Proċedura : 2008/2607(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0343/2008

Testi mressqa :

B6-0343/2008

Dibattiti :

PV 04/09/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 04/09/2008 - 7.3

Testi adottati :

P6_TA(2008)0404

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 120kWORD 69k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0343/2008
2.7.2008
PE410.718
 
B6‑0343/2008
imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0166/2008 u B6‑0167/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis Wurtz, Luisa Morgantini, Kyriacos Triantaphyllides, Umberto Guidoni, Miguel Portas u Bairbre de Brún
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani 
B6‑0343/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, b'mod partikulari l-Artikolu 2 tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi tal-bini ta' ħajt fix-Xatt tal-Punent,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-tminn laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, li saret fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tad-delegazzjoni ad hoc li għamlet żjara fl-Iżrael u fit-Territorji Palestinjani mit-30 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU dwar il-kunflitt tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tat-12 ta' Awwissu 1949, b'mod partikulari l-Artikoli 1 sa 12, 27, 29 sa 34, 47, 49, 51, 52, 53, 59, 61 sa 77 u 143 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNCRC) ta' l-20 ta' Novembru 1989, b'mod partikulari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 37 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi ta' l-1966,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali (2007) tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, b'mod partikulari s-sezzjoni li tindirizza t-Territorji Palestinjani Okkupati,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra adottata permezz tar-Riżoluzzjoni ta' l-Assemblea Ġenerali 39/46 ta' l-10 ta' Diċembru ta' l-1984,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi aktar minn 700 000 Palestinjan ġew arrestati mill-awtoritajiet Iżraeljani mill-1967; billi llum kważi 10 000 Palestinjan, inkluż 118-il mara, qed ikunu miżmuma f'ċentri Iżraeljani ta' detenzjoni u ta' interrogazzjoni, jew f'ħabsijiet Iżraeljani, minn popolazzjoni ta' 3.5 miljun Palestinjan li jgħixu fit-Territorji Palesrtinjani Okkupati,

B.  billi mill-bidu ta' l-Intifada f'Settembru 2000 aktar minn 6000 tifel Palestinjan ġew arrestati jew miżmuma minn Iżrael; billi fil-preżent 376 tifel u tifla attwalment jinsabu miżmuma f'ċentri Iżraeljani ta' detenzjoni u ta' interrogazzjoni, jew f'ħabsijiet Iżraeljani,

C.  billi skond il-UNCRC, li l-Iżrael huwa firmatarju għalih, u skond il-liġi domestika ta' l-Iżrael, it-tfal huma definiti bħal kull persuna taħt l-età ta' 18-il sena; billi, madankollu, il-Palestinjani mill-età ta' 16-il sena huma meqjusa bħala adulti skond ir-regolamenti militari ta' l-Iżrael li jirregolaw it-Territorji Palestinjani Okkupati,

D.  billi l-priġunieri minorenni huma miżmuma f'kundizzjonijiet diżumani, obbligati jgħixu fil-ħmieġ, f'ċelel b'wisq nies fihom, miżmuma f'ċelel ta' iżolament 1.5 x 1.5 m umdi u mingħajr dawl naturali, u ta' spiss mġiegħla joqogħdu ma' priġunieri adulti u għalhekk b'riskju ta' fastidju u abbuż fil-konfront tagħhom,

E.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Punent u mill-Medda ta' Gaża qed jinżammu f'ħabsijiet li jinsabu fit-territorju Iżraeljan, billi l-liġi umanitarja internazzjonali tipprojbixxi t-trasferiment ta' persuni ċivili, inklużi detenuti u priġunieri, minn territorju okkupat għat-territorju ta' l-istat li jkun qed iwettaq l-okkupazzjoni;

F.  billi l-Iżrael jinjora din ir-regola u ċ-ċaħda kontinwa ta' permessi għad-dħul fl-Iżrael qed ikunu r-raġunijiet ewlenin li jċaħdu lill-priġunieri mix-Xatt tal-Punent u mill-Medda ta' Gaża milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jirċievu żjarat mill-famijari tagħhom b'mod raġonevoli; billi madwar 1,240 priġunier Palestinjan, inklużi 840 li qed jinżammu f'iżolament totali, huma mċaħħda minn żjarat tal-familjari tagħhom, fi ksur ta' l-Artikolu 116 tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,

G.  billi l-Iżrael qiegħed fil-preżent iżomm madwar 730 priġunier, inklużi 13-il tifel u tifla, f''Detenzjoni Amministrattiva' mingħajr akkuża jew proċess, awtorizzat minn kanali amministrattivi minflok b'digriet ġudizzjarju; billi l-Iżrael jinjora r-restrizzjonijiet imposti mil-liġi dwar l-applikazzjoni ta' 'detenzjoni amministrattiva'; billi waqt li d-detenuti jistgħu jappellaw kontra ż-żamma tagħhom, la huma u lanqas l-avukati tagħhom ma huwa qed jitħallielhom aċċess għall-evidenza kontrihom; billi l-Iżrael qatt ma ddefinixxa l-kriterji għal dak li jikkostitwixxi 'sigurtà ta' l-istat';

H.  billi l-arrest ta' 48 Parlamentari, jiġifieri kważi terz tal-membri eletti tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, xekkel b'mod qawwi l-ħajja demokratika Palestinjana; billi l-Iżrael arresta u daħħal il-ħabs ukoll membri eletti tal-kunsill muniċipali,

I.  billi l-kwistjoni ta' priġunieri politiċi hija punt deċiżiv fuq l-aġenda politika, b'implikazzjonijiet politiċi, soċjali u umanitarji importanti, billi l-priġunieri politiċi Palestinjani u ex-detenuti għandhom irwol prominenti fis-soċjetà Palestinjana,

J.  billi d-dokument tal-priġunieri adottat f'Mejju ta' l-2006 minn mexxejja politici li qegħdin il-ħabs u li gejjin minn fazzjonijiet differenti serva bħala bażi għad-dokument ta' konċiljazzjoni nazzjonali u witta t-triq għat-twaqqif ta' gvern ta' unità nazzjonali,

K.  billi l-priġunieri Palestinjani, inklużi t-tfal, huma suġġetti għal trattament umiljanti u degradanti; billi l-awtoritajiet Palestinjani għadhom qed jużaw metodi fiżiċi ta' interrogazzjoni u theddid fiżiku u psikoloġiku, li ġieli jwasslu għal tortura, biex jintimidaw id-detenuti u jiksbu konfessjoni; billi l-liġi internazzjonali timponi projbizzjoni assoluta rigward it-tortura,

L.  billi fl-2007, żewġ rapporti ppubblikati minn NGOs Iżraeljani wrew li l-priġunieri Palestinjani kienu qed jiġu suġġetti għal trattament fiżiku ħażin u kienu qed jiġu mċaħda mill-bżonnijiet bażiċi, bħal pereżempju l-irqad, għal aktar minn 24 siegħa; billi dawn il-fatti ġew ikkonfermati fir-rapport imħejji mill-Kumitat Pubbliku Kontra t-Tortura fl-Iżrael (PCATI) intitolat 'Bla Difiża: Vjolenza tas-Suldati kontra d-Detenuti Palestinjani' ppubblikat fit-22 ta' Ġunju 2008; billi għalkemm il-fenomenu ta' vjolenza kontra d-detenuti Palestinjani mis-suldati huwa magħruf, għadd żgħir biss ta' investigazzjonijiet u proċedimenti legali ġew imwettqa fir-rigward ta' każijiet ta' abbuż minn suldati; billi din il-vjolenza u l-fastidju huma kultant imfassla biex jagħmlu pressjoni fuq id-detenuti Palestinjani sabiex isiru kollaboratui jew informaturi għall-Iżrael,

M.  billi ħafna mill-1,180 priġunier Palestinjan li ġew iddijanjostikati bħala morda jew midruba mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, li minnhom madwar 160 li huma ddijanjostikati b'mard serju, huma mċaħħda mill-attenzjoni medika xierqa fi ksur ta' l-Artikolu 91 tas-Sitt Konvenzjoni ta' Ginevra,

N.  billi l-Pjan ta' Azzjoni UE/Iżrael (2004) jenfasizza b'mod espliċitu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali fost il-valuri komuni bejn l-UE u l-Iżrael; billi, skond l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael (2000), ir-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Iżrael huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji demokratiċi, li għandhom jiggwidaw kemm il-politika interna kif ukoll dik internazzjonali u jikkostitwixxu element essenzjali għall-ftehima msemmija hawn fuq,

1.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni min-naħa ta' l-Iżrael ta' l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael u jistieden lill-Iżrael, biex jikkonforma mad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar il-ħarsien taċ-ċivili li jgħixu taħt okkupazzjoni; jitlob lill-Kunsill biex jieħu l-passi meħtieġa sabiex issir pressjoni fuq l-Iżrael biex jirrispetta l-istandards legali internazzjonali fit-Territorji Palestinjani Okkupati;

2.  Jesprimi bis-sħiħ it-twemmin tiegħu li t-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael għandhom ikunu konsistenti u marbuta mal-konformità min-naħa ta' l-Iżrael ma' l-obbligi internazzjonali tiegħu mal-liġi internazzjonali, b'mod partikulari d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda mit-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li jiġi stabbilit Sottokumitat komplut dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, minflok il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob sabiex l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fl-Iżrael u fit-Territorji Palestinjani Okkupati jkunu kkonsultati bis-sħiħ u involuti totalment fil-monitoraġġ tal-progress ta' l-Iżrael lejn il-konformità ma' l-obbligi tiegħu skond il-liġi internazzjonali;

4.  Jistieden lill-Iżrael biex jirriforma s-sistema legali militari applikata għat-tfal Palestinjani, sabiex issir konformi ma' l-istandards internazzjonali tal-ġustizzja tal-minorenni, u b'mod partikulari biex:

   a.tintemm id-detenzjoni arbitrarja u illegali ta' persuni taħt l-età ta' 18-il sena;
   b.tintemm il-prattika li jinżammu persuni taħt l-età ta' 18 f' 'detenzjoni amministrattiva;
   c.ikunu riveduti immedjatament, skond il-UNCRC u l-liġi domestika Iżraeljana, ir-regolamenti li jirregolaw it-Territorji Palestinjani Okkupati rigward l-età ta' adult;
   d.ikunu garantiti kundizzjonijiet sikuri u ta' għejxien xieraq għall-minornenni detenuti jew impriġunati, kif stipulat fil-UNCRC u fir-regolamenti standardizzati tan-NU rigward l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-kundizzjonijiet ta' detenzjoni għall-minorenni;

5.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-Iżrael il-Linji Gwida ta' l-UE dwar it-Tfal f'Kunflitti Armati u biex jagħmlu mezz li d-detenzjoni ta' tfal Palestinjani mill-Iżrael issir parti essenzjali tad-djalogu fuq il-livelli kollha tar-relazzjonijiet;

6.  Ifakkar lill-Iżrael li l-prattika taż-żamma ta' priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Punent u mill-Medda ta' Gaża f'ħabsijiet fl-Iżrael hija fi ksur ta' l-obbligi tiegħu skond il-liġi internazzjonali; jinsisti dwar l-implimentazzjoni immedjata tad-drittijiet tal-priġunieri għal żjarat mill-familjari tagħhom u jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex dan id-dritt jingħata bħala l-ewwel pass;

7.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li d-drittijiet ta' l-individwu u r-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem jikkontribwixxu għas-sigurtà; iqis meħtieġ li, fil-kuntest tar-relazzjoni bejn il-bżonn għas-sigurtà u d-drittijiet ta' l-individwu, id-drittijiet tal-bniedem għandhom dejjem jiġu rrispettati; jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-Knesset għalhekk biex iwaqqfu kull forma ta' tortura u biex jikkunsidraw mill-ġdid il-Liġi dwar il-Ġellieda Illegali, li tippermetti d-detenzjoni amministrattiva, u biex jagħmluha konformi mal-liġi umanitarja u ma' l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jistieden lill-Iżrael biex jirriforma s-sistema legali militari applikata għall-priġunieri Palestinjani, b'mod partikulari fir-rigward ta':

   a.id-dritt ta' aċċess immedjat għall-assistenza legali, qabel u matul l-interrogazzjoni;
   b.iċ-ċaħda ta' l-evidenza kollha miksuba permezz tal-forza;
   c.id-dritt ta' detenzjoni fi ħdan it-territorji Palestinjani Okkupati;

9.  Itenni l-kundanna tiegħu tal-forom kollha ta' tortura u trattament ħażin; jistieden lill-Iżrael biex immedjatament jiżgura l-konformità tiegħu mal-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura li għaliha huwa Stat firmatarju, u biex:

   a.immedjatament iwaqqaf kull forma ta' trattament ħażin u tortura waqt l-arrest, l-interrogazzjoni u l-impriġunerija, biex jadotta leġiżlazzjoni rigward din il-kwistjoni u biex jinvestiga bir-reqqa u b'mod imparzjali l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura u abbuż fil-konfront tad-detenuti Palestinjani u biex iressaq lil dawk li jinstabu responsabbli għal dan l-abbuż quddiem il-ġustizzja;
   b.jiżgura li jkunu osservati l-istandards minimi ta' detenzjoni fir-rigward ta' l-ikel, id-daqs u l-post tal-ħabsijiet, il-ħarsien mill-kundizzjonijiet tat-temp u ż-żjarat familjari;
   c.jiggarantixxi aċċess għall-priġunieri Palestinjani kollha għal standards adegwati ta' kura medika;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni tal-priġunieri nisa Palestinjani, li regolarment huma suġġetti għal trattament ħażin, fastidju sesswali u tipi oħra ta' kastigi; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex itejbu b'mod konsiderevoli l-protezzjoni ta' priġunieri vulnerabbli, b'mod partikulari l-ommijiet u n-nisa żgħar;

11.  Għal darba oħra jitlob għall-ħelsien immedjat tal-membri kollha tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan;

12.  Jinnota l-irwol morali u politiku li għandhom xi priġunieri politiċi Palestinjani fi ħdan is-soċjetà Palestinjana u l-kapaċità tagħhom li jkunu forza ta' moderazzjoni, kemm internament kif ukoll fir-rigward tal-kunflitt ma' l-Iżrael; itenni l-importanza tal-ħelsien tagħhom biex titrawwem il-kunfidenza, u għalhekk jitlob li jinħelsu għadd sostanzjali ta' priġunieri politiċi Palestinjani, primarjament Marwan Barghouti; jenfasizza li kwalunkwe riżoluzzjoni tal-kunflitt għandha tinkludi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi Palestinjani kollha;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentat tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarjat Ġenerali għat-Tfal u l-Kunflitt Armat.

Avviż legali - Politika tal-privatezza