MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
2.7.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Vittorio Agnoletto
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku
B6‑0342/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina,
- wara li kkunsidra l-Karta Olimpika,
- wara li kkunsidra r-riżultati tal-25 rawnd tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Ċina li sar fi Brdo, is-Slovenja, fil-15 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, skond l-aħħar estimi, 10 miljun persuna kienu effettwati mit-terremot fiċ-Ċina li qered għal kollox partijiet kbar mill-pajjiż, speċjalment il-provinċja ta' Sichuan, bi kważi 70,000 persuna maqtula, inklużi eluf ta' tfal ta' l-iskola li mietu meta ċedew il-klassijiet tagħhom,
B. billi t-terremot ħalla mill-inqas 5 miljun persuna mingħajr dar; billi miljuni ta' bhejjem u ammont sinifikanti ta' art agrikola kienet meqruda, inklużi 12.5 miljun annimal,
C. billi l-Gvern Ċiniż jikkalkula li aktar minn 7 000 klassi ta' l-iskola waqgħu fit-terremot,
D. billi, bħala riżultat tal-qawwa tat-terremot ta' 8.0 u tal-ħafna repliki qawwija tat-terremot, ħafna xmajjar kienu imblukkati minn twaqqigħ kbir ta' materjal, li wassal biex jiffurmaw 'għadajjar tat-terremot' ('quake lakes') li eventwalment se jċedu taħt il-piż ta' massa ta' ilma li dejjem qed tiżdied, u li potenzjalment qed tipperikola l-ħajjiet ta' miljuni ta' nies,
E. billi l-Gvern Ċiniż immedjatament organizza miżuri ta' salvataġġ u ta' għajnuna umanitarja; billi l-isforzi ta' salvataġġ taċ-Ċina kienu karatterizzati minn ħeffa u effiċjenza,
F. billi l-komunità internazzjonali malajr offriet għajnuna liċ-Ċina, u billi ċ-Ċina laqgħet l-għajnuna barranija; billi l-UE pprovdiet 2 miljun ewro f'għajnuna umanitarja rapida,
G. billi ċ-Ċina għandha rekord fqir ta' ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment f'oqsma bħad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet, l-użu fil-pajjiż tat-tortura, il-piena kapitali, u l-ksur tad-drittijiet tal-ħabsin, kif ukoll nuqqas ġenerali ta' drittijiet meħtieġa għad-demokrazija bħal-libertà ta' l-espressjoni u midja indipendenti,
H. billi hu fl-interess reċiproku ta' l-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina li jinstab spazju komuni għal ftehim politiku u ġeostrateġiku internazzjonali li jmur lil hinn mill-iskambji kummerċjali, li jinkludi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-valuri demokratiċi li għalihom jaspiraw il-popli tad-dinja kollha; billi dan l-ispazju komuni jista' jintlaħaq biss bid-djalogu u bir-rispett reċiproku,
I. billi d-djalogu strutturali bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem li nbeda fl-2000, hu ta' importanza kbira,
1. Jagħti l-kondoljanzi sinċieri lill-poplu taċ-Ċina, u partikolarment lill-vittmi tat-terremot terribbli fil-provinċja ta' Sichuan;
2. Jesprimi r-rispett kbir tiegħu għal mod kif il-gvern Ċiniż ittratta s-sitwazzjoni diffiċli wara t-terremot;
3. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reazzjoni immedjata tal-Kummissjoni u l-offerta tagħha li tkompli tagħti l-għajnuna; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Gvern Ċiniż, il-ħtiġiet fir-rigward ta' l-għajnuna umanitarja u tar-rikostruzzjoni;
4. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Logħob Olimpiku ta' Beijing huma opportunità straordinarja għaċ-Ċina sabiex tinfetaħ għad-dinja, u viċi-versa, u biex turi li hi kapaċi żżomm il-wegħdiet tagħha rigward il-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali mal-poplu Ċiniż kollu, mingħajr l-ebda distinzjoni;
5. Itenni l-opinjoni tiegħu li l-appoġġ għal-Logħob Olimpiku u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jimxu id f'id; jinnota li, permezz tal-fatt li ċ-Ċina ospitat il-Logħob, u minħabba li Beijing assigura li jħalli rappurtar ħieles tal-Logħob u ta' l-ambjent tiegħu, id-diskussjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet demokratiċi fiċ-Ċina ingħataw impetu ġdid;
6. Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex iqiegħed fil-prattika kundizzjonijiet aktar ħielsa għall-midja internazzjonali, kif ukoll għall-midja Ċiniża, u sabiex jippermettilhom li joperaw b'mod ħieles fit-territorju tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, inkluż fit-Tibet u Xinjiang;
7. Jistieden liċ-Ċina biex tirrispetta l-impenji pubbliċi tagħha għad-drittijiet tal-bniedem u tal-minoranzi, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, kif imħabbar fid-deċiżjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (OIC) li ppermettiet liċ-Ċina torganizza l-Logħob;
8. Iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex tirratifika l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kif imwiegħed mill-uffiċjali tal-gvern tagħha, u jittama li dan jista' jseħħ qabel il-Logħob Olimpiku; jistieden liċ-Ċina biex tirrispetta bis-sħiħ u timplimenta l-ftehimiet u l-konvenzjonijiet internazzjonali kollha li hi involuta fihom, partikolarment dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-President, il-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.