ta’ l-UE,
E. billi l-ewwel Kumitat ta’ Inkjesta tiegħu kkonċentra fuq kwistjonijiet doganali u diġà kkonkluda dan li ġej: ‘Sabiex l-operaturi ekonomiċi u l-biċċa l-kbir tal-pubbliku jingħataw il-fiduċja meħtieġa li l-ambjent kummerċjali tas-Suq Wieħed huwa protett b'mod xieraq, il-Kumitat ta’ Inkjesta kkonkluda li l-ħolqien ta’ qafas wieħed ta’ l-UE għas-servizzi doganali jrid ikun objettiv għall-futur imbiegħed ta’ l-UE’[3],
F. billi l-globalizzazzjoni wasslet għal żieda enormi tal-kummerċ internazzjonali u għall-iżvilupp ta’ tendenzi ġodda ta’ produzzjoni u tal-konsumaturi, iżda daħħlet ukoll theddid ġdid bħat-terroriżmu dinji, il-bidla fil-klima u l-kummerċ illeċitu,
G. billi t-tnaqqis tal-konformità u ta’ l-ispejjeż amministrattivi sar kwistjoni ewlenija fir-rigward ta’ amministrazzjoni effiċjenti u effettiva fl-UE,
L-evoluzzjoni ta’ l-Unjoni Doganali
1. Iqis li 40 sena ta’ l-Unjoni Doganali rrappreżentaw kisba sostanzjali u pprovdew benefiċċji għan-negozji u ċ-ċittadini ta’ l-UE;
2. Jafferma li l-awtoritajiet doganali, li huma responsabbli l-aktar għas-sorveljanza tal-kummerċ internazzjonali ta’ l-UE, għalhekk jikkontribwixxu biex ikun garantit kummerċ miftuħ u ġust, filwaqt li jiġu implimentati d-dimensjoni esterna tas-suq intern, il-politika kummerċjali komuni u politiki komuni oħra ta’ l-UE, kif ukoll biex tkun żgurata s-sigurtà tal-katina kollha tal-forniment;
3. Jirrikonoxxi li l-għan tal-miżuri li ttieħdu mill-awtoritajiet doganali huwa li jitħarsu l-interessi finanzjarji ta’ l-UE u ta’ l-Istati Membri tagħha, u li l-UE titħares kontra l-prattiki kummerċjali inġusti u illegali;
4. Jirrikonoxxi wkoll li l-għan tal-miżuri huwa li jkunu garantiti s-sikurezza u s-sigurtà ta’ l-UE u tar-residenti tagħha filwaqt li jitħares l-ambjent, kif ukoll li jinżamm bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jsiru kontrolli doganali u li jkun iffaċilitat il-kummerċ leġittimu bil-għan li tittejjeb il-kompetittività Ewropea;
5. Jifraħ lill-uffiċjali doganali, f’dan ir-rigward, għall-ħidma effettiva tagħhom fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar, li fl-2006 wasslet għall-qbid ta’ 128 miljun oġġett iffalsifikat;
6. Jilqa’ b’sodisfazzjon għalhekk, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata ‘Strateġija għall-evoluzzjoni ta’ l-Unjoni Doganali’, bil-għan li titfassal direzzjoni ċara għad-dwana fil-perjodu ta’ żmien bejn l-2013 u l-2019;
7. Jenfasizza li jeħtieġ li l-awtoritajiet doganali ta’ l-UE jantiċipaw kontinwament l-isfidi li ġejjin u li jiżviluppaw u jużaw ħiliet, teknoloġiji u metodi l-aktar moderni biex jiffaċilitaw u jikkontrollaw il-kummerċ bil-mod l-aktar effiċjenti u effettiv;
8. Jenfasizza l-importanza li pajjiżi kandidati jkunu konformi ma' l-istandards ta' l-UE fil-qasam tad-dwana u jirrikonoxxi l-għajnuna teknika lill-pajjiżi kandidati mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri;
It-tisħiħ tal-koperazzjoni
9. Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbira li saret waqt is-seminar li sar f'Saalfelden (l-Awstrija) fit-8, id-9 u l-10 ta’ April 2008 li se tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn l-amministrazzjoni doganali u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq ta’ 32 pajjiż (is-27 Stat Membru, il-Kroazja, it-Turkija, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Istati Uniti ta’ l-Amerka) bil-għan li ċ-ċittadini ta’ l-UE jitħarsu mill-importazzjonijiet ta’ prodotti perikolużi;
10. Iqis li l-koperazzjoni hija essenzjali biex tkun żgurata l-effikaċja tas-servizzi doganali ta’ l-UE fid-dawl tal-ħafna theddid li jridu jikkumbattu;
11. Jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri u bejn id-dwana u aġenziji governattivi oħra, bħall-awtoritajiet veterinarji u l-entitajiet responsabbli mis-sikurezza tal-prodotti, sabiex ikun żgurat li l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni ta' l-Unjoni Ewropea tkun responsabiltà komuni u sabiex ikunu garantiti s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini ta’ l-UE;
12. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb il-koperazzjoni ma’ l-imsieħba kummerċjali permezz ta’ programmi eżistienti u ġodda ta’ koperazzjoni bejn id-dwani sabiex ikun iffaċilitat il-kummerċ għal negozjanti affidabbli u sabiex tkun żgurata s-sigurtà tal-katina ta’ forniment;
13. Jisħaq fuq l-importanza li jkun żgurat li l-partijiet interessati ekonomiċi kollha jkunu rappreżentati fil-Kumitat Doganali;
14. Japprova l-iffirmar tad-diversi ftehimiet iffirmati mill-UE ma’ l-imsieħba kummerċjali ewlenin tagħha madwar id-dinja;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali fil-qafas ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali (id-WTO u d-WCO) u ma’ pajjiżi terzi fil-qasam tad-dwana; jiġbed l-attenzjoni li l-għan ta’ dan huwa li jkun hemm kontroll doganali aktar effettiv u li jkunu promossi l-istandards ta’ l-UE filwaqt li l-kummerċ ikun jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni Ewropea u għall-imsieħba kummerċjali tagħha; jiġbed l-attenzjoni wkoll li dan jippermetti li jitwaqqfu operazzjonijiet konġunti u proġetti pilota sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-prattika bejn l-UE u uffiċjali doganali ta’ pajjiżi terzi;
Kwistjonijiet ta’ sigurtà
16. Jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu aktar l-irwol tad-dwana fil-ġlieda kontra l-perikli partikulari marbuta mal-prodotti foloz, b’mod partikulari mal-mediċini u l-ġugarelli foloz;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-oppożizzjoni tagħha għal-leġiżlazzjoni reċenti ta’ l-Istati Uniti dwar l-iskannjar 100% ta’ kontejners marittimi f’portijiet barranin; jiġbed l-attenzjoni li ma ntweriex li din id-deċiżjoni unilaterali mill-Istati Uniti hija meħtieġa u li hija effettiva fis-sens ekonomiku u fir-rigward tas-sigurtà;
18. Iqis li l-Emenda 648/2005 (‘l-emenda dwar is-sigurtà’) diġà tissodisfa l-aspettattivi ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Uniti fir-rigward tal-kontroll tas-sigurtà fl-Ewropa;
Intejbu l-effiċjenza, l-effikaċja u r-rendiment tas-Suq Intern
19. Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żewġ inizjattivi li l-awtoritajiet doganali Komunitarji bi ħsiebhom jiżviluppaw fl-għaxar snin li ġejjin biex jaqdu liċ-ċittadini ta’ l-UE bl-aħjar mod possibbli, partikolarment il-proposta dwar is-sistemi doganali elettroniċi, diġà approvata mill-Parlament, u t-twaqqif ta’ netwerk Ewropew ta’ laboratorji doganali bil-għan ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ l-istandards tekniċi ġodda ta’ l-UE;
20. Jirrikonoxxi li din il-modernizzazzjoni se tippermetti li tiħrax il-ġlieda kontra l-prodotti perikolużi u li jissħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur;
21. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw metodi ta' ħidma u teknoloġija ġodda b'mod sinkronizzat u armonizzat u sabiex tkun żgurata implimentazzjoni koordinata u komuni tal-leġiżlazzjoni doganali; jistieden lill-Kummissjoni biex timmoniterja mill-qrib l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali fl-Istati Membri u biex tlesti rapport għall-Parlament;
22. Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu biżżejjed riżorsi (teknoloġiċi u umani) u investimenti lid-dwani biex jagħmlu xogħolhom, jimplimentaw sistemi ġodda bla karti u jħarrġu l-istaff tagħhom;
23. Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw livell għoli ta’ koperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali u l-komunità kummerċjali biex tittejjeb l-konformità u titnaqqas l-burokrazija, b’mod partikulari billi jintuża approċċ ta’ mmaniġġjar tar-riskji u billi jiġu żviluppati servizzi tat-tip ‘Single Window/One Stop Shop’;
24. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.