MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
11.6.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Charles Tannock, Jacek Saryusz-Wolski, Ria Oomen-Ruijten, Christopher Beazley, Elmar Brok, Urszula Gacek u Tunne Kelam
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f’Khanty-Mansiysk f’Ġunju 2008
B6‑0298/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja f’Khanty-Mansiysk f’Ġunju 2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni (PCA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-objettiv ta' l-UE u r-Russja, imfisser fid-dikjarazzjoni konġunta maħruġa wara l-11-il Samit bejn l-UE u r-Russja li sar f’St Petersburg fil-31 ta’ Mejju 2003, biex tiġi stabbilita zona ekonomika komuni, zona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, zona komuni ta’ koperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà esterna u zona komuni ta’ riċerka u edukazzjoni, inklużi aspetti kulturali,
– wara li kkunsidra r-riżultat ta’ l-21 Samit bejn l-UE u r-Russja, li sar fl-14 ta’ Novembru 2007 f’Mafra,
– wara li kkunsidra l-konsultazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja rigward id-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikulari s-seba’ rawnd tagħhom fis-17 ta’ April 2008 rigward il-libertà tal-midja, ta’ l-espressjoni u ta’ l-assemblea, b’mod speċjali fid-dawl ta’ l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali reċenti, il-funzjonament tas-soċjetà ċivili, id-drittijiet tal-persuni li jiffurmaw parti minn minoritajiet, il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u d-drittijiet tat-tfal,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress ta' l-2007 dwar l-implimentazzjoni taz-Zoni Komuni bejn l-UE u r-Russja, imfassal mill-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-riżultat tat-tmien laqgħa tal-Kunsill Permanenti tas-Sħubija bejn l-UE u r-Russja rigward il-Libertà, is-Sigurtà u l-Ġustizzja, li saret f'St Petersburg fl-24-25 ta' April 2008,
– wara li kkunsidra l-istqarrija tal-president tad-delegazzjoni tal-PE lill-Kunsill għas-Sħubija u l-Koperazzjoni, wara ż-żjara tal-grupp ta’ ħidma UE-Russja f’Moska fis-17-18 ta’ Marzu 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet ta’ l-UE mar-Russja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u r-Russja, li hija membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, it-tnejn għandhom responsabilità lejn l-istabilità u s-sigurtà globali u billi l-koperazzjoni msaħħa u r-relazzjonijiet tajba ta’ ġirien bejn l-UE u r-Russja għandhom importanza partikulari għall-istabilità, is-sigurtà u l-prosperità fl-Ewropa,
B. billi l-Federazzjoni Russa hi membru sħiħ tal-Kunsill ta’ l-Ewropa u ta’ l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) u għalhekk impenjat ruħha għall-prinċipji tad-demokrazija stipulati minn dawn l-organizzazzjonijiet,
C. billi hemm tħassib serju dwar l-iżviluppi fil-federazzjoni Russa rigward ir-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tal-prinċipji, regoli u proċeduri demokratiċi li dwarhom sar qbil komuni,
D. billi l-konklużjoni ta’ Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u l-Federazjoni Russa tibqa’ ta’ l-ikbar importanza għall-iżvilupp u l-intensifikazzjoni addizzjonali tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ imsieħba,
E. billi l-implimentazzjoni rapida ta’ l-erba’ Zoni Komuni - li jinvolvu Zona komuni ekonomika, Zona komuni ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, Zona komuni ta’ sigurtà esterna u Zona komuni ta’ riċerka, edukazzjoni u kultura - għandha tkun fil-qalba tan-negozjati dwar il-Ftehima l-ġdida ta’ Sħubija Strateġika,
F. billi l-adeżjoni rapida tal-Federazzjoni Russa fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tagħti kontribut sostanzjali għat-titjib addizzjonali tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea, dejjem jekk ir-Russja timpenja ruħha b’mod li jorbot li tikkonforma bis-sħiħ ma' l-impenji u l-obbligi tad-WTO u li timplimentahom,
G. billi s-sigurtà tal-provvista enerġetika hija waħda mill-ikbar sfidi għall-Ewropa u waħda mill-oqsma ewlenin ta' koperazzjoni mar-Russja, u billi huma meħtieġa sforzi konġunti biex isir użu sħiħ u effiċjenti mis-sistemi tat-trasport ta’ l-enerġija, kemm dawk li diġà jeżistu u kemm dawk li jridu jiġu żviluppati iktar,
H. billi dan l-aħħar ir-Russja inkludiet xi wħud mill-ikbar kumpaniji ta’ l-enerġija ta' l-UE fi rwol ta' sħubija strateġika f'bosta proġetti enerġetiċi ewlenin jew ippermettiet lill-kumpaniji ta' l-UE li jixtru xi ishma strateġiċi limitati f'kumpaniji Russi; billi ż-żamma taċ-ċertezza legali u tad-drittijiet tal-proprjetà hija essenzjali biex jinżamm il-livell attwali ta’ l-investiment barrani fir-Russja,
I. billi l-kwistjonijiet dwar il-kundizzjonijiet ta’ forniment u trasport ta’ l-enerġija għandhom jiġu solvuti b’mod negozjat, mhux diskriminatorju u trasparenti u m’għandhom qatt jintużaw bħala mezz ta’ pressjoni politika fuq l-Istati Membri ta’ l-UE jew fuq il-pajjiżi fil-viċinat komuni,
J. billi ftehima fil-ġejjieni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa għandha għalhekk tinkludi l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta’ l-Enerġija,
K. billi huwa fl-interess ta’ l-ekonomiji kemm tar-Russja kif ukoll ta’ l-UE li jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, billi s-sehem sproporzjonat tal-kummerċ fl-enerġija jagħmel l-ekonomiji tagħhom vulnerabbli għall-bidliet fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti, kif deher fl-imgħoddi,
L. billi l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jistgħu u għandhom ikollhom irwol attiv flimkien fil-ħolqien tal-paċi u ta’ l-istabilità fil-kontinent Ewropew, b’mod partikulari fil-viċinat komuni, u f’partijiet oħra tad-dinja, inkluż fl-Iran u fil-Lvant Nofsani,
M. billi tfaċċaw tensjonijiet ġodda fl-Abħażja u fl-Ossetja tan-Nofsinhar, fejn il-qagħda qed tmur għall-agħar minħabba l-passi meħuda mill-Federazzjoni Russa, fosthom it-tħabbira mill-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin fis-16 ta’ April li se jiġu stabbiliti rabtiet uffiċjali ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-awtoritatjiet de facto fl-Ossteja tan-Nofsinhar u fl-Abħażja, it-tħabbira tal-Ministeru Russu tad-Difiża fid-29 ta’ April li l-għadd tal-forzi għaż-żamma tal-paċi tal-CIS fl-Abkħażja kellu jiżdied u l-inċident li jinvolvi t-twaqqigħ ta’ ajruplan Ġeorġjan bla pilota minn ajruplan tal-ġlied Russu fl-ispazju ta’ l-ajru Ġeorġjan fl-20 ta’ April,
N. billi r-Russja ssospendiet il-parteċipazzjoni tagħha fit-Trattat dwar il-Forzi Konvenzjonali fl-Ewropa (Trattat CFE), filwaqt li stqarret li se twaqqaf l-ispezzjonijiet u l-verifiki tas-siti militari tagħha mill-pajjiżi tan-NATO u mhux se tibqa’ tillimita l-għadd ta’ l-armamenti konvenzjonali tagħha,
O. billi wara l-laqgħa tiegħu mat-trojka ministerjali ta’ l-UE nhar it-Tlieta 29 ta’ April fil-Lussemburgu, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, ikkonferma l-parteċipazzjoni tar-Russja fl-operazzjoni militari fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali (EUFOR Chad/RCA),
p. billi hu importanti li l-UE titkellem b’vuċi waħda, turi solidarjetà u unità fir-relazzjonijiet tagħha mal-Federazzjoni Russa, u tibbaża dawk ir-relazzjonijiet fuq interessi reċiproċi u l-impenn favur valuri komuni,
1. Jenfasizza li s-Samit li ġej se jkun l-ewwel Samit bejn l-UE u r-Russja fejn se jattendi l-President Russu Dmitry Medvedev, li għadu kif ġie elett, u jesprimi t-tama tiegħu li din il-laqgħa twassal għal titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja;
2. Jafferma mill-ġdid il-konvinzjoni tiegħu li r-Russja għadha sieħba importanti għall-iskop tal-bini ta’ koperazzjoni strateġika bbażata fuq l-impenji favur valuri komuni, sieħba li magħha l-UE għandha mhux biss interessi ekonomiċi u kummerċjali komuni, iżda wkoll l-objettiv ta' koperazzjoni mill-qrib fl-arena internazzjonali;
3. Jitlob lill-Gvern Russu u lill-UE biex flimkien joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex malajr jibdew in-negozjati dwar Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza l-importanza ta’ l-għaqda u tas-solidarjetà fost l-Istati Membri ta’ l-UE fir-relazzjonijiet tagħhom mar-Russja; jenfasizza mill-ġdid, f'dan ir-rigward, li d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu fil-qalba ta' kwalunkwe ftehima tal-ġejjieni mal-Federazzjoni Russa;
4. Jilqa’, f’dan il-kuntest, l-istqarrijiet ta’ inkoraġġiment magħmula fil-laqgħa tal-ministri għall-affarijiet barranin ta’ l-UE fid-29 ta’ April fil-Lussemburgu, li jistgħu jwasslu biex is-sitwazzjoni tmur għall-aħjar u jibdew it-taħditiet dwar il-ftehima l-ġdida qabel is-Samit f’ Khanty-Mansiysk;
5. Jilqa’ l-kummenti tal-President Medvedev dwar l-importanza ta’ l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja u jittama li jkun hemm aktar progress f’dan il-qasam;
6. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-iskambju kontinwu ta’ opinjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Russja bħala parti mill-konsultazzjonijiet ta' l-UE-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza, iżda, li s-sitwazzjoni attwali fir-Russja toħloq tħassib serju f’termini tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-libertà ta’ l-espressjoni u tad-drittijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ individwi li jisfidaw lill-awtoritajiet u jżommuhom responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom; jitlob lir-Russja sabiex torganizza djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem darba fl-UE u darba fir-Russja;
7. Jitlob lill-Federazzjoni Russa biex turi l-impenn tagħha favur valuri komuni billi tirratifika l-Protokoll Addizzjonali 14 għall-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, u b'hekk tagħti l-possibilità li riformi importanti jimxu ‘l quddiem fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għandha l-problema ta’ għexieren ta’ eluf ta’ każi akkumulati;
8. Jitlob li jiżdied il-djalogu bejn l-UE u r-Russja dwar id-drittijiet tal-bniedem u li dan il-proċess jinfetaħ għal kontribut effettiv mill-Parlament Ewropew, mid-Duma ta’ l-Istat u mis-soċjetà ċivili u minn organizzazzjonijiet ghad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lir-Russja biex tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill ta' l-Ewropa, inkluż ir-rispett tad-dritt ta' assoċjazzjoni, id-dritt għal demostrazzjoni paċifika u l-libertà tal-midja; jenfasizza l-importanza ta’ l-NGOs li jkunu indipendenti mill-gvernijiet nazzjonali għall-iżvilupp ta’ soċjetà ċivili u jitlob lill-awtoritajiet Russi biex japplikaw il-liġi l-ġdida dwar l-NGOs b’mod li r-rekwiżiti l-ġodda ma joħolqux tgħabija żejda fuq dawn l-organizzazzjonijiet;
9. Jiġbed l-attenzjoni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol insopportabbli u l-pressjoni u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti fil-Federazzjoni Russa, li uħud minnhom inqatlu - delitti li għadhom mhux solvuti - u jesprimi t-tħassib partikulari tiegħu dwar emenda proposta għal-liġi tal-midja li d-Duma approva fl-ewwel qari fil-25 ta’ April u li jagħti lil Rossvyazokhrankultura, bħala l-aġenzija federali li tissorvelja l-midja, is-setgħa li tagħlaq kull entità tal-midja li tkun wettqet malafama f'aktar minn okkażjoni waħda; jirrakkomanda, minflok, l-awto-regolazzjoni tal-midja bħala l-mod kif tiżdied ir-responsabilità tal-ġurnalisti;
10. Jinnota d-dinamiċi pożittivi fix-xogħol li għadu għaddej fuq l-implimentazzjoni prattika tal-pjanijiet direzzjonali għall-erba' Zoni Komuni u jisħaq li l-approfondiment ulterjuri tas-sħubija jkun ta' benefiċċju għat-tnejn;
11. Itenni mill-ġdid l-importanza partikulari li tiġi stabbilita Zona Ekonomika Komuni (CES) u li jiġu żviluppati iktar l-objettivi miftiehma fil-Pjan Direzzjonali CES, speċjalment fir-rigward tal-ħolqien ta’ suq miftuħ bejn l-UE u r-Russja;
12. Jenfasizza l-importanza li jkun hemm titjib fil-klima għall-investiment Ewropew fir-Russja, liema titjib jista’ jseħħ biss billi jiġu promossi u ffaċilitati kundizzjonijiet ta' negozju mhux diskriminatorji u trasparenti, inqas burokrazija u investiment miż-żewġ naħat; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ prevedibilità fl-applikazzjoni tar-regoli mill-awtoritajiet kif deher mill-akkużi b'motivazzjoni politika kontra Mikhail Khodorkovsky, u jitlob lill-awtoritajiet Russi biex jagħmlu pass simboliku billi jtemmu t-trattament ħażin tiegħu;
13. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-djalogu intensifikat bejn l-UE u r-Russja dwar kwistjonijiet ta’ l-enerġija; jenfasizza l-importanza ta’ importazzjonijiet ta’ l-enerġija għall-ekonomiji Ewropej, li jirrappreżentaw opportunità potenzjali għal koperazzjoni kummerċjali u ekonomika akbar bejn l-UE u r-Russja; jenfasizza li l-prinċipji ta’ interdipendenza u trasparenza għandhom ikunu l-bażi ta’ tali koperazzjoni, flimkien ma’ aċċess ugwali għal swieq, infrastruttura u investiment; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-prinċipji tat-Trattat tal-Karta ta’ l-Enerġija, li, skond l-Artikolu 45 tiegħu, jorbot lir-Russja anki qabel ma jiġi ratifikat mid-Duma ta' l-Istat Russu, il-Protokoll ta’ Tranżitu anness miegħu u l-konklużjonijiet tal-G8 ikunu inklużi fi Ftehima ta’ Sħubija u Koperazzjoni ġdida bejn l-UE u r-Russja bħala effettivi daqs il-Karta nnfisha, inkluża dispożizzjoni għal koperazzjoni ulterjuri dwar l-effiċjenza ta’ l-enerġija, l-iffrankar ta’ l-enerġija u l-enerġija li tiġġedded; jirrimarka li dawn il-prinċipji għandhom japplikaw għal proġetti ewlenin ta' l-infrastruttura ta' l-enerġija; jistieden lill-UE biex tikkomunika mar-Russja b’vuċi waħda dwar dawn il-kwistjonijiet sensittivi ta’ l-enerġija; jitlob lill-imsieħba fid-djalogu dwar l-enerġija bejn l-UE u r-Russja biex jeżaminaw il-possibilità li l-kontijiet għall-provvisti ta’ l-enerġija Russi lill-UE isiru bl-Euro sabiex ikunu indipendenti mill-muniti ta’ pajjiżi terzi;
14. Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar mill-aħħar Samit f’Mafra rigward l-adeżjoni tar-Russja mad-WTO li se jpoġġi lill-komunitajiet tan-negozju taż-żewġ naħat fuq livell indaqs u li se jgħin ħafna lill-isforzi tar-Russja biex din tibni ekonomija moderna, diversifikata u b’teknoloġija għolja; jitlob lir-Russja sabiex tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi l-ostakoli li baqa' għall-proċess ta' adeżjoni, b’mod partikulari fil-qasam tat-taxxi u d-dazji fuq l-esportazzjoni, u biex tkun tista’ tikkonforma bis-sħiħ u timplimenta l-impenji u l-obbligi marbuta mas-sħubija fid-WTO, u li wara dan l-UE għandha tibda tiddiskuti l-konklużjoni ta' ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Federazzjoni Russa;
15. Jiddeplora l-fatt li r-Russja ma żammitx l-impenn tagħha biex bil-mod il-mod twaqqaf il-pagamenti għal titjiriet minn fuq is-Siberja u jitlob lir-Russja sabiex tiffirma l-ftehima li ntlaħqet fuq din il-kwistjoni fis-Samit ta’ Samara;
16. Jilqa’ l-progress magħmul mill-UE u r-Russja fl-implimentazzjoni taz-Zoni Komuni tagħhom ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, li sa issa ffukaw b’mod speċjali fuq l-implimentazzjoni ta’ l-iffaċilitar tal-ftehimiet dwar il-viżi u d-dħul mill-ġdid, li wrew li kienu pass sinifikanti ‘l quddiem lejn l-ivvjaġġar bla viża bħala possibilità għall-ġejjieni; jitlob li jkun hemm iktar koperazzjoni dwar l-immigrazzjoni illegali, kontrolli mtejba ta' dokumenti ta' l-identità u skambju aħjar ta' informazzjoni dwar it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; jenfasizza li l-Kunsill u l-Kummissjoni jridu jiżguraw li r-Russja tkun konformi mal-kundizzjonijiet kollha stipulati fi kwalunkwe ftehima nnegozjata dwar l-eliminazzjoni tal-viżi bejn iż-żewġ naħat, sabiex ikun evitat kwalunkwe ksur tas-sigurtà u tad-demokrazija fl-Ewropa;
17. Jirrimarka li r-Russja, li s-sena li għaddiet biddlet ir-regoli tagħha dwar il-viża u ma baqgħetx toħroġ viżi li jippermettu aktar minn dħul wieħed għal skopijiet ta’ kummerċ, li kienu validi għal sena u li qabel kienu jintużaw minn bosta ħaddiema Ewropej, tista' tiffaċċja eżodu ta’ maniġers u ħaddiema mill-UE jekk ma tbiddilx ir-regoli l-ġodda u ma tnaqqasx il-burokrazija ta’ xkiel meħtieġa biex jinkisbu l-viżi u l-permessi tax-xogħol;
18. Jilqa' ż-żieda tal-koperazzjoni bejn l-UE u r-Russja fil-qasam ta' l-ispazju fil-qafas tad-Djalogu dwar l-Ispazju fi Tliet Partijiet li ġie stabbilit f'Marzu 2006 bejn il-Kummissjoni, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u r-Roscosmos, li jinkludi l-applikazzjonijiet spazjali (navigazzjoni bis-satellita, osservazzjoni tad-dinja, u komunikazzjonijiet bis-satellita), l-aċċess għall-ispazju (launchers u sistemi ta' trasport spazjali tal-ġejjieni), ix-xjenza spazjali u l-iżvilupp tat-teknoloġija spazjali; jinnota li fi ħdan iz-Zona Komuni Ekonomika, il-koperazzjoni fl-ispazju ġiet identifikata bħala settur ta' prijorità;
19. Jitlob li jkun hemm parteċipazzjoni mill-Federazzjoni Russa fil-proċess tal-bini ta’ Infrastrutturi Ewropej tar-Riċerka appoġġjati fi ħdan il-Programmi ta’ Qafas tal-Komunità Ewropea; iqis li inċentiv ta’ dan it-tip jagħti ċ-ċans li jsir użu effiċjenti u żvilupp ulterjuri tar-riżorsi umani u finanzjarji Russi kbar fil-qasam tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u għalhekk ikun ta’ benefiċċju kemm għall-Ewropa u kemm għar-Russja;
20. Jesprimi d-diżapprovazzjoni sħiħa tiegħu dwar it-tħabbira tar-Russja li se tistabbilixxi rabtiet uffiċjali ma’ l-istituzzjonijiet ta’ l-awtoritajiet separatisti fl-Ossetja tan-Nofsinhar u l-Abħażja, jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja fil-fruntieri tagħha li huma rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u jitlob lir-Russja biex tirrevoka din id-deċiżjoni, li thedded l-isforzi ta' paċi internazzjonali li fihom qed tieħu sehem ukoll il-Federazzjoni Russa;
21. Jikkundanna bis-sħiħ iż-żieda tal-preżenza militari Russa fl-Abħażja u jħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex immedjatament tirtira t-truppi addizzjonali tagħha; jemmen li, filwaqt li ż-żieda tal-preżenza militari Russa tista’ tkun fi ħdan il-limiti tas-saħħa numerika ġenerali tal-kontinġent tas-CIS għaż-żamma tal-paċi, imfassla mill-Kapijiet ta’ l-Istat tal-Kunsill tas-CIS, fir-realtà politika tal-lum ma tnaqqasx it-tensjoni imma żżidha;
22. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex joqogħdu lura milli jieħdu azzjonijiet li jistgħu jwasslu biex taggrava l-qagħda fir-reġjun, itenni mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għall-isforzi internazzjonali bil-għan li tinstab soluzzjoni paċifika għall-kunflitti ta’ l-Abħażja u l-Ossetja tan-Nofsinhar u jilqa’ l-proposti speċifiċi reċenti mressqa mill-President tal-Ġeorġja Mikheil Saakashvili dwar ir-riżoluzzjoni tal-kunflitt fl-Abħażja, bħal ma huma: rappreżentazzjoni politika wiesgħa fl-ogħla livelli tal-Gvern Ġeorġjan, l-għoti tad-drittijiet tal-veto għal-leġiżlazzjoni ewlenija kollha marbuta ma’ l-Abħażja, u t-twaqqif ta’ garanziji internazzjonali biex jiżguraw il-federaliżmu wiesa’, l-awtonomija bla limiti u s-sigurtà; jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tkun involuta b’mod aktar attiv fit-tiftix ta’ soluzzjoni paċifika għall-kunflitt, biex taġixxi ta’ medjatur u toffri appoġġ konkret għall-proposti mressqa mill-President Saakashvili;
23. Jieħu nota tal-konsultazzjonijiet li qed isiru bejn ir-Russja u l-Istati Uniti dwar is-sistema ta’ l-Istati Uniti ta’ difiża bil-missili li qed tiġi ppjanata, jirrikonoxxi l-kontribut sostanzjali tagħha għall-ħarsien ta’ l-UE mill-missili ballistiċi fuq distanzi twal, iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa biex tieħu vantaġġ mill-proposti għall-koperazzjoni dwar id-difiża bil-missili u jitlob lill-partijiet kollha involuti fil-proġett biex jibdew jaħdmu biex jorbtu flimkien is-sistemi ta’ difiża bil-missili ta’ l-Istati Unit, tan-NATO u tar-Russja;
24. Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal aktar koperazzjoni mar-Russja biex tipprevjeni l-proliferazzjoni ta’ l-armamenti ta' qerda kbira u jitlob liż-żewġ naħat biex jerfgħu r-responsabilità tagħhom b’mod partikulari rigward il-kwistjonijiet nukleari tal-Korea ta’ Fuq u ta’ l-Iran;
25. Jitlob lir-Russja biex mill-ġdid tqis is-sospensjoni unilaterali tagħha tal-konformità mat-Trattat CFE u biex tuża t-triq tan-negozjati biex tħares l-interessi leġittimi tagħha u tevita erożjoni tat-Trattat CFE; jitlob lill-Membri tan-NATO biex jirratifikaw il-verżjoni emendata ta’ l-1999 tat-Trattat;
26. Jilqa’ d-deċiżjoni tar-Russja biex tgħin lill-UE fit-twettiq ta’ l-operazzjoni ta’ żamma tal-paċi tagħha fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentral u jappoġġja l-istqarrija mill-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov u mir-Rappreżentant Għoli ta’ l-UE Javier Solana li tistipula li l-koperazzjoni bejn ir-Russja u l-UE fuq l-immaniġġjar tal-kriżijiet ma tkunx limitata għall-parteċipazzjoni tar-Russja fl-EUFOR fiċ-Ċad u fir-Repubblika Afrikana Ċentrali u li ż-żewġ partijiet ikunu lesti jiffirmaw ftehima ta’ qafas dwar din il-kwistjoni fuq il-bażi ta’ ‘sħubija ekwa u koperazzjoni’;
27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri u lil dak tal-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill ta' l-Ewropa u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa.