Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0340/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0340/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

2.7.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano, Hannes Swoboda, Alexandra Dobolyi
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-qagħda fiċ-Ċina wara t-terremot u qabel il-Logħob Olimpliku

Proċedura : 2008/2605(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0340/2008
Testi mressqa :
B6-0340/2008
Testi adottati :

B6‑0340/08

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda fiċ-Ċina wara t-terremot u qabel il-Logħob Olimpliku

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Mejju dwar id-diżastru naturali fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-10 ta’ April 2008 dwar il-qagħda fit-Tibet,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina u d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-qerda kkawżata mit-terremot qawwi li affettwa l-Lbiċ taċ-Ċina fit-12 ta' Mejju 2008 kienet kbira ħafna, u għexieren ta' eluf ta' persuni sfaw vittmi ta’ dan it-terremot, b’mod partikulari fil-provinċja ta’ Sichuan,

B.  billi l-gvern Ċiniż ipprovda mezzi ta’ salvataġġ eċċezzjonali, u ta’ persunal, inkluża parti mill-armata, kif ukoll timijiet mediċi biex jgħinu lill-abitanti tar-reġjun milqut,

C.  billi kien hemm mobilizzazzjoni u solidarjetà straordinarja tal-poplu Ċiniż kollu kemm hu, kif ukoll tal-komunità internazzjonali, bil-għan li jiġu megħjuna l-persuni affettwati,

D.  billi l-organizzazzjoni tal-logħob Olimpliku f’Peking f’Awissu 2008 hija okkażjoni unika biex isiru magħrufa l-bidliet li saru fiċ-Ċina fl-aħħar għoxrin sena,

E.  billi l-organizzazzjoni tal-logħob Olimpliku f’Peking hija okkażjoni straordinarja għaċ-Ċina u għall-awtoritajiet ta’ Peking biex jinfetħu għad-dinja u viċiversa, u biex juru li ċ-Ċina hija kapaċi żżomm il-wegħdiet tagħha rigward il-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem,

F.  billi l-kuntatti u n-negozjati bejn ir-rappreżentanti tad-Dalai-Lama u l-awtoritajiet ta’ Peking reġgħu bdew wara d-dimostrazzjonijiet vjolenti li seħħew f'Lhasa fix-xahar ta' Marzu,

1.  Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur l-integrità territorjali taċ-Ċina, kif ukoll ir-rispett tal-prinċipju ta’ “Ċina waħda”;

2.  Iqis b’mod favorevoli l-klima ġdida ta’ ftehim politiku bejn l-awtoritajiet ta’ Peking u l-mexxejja ġodda tat-Tajwan; jilqa’ bil-ferħ id-deċiżjoni li jiġu stabbiliti konnessjonijiet diretti bl-ajru bejn il-gżira u l-kontinent;

3.  Jilqa’ bil-ferħ il-ftuħ mill-ġdid tal-kuntatti, wara l-ġrajjiet tax-xahar ta’ Marzu f’Lhasa, bejn ir-rappreżentanti tad-Dalai-Lama u l-awtoritajiet Ċiniżi; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jintensifikaw dawn il-kuntatti sabiex joħolqu bażi ta’ fiduċja reċiproka, l-unika kundizzjoni li permezz tagħha tista' tinstab soluzzjoni politika li tkun aċċettabbli miż-żewġ naħat;

4.  Jafferma b’sodisfazzjoni li ċ-Ċina ma damitx biex aċċettat l-għajnuna tal-komunità internazzjonali biex tgħin lill-persuni milquta fir-reġjun ta’ Sichuan u biex tiffaċilita l-intervent ta’ l-organizzazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja u ta’ salvataġġ għat-tqassim ta’ l-għajnuna;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' l-appoġġ ta’ l-Unjoni Ewropea, ta’ l-Istati Membri u tal-komunità internazzjonali fil-fażi tar-rikostruzzjoni tar-reġjun;

6.  Jitlob liċ-Ċina biex tirrispetta l-impenji pubbliċi tagħha lejn id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi, id-demokrazija u l-istat tad-dritt li tħabbru fid-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC) li tħalli liċ-Ċina torganizza l-Logħob;

7.  Iqis li l-poplu Ċiniż jistħoqqlu dan il-Logħob Olimpiku, u jinsab konvint li l-organizzazzjoni tal-Logħob f’Peking hija okkażjoni straordinarja għaċ-Ċina u għall-awtoritajiet Ċiniżi biex juru lid-dinja l-bidliet konsiderevoli li twettqu, u biex fl-istess waqt juru l-impenn taċ-Ċina li żżomm il-wegħdiet tagħha rigward id-drittijiet tal-bniedem; jiġbed l-attenzjoni għall-konklużjonijiet tas-XVII-il kungress tal-Partit, li jista’ jiftaħ it-triq għal riforma politika li tippromwovi d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lil Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kumitat Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.