Proċedura : 2008/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0304/2008

Testi mressqa :

B6-0304/2008

Dibattiti :

PV 08/07/2008 - 13
CRE 08/07/2008 - 13

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2008 - 5.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0355

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 100kWORD 47k
13.6.2008
PE407.531v01-00
 
B6‑0304/2008
imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0164/2008 u B6‑0165/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pervenche Berès
f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar fondi ta' investimenti sovrani

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar fondi ta' investimenti sovrani 
B6‑0304/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2008 bit-titolu 'Approċċ komuni Ewropew għal Fondi ta' Investimenti Sovrani' (COM(2008)0115),

–  wara li kkunsidra l-ħidma li qed issir mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u, b'mod partikulari, mill-Grupp Internazzjonali ta' Ħidma dwar il-Fondi ta' Investimenti Sovrani,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Investiment ta' l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) adottat fl-4 t'April 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 64 u 65 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-fondi ta' investimenti sovrani (SWFs) ilhom attivi fis-swieq finanzjarji globali għal iktar minn 50 sena,

B.  billi l-ebda diżordni fis-swieq finanzjarji ma tista' tkun attribwita għall-attivitajiet ta' l-SWFs,

C.   billi l-istruttura tas-sjieda ta' l-SWFs tfisser li dawn ma jidħlux fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament Ewropew tas-suq finanzjarju,

D.  billi l-istrateġija ta' investiment ta' l-SWFs uriet preferenza għall-investimenti stabbli fuq perjodu ta' żmien twil,

E.  billi hemm xi tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza f'xi SWFs rigward l-assi, l-istrateġiji ta' investiment, il-profitti u l-istrutturi ta' tmexxija tagħhom,

F.  wara li kkunsidra l-irwol li wettqu l-SWFs matul il-kriżi finanzjarja riċenti sabiex xi istituzzjonijiet finanzjarji kbar ikunu salvati mill-falliment,

G.  wara li kkunsidra l-potenzjal għat-tkabbir ta' l-SWFs,

H.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tibqa' tibqa’ żżomm sod l-impenn tagħha għall-politika ta' ftuħ għall-investimenti u moviment ħieles tal-kapital,

1.  Iqis li l-SWFs ma kinux il-kawża ta' diżordni fis-swieq tal-kapital, iżda li l-istruttura, id-daqs u t-tkabbir rapidu tagħhom jitolbu analiżi b'attenzjoni ta' l-irwol u l-influwenza tagħhom; jirrikonoxxi l-fatt li jieħdu approċċ differenti għat-trasparenza u t-tmexxija;

2.  Huwa mħasseb minħabba li n-nuqqas ta' trasparenza fil-parti l-kbira tal-fondi ta' investimenti sovrani ma jippermettix fehim ċar ta' l-istrutturi u l-motivazzjonijiet tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-fatt li t-trasparenza u l-iżvelar ta' l-informazzjoni jikkostitwixxu l-prinċipju ewlieni biex ikunu stabbiliti kundizzjonijiet tassew indaqs u biex is-swieq b'mod ġenerali jaħdmu mingħajr problemi;

3.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill tas-27 ta' Frar 2008 dwar l-SWFs, li tafferma mill-ġdid l-importanza tas-swieq miftuħa u l-impenn tal-Kummissjoni għal soluzzjoni globali; jinnota l-inizjattivi varji jew f'livell nazzjonali jew fil-fora internazzjonali biex tissaħħaħ it-trasparenza u tittejjeb it-tmexxija, u jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib ma' l-IMF u l-OECD biex ikun stabbilit kodiċi ta' kondotta globali;

4.  Iqis, madankollu, li l-komunikazzjoni msemmija hawn fuq għandha tkun meqjusa bħala l-ewwel pass, u għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-attivitajiet ta' l-SWFs u biex twettaq l-irwol ta' koordinazzjoni tagħha sabiex tiżgura li inizjattivi nazzjonali ma jmorrux kontra l-impenn għall-ftuħ għall-investimenti u ma jqiegħdux fil-periklu l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea fis-swieq globali;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel analiżi ta' l-istrumenti għad-dispożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tat-Trattati jew fil-leġiżlazzjoni eżistenti - bħal obbligi ta' trasparenza, id-drittijiet tal-vot, id-drittijiet ta' dawk li għandhom ishma u l-ishma tad-deheb - li jippermettu xi reazzjoni f'każ ta' problemi ta' sjieda minħabba intervent ta' l-SWF;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevalwaw il-marġni ta' manuvra li jibqa' għall-isitituzzjonijiet Ewropej skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 64 u 65 tat-TFUE, sabiex jivverifikaw l-għażliet rigward l-azzjoni kkoordinata fil-livell ta' UE, li hija essenzjali għall-interessi ta' l-UE u għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern; jitlob lill-Kummissjoni biex tfassal lista ta' setturi li jistgħu jkunu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 65 rigward il-politika pubblika;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu analiżi bir-reqqa tal-funzjonament tas-swieq finanzjarji globali u biex jiddefinixxu u jippromwovu viżjoni ta' l-UE b'saħħitha, li tqis l-inizjattivi globali, ta' liema għandhom ikunu l-prinċipji u r-regoli li jiggwidaw il-funzjonament tagħhom; huwa tal-fehma li pożizzjoni komuni ta' dan it-tip issaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-UE fil-fora internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex taħdem fuq il-prinċipju tar-reċiproċità;

8.  Huwa mħasseb dwar il-prezzijiet taż-żejt u l-konsegwenzi tagħhom fuq ir-rata tal-kambju ta' l-euro/dollaru, minħabba li l-profitti miż-żejt ta' sikwit ikunu investiti mill-ġdid permezz ta' l-SWFs f'assi dominati mill-euro u swieq fiz-zona ta' l-euro b'mod ġenerali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

Avviż legali - Politika tal-privatezza