Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0310/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0310/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

16.6.2008

imressqa wara il-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0162/2008 u B6‑0163/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Elspeth Attwooll u Philippe Morillon
f'isem il-Grupp ALDE
dwar il-kriżi tas-settur tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt użat bħala fjuwil

Proċedura : 2008/2596(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0310/2008
Testi mressqa :
B6-0310/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0310/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kriżi tas-settur tas-sajd minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt użat bħala fjuwil

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali li qed iħabbat wiċċu magħha l-industrija tas-sajd Komunitarja hija kawża taż-żieda kostanti fil-prezz tal-fjuwil, li żied b'aktar minn 300% fl-aħħar ħames snin u b'aktar minn 40% minn Jannar ta’ l-2008,

B.  billi l-prezzijiet tal-prodotti tas-sajd huma simili għal dawk ta’ għoxrin sena ilu u billi, fil-każ ta' ċertu speċijiet, kien hemm tnaqqis konsiderevoli – sa 25% mill-bidu tas-sena – minħabba dħul massiv ta’ importazzjonijiet minn sajd illegali,

C.  billi fis-settur tas-sajd, għall-kuntrarju ta' setturi oħra ta' l-ekonomija, il-prezz tal-fjuwil ma jistax jaffettwa l-preżż ta’ l-ewwel bejgħ tal-prodotti tiegħu, peress li fis-sitwazzjoni attwali s-sajjieda ma jistgħux jiffissaw il-prezzijiet,

D.  billi, minkejja l-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni fis-seħħ u minkejja sensiela ta' aġġustamenti mill-ġdid tan-negozji, minħabba li t-tiħżin kontinwu ta' din il-kriżi wassal biex ħafna kumpaniji ma baqgħux finanzjarjament vijabbli u intrapriżi oħra tas-sajd spiċċaw f’sitwazzjonijiet ta’ riskju kbir, li qed iwassal għal għadd ta' dimostrazzjonijiet ta’ protesta f’ħafna Stati Membri,

E.  billi fit-28 ta’ Mejju 2008 it-tliet organizzazzjonijiet Ewropej li jirrappreżentaw is-settur tas-sajd (l-Assoċjazzjoni ta' l-Organizzazzjonijiet Nazzjonali ta' l-Impriżi tas-Sajd fil-KEE (Europêche), l-Assoċjazzjoni Ewropea ta' l-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi tal-Ħut (EAPO) u l-Kumitat Speċjalizzat għall-Koperattivi tas-Sajd fil-KEE (COGECA)) kellhom laqgħa mal-Kummissarju għas-Sajd u ppreżentaw l-ilmenti tas-settur,

F.  billi s-soluzzjoni tal-problema tista’ tinstab biss jekk jittieħdu miżuri serji fi żmien qasir, medju u fit-tul,

1.  Jitlob sabiex il-pjanijiet ta' aġġustament tal-flotta tas-sajd jiddaħħlu fis-seħħ fl-Istati Membri kollha u sabiex jingħataw il-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex il-flotot jiġu rristrutturati b'mod volontarju. Għal dan il-għan:

  • (a)jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kriterji ta' prijorità għal dawk l-oqsma tal-flotta li l-aktar li ntlaqtu mill-kriżi;
  • (b)iqis li huwa ferm importanti li l-Programmi Operazzjonali nazzjonali tal-Fond Ewropew għas-Sajd ikunu rriveduti sabiex ikun jista' jkun hemm infiq aktar immirat;
  • (c)jappella għall-għajnuna permezz ta' bidla ta' darba fit-tagħmir tas-sajd li jwassal għal metodiutas-sajd li jiddependi anqas fuq il-fjuwil;
  • (d)jitlob għajnuna fuq żmien qasir għal salvataġġ, li tiġi rrimbursata meta l-miżuri ta' ristrutturar ikunu implimentati;
  • (e)jinkuraġġixxi x-xiri ta' tagħmir li jtejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-fjuwil;

2.  Ifakkar li, flimkien maż-żieda fil-prezz taż-żejt, wieħed mill-ilmenti l-aktar rikurrenti tal-flotta tas-sajd rigward it-tnaqqis tal-prezz tal-prodotti tagħha huwa minħabba l-importazzjoni kbira ħafna ta’ prodotti tas-sajd bi prezzijiet baxxi mis-sajd illegali, u għaldaqstant jinsisti li:

  • (a)jiġu intensifikati u mtejba l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet minn sajd illegali, sajd mhux iddikjarat u sajd mhux regolizzat (sajd IUU), u għal dan il-għan huwa fundamentali li l-leġiżlazzjoni kontra s-sajd IUU, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill u ġiet approvata mill-PE, tiddaħħal fis-seħħ;
  • (b)jiġu intensifikati u mtejba l-kontrolli fuq prodotti tas-sajd minn pajjiżi terzi sabiex ikun żgurat li l-istess standards japplikaw kemm fuq prodotti importati u fuq prodotti mill-Komunità;
  • (c)tiġi emendata l-leġiżlazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq fil-prodotti tas-sajd u ta' l-akwakultura, sabiex is-sajjieda jkun jista' jkollhom irwol aktar importanti fil-katina ta' provvista tal-prodotti tas-sajd u fil-valur miżjud tal-prodotti tagħhom, u li ż-żieda fil-prezz taż-żejt, jew parti minnha, tkun riflessa fil-prezz tal-ħut fl-ewwel bejgħ;
  • (d)tittejjeb u tiżdied l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti tas-sajd, u, fuq kollox, li f'kull każ jiġi ggarantit u kkontrollat l-użu obligatorju tat-tikketta ta' tagħrif, u li l-frodi fl-ittikkettar tal-prodotti tkun indirizzata kif xieraq;

3.  Fir-rigward tar-regoli tal-Komunità dwar l-għajnuna statali:

  • (a)jistieden lill-Istati Membri sabiex, b'urġenza, iwettqu ħlasijiet ta' għajnuna de minimis, sa massimu ta’ EUR 30,000 kull kumpanija, determinati mir-regolament Komunitarju, għal dawk il-kumpanija kollha li jitolbuha jew li diġà għamlu talba għaliha;
  • (b)jistieden lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi dan ir-regolament u żżid l-għajnuna għal kull bastiment minflok għal kull kumpanija sabiex il-livell ta’ għajnuna jitqarreb lejn il-livell ta' setturi ekonomiċi oħra;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex, waqt il-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd fit-23 ta' Ġunju li ġej, tipproponi l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tissolva din il-kriżi fiż-żmien qasir, medju u fit-tul;

5.  Jitlob sabiex waqt il-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd li jmiss tiġi diskussa l-kriżi tas-sajd u jiġu adottati l-miżuri urġenti kollha li huma meħtieġa sabiex tissolva l-kriżi;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet ta' l-Istati Membri u lir-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet Ewropej tas-settur tas-sajd.