Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0346/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0346/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

4.7.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Daniel Cohn-Bendit, Monica Frassoni, Hélène Flautre, Eva Lichtenberger, Milan Horáček, Raül Romeva i Rueda, Mikel Irujo Amezaga, Helga Trüpel u Bart Staes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0346/2008
Testi mressqa :
B6-0346/2008
Testi adottati :

B6‑0346/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku

Il-Parlament Ewropew,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, u l-aktar dik dwar id-djalogu bejn il-Gvern Ċiniż u l-Mibgħuta tad-Dalai Lama tal-15 ta' Frar 2007, u dik ta' l-10 ta' April 2008,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007 dwar is-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina u d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2008 dwar id-diżastru naturali fiċ-Ċina,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina tas-7 ta' Settembru 2006,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar it-tħaddim tad-djalogi dwar Drittijiet tal-Bniedem u l-konsultazzjonijiet ma' pajjiżi terzi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-protesti li bdew f'Lhasa fl-10 ta' Marzu 2008, fid-49 anniversarju tar-rewwixxta nazzjonali bla suċċess tat-Tibet kontra l-amministrazzjoni Ċiniża, u li wara nfirxu f'żoni abitati oħra tat-Tibet kienu segwiti mir-repressjoni mwettqa mill-Pulizija Ċiniża u mill-forżi tas-sigurtà, fuq kull min kien suspettat b'involviment fid-dimostrazzjonijiet, b'għotja ta' għajnuna lill-feruti jew b'pussess ta' ritratti tad-Dalai Lama, li rriżultat fl-arrest ta' kważi 6000 persuna u spezzjonijiet punittivi fil-monasteri,

B.  billi wara din ir-rewwixxta, l-awtoritajiet Ċiniżi żiedu l-kampanja "edukazzjoni patrijottika" li tikkundanna s-'soċjetà fewdali mudlama' tat-Tibet u tpinġi lill-Partit Komunista bħala s-salvatur li jġib miegħu l-kuntentizza lill-poplu tat-Tibet; billi t-tieni parti ta' din l-edukazzjoni mill-ġdid teħtieġ li t-Tibetani jiffirmaw dokumenti li fihom jiċħdu lid-Dalai Lama u lill-attivitajiet separatisti,

C.  billi l-movimenti tal-poplu Tibetan huma ristretti u suġġetti għal sorveljanza stretta u huwa projbit għal persuni Tibetani minn postijiet barra Lhasa li jibqgħu f'Lhasa,

D.  billi, minkejja d-dikjarazzjojijiet ta' l-awtoritajiet Ċiniżi, is-sitwazzjoni fit-Tibet m'hi xejn qrib in-normal u l-midja internazzjonali u l-aġenziji internazzjonali ta' monitoraġġ għadhom qed jinċaħdu l-aċċess għar-reġjun, kif ukoll ir-restrinzjonijiet stretti fuq ix-xandir ta' informazzjoni; billi, skond rapporti indipendenti li waqgħu f'idejn il-midja internazzjonali, il-pulizija u l-forzi ta' l-ordni kkonfiskaw il-mowbajls, il-kompjuters u tagħmir ieħor elettroniku f'eluf ta' rejds fil-monasteri, fil-kunventi tas-sorijiet u fi djar privati, u b'hekk eluf ta' Tibetani ma jistgħux jikkomunikaw mad-dinja,

E.  billi, wara d-dimostrazzjonijiet, s'issa madwar 40 persuna nstabu ħatja u kkundannati għal ksur tas-servizzi pubbliċi, serq u tkissir ta' uffiċċji tal-gvern u attakki fuq il-pulizija; billi, minkejja li tħabbar li l-proċedimenti kellhom ikunu proċedimenti pubbliċi, is-sentenzi ingħataw bil-magħluq u kienu sproporzjonati għar-reati magħmula, b'sentenzi minn tliet snin priġunerija sa piena ta' għomor il-ħabs; billi l-proċedimenti legali ma kienu xejn trasparenti u l-akkużati ma ngħatgħux iċ-ċans li jiddefendu lilhom infushom b'mod ġust,

F.  billi fl-20 ta' Ġunju 2008 l-aġenzija ta' l-aħbarijiet ta' l-istat Xinhua rrappurtat li kienu nħelsu aktar minn 1000 ruħ arrestati wara l-protesti fit-Tibet,

G.  billi l-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama ħeġġeġ lid-dimostraturi sabiex jipprotestaw b'mod paċifiku u bla vjolenza u minn dakinhar tenna, f'ħafna okkażjonijiet differenti, t-talba tiegħu biex jerġgħu jibdew in-negozjati ma' Beijing bil-għan li tkun żgurata awtonomija politika, kulturali u spiritwali ġenwina għat-Tibet fiċ-Ċina,

H.  billi fil-21 ta' Ġunju 2008, it-Torċa Olimpika nġarrett fit-toroq ta' Lhasa mdawwra b'suldati libsin l-uniformi ta' kontra r-rewwixti u bi skorta ta' sigurtà kbira; billi l-aċċess fil-belt għall-ġarr tat-Torċa Olimpika ngħata biss lil għadd magħżul u limitat ta' korrispondenti li jirrappreżentaw madwar tletin organizzazzjonijiet internazzjonali ta' l-aħbarijiet; billi skond uħud mir-rapporti tagħhom, kull persuna fil-folla kellha beġġ, u dan jagħti x'jifhem li l-ispettaturi kienu magħżula b'mod speċjali għaċ-ċerimonja,

I.  billi s-segretarju tal-Partit Komunista fit-Tibet, Zhang Qingli, ta xejra politika bil-miftuħ lil dan l-avveniment, billi waqt iċ-ċerimonja tat-Torċa Olimpika f'Lhasa qal li 'sabiex tingħata aktar glorja lill-ispirtu Olimpiku, għandhom jieqfu l-konfoffi, mill-klikka tad-Dalai Lama u minn forzi barraning ġewwa u barra l-pajjiż, maħsuba biex jirvinaw il-Logħob Olimpiku f'Beijing',

J.  billi fil-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Logħob Olimpiku f'Beijing iċ-Ċina wiegħdet 'Logħob Olimpiku ħieles u miftuħ'; billi r-ripressjoni kompleta fit-Tibet tistona ħafna mal-wiegħda tal-Gvern Ċiniż li tingħata libertà ta' moviment madwar iċ-Ċina lill-ġurnalisti barranin u aktar libertà ta' l-istampa qabel il-Logħob Olimpiku,

K.  billi l-Kumitat Internazzjonali tal-Logħob Olimpiku (IOC) stenna li l-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku 2008 fiċ-Ċina jiftaħ aktar il-pajjiż u jtejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-President tal-Kumitat Organizzattiv ta' Beijing għall-Logħob Olimpiku (BOCOG) fis-27 ta' Settembru 2006 wiegħed bil-miftuħ li jonora l-impenji meħuda għat-titjib tas-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, waqt l-offerti għall-Logħob Olimpiku,

L.  billi għandu jsir kull sforz biex jinkiseb vantaġġ mil-Logħob Olimpiku f'Beijing bħala opportunità tad-deheb biex isiru r-riformi demokratiċi fiċ-Ċina u jinkiseb progress sinifikanti dwar il-kwistjoni fit-Tibet,

M.  billi s-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem fiċ-Ċina ma tidhirx li sejra għall-aħjar, kif jidher miż-żamma ta' l-attivist prinċipali ta' l-Internet għad-Drittijiet tal-Bniedem, Huang Qi, fl-10 ta' Ġunju 2008, li min dak inhar inċaħad id-dritt li jkollu avukat, fuq suspett ta' pussess illegali ta' sigrieti statli, wara li żar iż-żona ta' Sichuan fejn seħħ it-terrimot u ppublika aħbarijiet dwar l-isfortuna ta' ġenituri li tilfu lil uliedhom fid-diżastru, u bl-arresti tas-Saċerdot Zhang Mingxuan u l-interpretu tiegħu waqt li kienu qed jivjaġġaw bil-karozza tal-linja lejn il-Lukanda Yanshan biex jiltaqgħu mal-Membru Parlamentari Belder li kien f'Beijing għall-Ħames laqgħa tas-Sħubija Parlamentari bejn l-Asja u l-Ewropa,

N.  billi d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem stabbilit fl-2000 s'issa għadu ma kiseb l-ebda riżultati tanġibbli; billi n-nuqqas ta' riżultati huwa wkoll konsegwenza ta' politika barranija ta' l-UE fir-rigward taċ-Ċina li la hija koordinata u lanqas m'hi effettiva,

O.  billi l-laqgħat riċenti tal-GAERC u l-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju deliberatament ma tawx każ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u t-Tibet u l-inizjattivi possibbli li għandhom jittieħdu rigward il-Logħob Olimpiku,

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għas-sitwazzjoni fit-Tibet u b'mod ġenerali għas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; huwa tal-fehma li l-ksur persistenti li għadu sejjer jikser b'mod sfaċċat l-obbligi li daħlet għalihom iċ-Ċina meta l-pajjiż ġie fdat bl-organizzazjoni tal-Logħob Olimpiku;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex iwaqqfu immedjatament it-trażżin vjolenti fit-Tibet, biex jirtiraw il-forzi tas-sigurtà mill-monasteri u jwaqqfu l-kampanja ta' edukazzjoni patrijottika;

3.  Jilqa' l-ħelsien riċenti ta' detenuti Tibetani iżda jitlob lill-gvern Ċiniż sabiex jerġa' jevalwa l-każijiet u jirrispetta l-prinċipji tal-libertà u l-ġustizzja waqt il-proċess mill-ġdid tat-Tibetani li nstabu ħatja; iħeġġeġ, fl-istess ħin, l-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jiffaċilitaw l-istess proċeduri legali li jkunu ħielsa u ġusti lil dawn it-Tibetani kollha li fil-preżent qegħdin jinfnew fil-ħabs billi jipprovdilhom id-dritt għad-difiża u avukat indipendenti u l-possibilità li jiltaqgħu mal-familjari;

4.  Jieħu nota tad-deċiżjoni li jħalli turisti barranin jerġgħu lura t-Tibet u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħtu aċċess bla rbit fl-inħawi kollha tat-Tibet lill-osservaturi internazzjonali, lill-missjonijiet ta' stħarriġ internazzjonali, diplomatiċi u korrispondenti barranin;

5.  Jilqa' s-seba' fażi ta' taħditiet bejn l-awtoritajiet ta' Beijing u r-rappreżentanti tad-Dalai Lama, li saru fl-1 u 2 ta' Lulju 2008; jistenna li n-negozjati jwasslu għal riżultati sostanzjali u tanġibbli qabel il-Logħob Olimpiku u jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jistiednu d-Dalai Lama għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob bħala sinjal ta' rieda tajba;

6.  Jikkundanna n-nuqqas ta' reazzjoni ċara sa issa mill-Kunsill għall-aħħar żviluppi fit-Tibet u s-sitwazzjoni globali tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina; iħeġġeg lill-Kunsill, f'dan ir-rigward, biex iqiegħed is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u t-Tibet taħt skrutinju strett immedjat u biex jadotta pożizzjoni komuni li tobbliga l-mexxejja ta' l-UE biex ma jattendux iċ-ċerimonja tal-ftuħ jekk ma jsirx progress fil-kwistjoni tat-Tibet, tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina u li ċ-Ċina tonora l-wegħdiet marbuta mal-Logħob Olimpiku;

7.  Itenni, f'dan ir-rigward, is-sejħa tiegħu lill-Kunsill sabiex dan jaħtar mibgħut speċjali dwar il-kwistjonijiet tat-Tibet sabiex jiffaċilita d-djalogu bejn il-partijiet u jsegwi mill-qrib in-negozjati meta dawn jitkomplew;

8.  Jieħu nota tad-diskussjonijiet multilaterali bejn l-Istati Membri ta' l-UE u gvernijiet oħra dwar sforzi koordinati sabiex jippressaw lill-Gvern Ċiniż għall-progress fuq it-Tibet u jitlob għall-kontinwazzjoni ta' dan l-approċċ, li tinkludi t-twaqqif ta' Grupp ta' Kuntatt li jkun jaħdem mat-Tibetani u ċ-Ċiniżi sabiex jiżgura li ż-żewg partijiet qed jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jilħqu ftehima negozjata għat-Tibet;

9.  Jikkritika n-nuqqas tal-KOI li jikkummenta dwar il-ġirja bit-torċa Olimpika li saret fit-toroq ta' Lhasa fi żmien li t-Tibet hija de facto taħt liġi marzjali u magħluqa għall-kumplament tad-dinja; jiddeplora d-dikjarazzjonijiet ta' Zhang Oingli fiċ-ċerimonja tal-ġirja bit-torċa f'Lhasa; jieħu nota tal-kritika ta' dawn id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-KOI u jikkundanna r-rifjut ta' l-awtoritajiet Ċiniżi biex jitolbu skuża pubblika għal dak li ġara; huwa ta' l-opinjoni li l-KOI għandu r-responsabilità li jqiegħed pressjoni fuq il-Gvern Ċiniż biex jagħti aċċess lill-midja barranija għal kwalunkwe fażi tal-ġirja bit-torċa jew kwalunkwe avveniment Olimpiku ieħor bla restrizzjonijiet serji biex dejjem jitħarsu l-valuri Olimpiċi;

10.  Jitlob għall-ħelsien ta' Huang Oi u Zhang Mingxuan u l-interpretu tiegħu u jisħaq fuq it-talba tiegħu għall-ħelsien ta' Hu Jia, nominat fl-2007 għall-Premju Sakharov għall-Libertà tal-Ħsieb tal-Parlament Ewropew, u Yang Chunlin, Gao Zhisheng u l-attivisti l-oħra tad-drittijiet tal-bniedem li ġew miżmuma, arrestati, mibgħuta l-ħabs jew ippersegwitati jew għaliex semmgħu leħenhom kontra l-Logħob Olimpiku f'Beijing, ipprotestaw kontra t-tkeċċija sfurzata minħabba xogħol ta' bini għall-Olimpjadi jew iddefendew dimostranti bħal dawn; juri t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-dissident ta' l-internet il-mara ta' Hu Jia, Zeng Jinyan u t-tifla tagħhom ta' sitt xhur, li bħalissa huma suġġetti għas-sorveljanza u t-theddid kostanti tal-pulizija;

11.  Itenni t-talba tiegħu liċ-Ċina li tagħti aċċess indipendenti lil Gedhun Choekyi Nyima, il-Panchen Lama tat-Tibet, u lill-ġenituri tiegħu, kif mitlub mill-Kumitat tan-NU fuq id-Drittijiet tat-Tfal, u li ma jibqax jindaħal fi kwistjonijiet reliġjużi;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi sabiex jagħmlu stedina miftuħa lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-aġenziji tan-NU sabiex iżuru t-Tibet;

13.  Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ u jitjieb b'modkonsiderevoli d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina u jiddeplora, f'dan ir-rigward, in-nuqqas ta' konsistenza bejn is-seminars legali organizzati qabel id-djalogi fuq id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istess djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jara bħala kruċjali li l-parti l-oħra m'għandux ikollha l-aħħar kelma fl-għażla tar-rappreżentanti ta' l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili involuti f'dawn is-seminars legali;

14.  Jikkritika n-nuqqas ta' politika Ewropea koordinata u koerenti dwar iċ-Ċina u jinnota li r-relazzjonijiet maċ-Ċina kienu sa issa kkaratterizzati minn kompetizzjoni taħraq bejn il-mexxejja ta' l-UE, li l-uniku interess tagħhom kien li jiffirmaw kuntratti li jħallu qligħ ma' l-awtoritajiet Ċiniżi b'detriment għad-drittijiet tal-bniedem; jiddeplora l-fatt li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem mhux kriterju għall-għoti tal-Logħob Olimpiku;

15.  Jistieden lill-Kunsill sabiex jistieden lid-Dalai Lama għal-laqgħa tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali sabiex jippreżenta l-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni fit-Tibet u jispjega lis-27 Ministru ta' l-Affarijiet Barranin l-approċċ tat-triq tan-nofs u l-kunċett tiegħu ta' awtonomija ġenwina li tiġi implimentata għat-Tibetani kollha fiċ-Ċina;

16.  Jistieden, għalhekk, lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jikkunsidraw b'mod serju miżuri konġunti fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx u biex jerġgħu jevalwaw l-istrateġija tas-sħubija maċ-Ċina;

17.  Iħeġġeġ liċ-Ċina sabiex tirratifika bla aktar dewmien, u fi kwalunkwe każ qabel il-Logħob Olimpiku, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-President u lill-Prim Ministru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u lill-Kumitat Olimpiku Internazzjonali.