Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0348/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0348/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

7.7.2008

wara l-Mistoqsijiet għal Tweġiba Orali mressqa mill-gruppi politiċi
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Marinus Wiersma, Kristian Vigenin, Magda Kósáné Kovács, Claudio Fava, Gianni Pittella, Adrian Severin u Katalin Lévai, f'isem il-Grupp PSE

Viktória Mohácsi, Marco Cappato, Sarah Ludford, Metin Kazak u Magor Imre Csibi, f'isem il-Grupp ALDE

Monica Frassoni, Elly de Groen-Kouwenhoven u Claude Turmes, f'isem il-Grupp Verts/ALE

Giusto Catania, Roberto Musacchio, Vittorio Agnoletto u Umberto Guidoni, f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi ta' l-etniċità fl-Italja

Proċedura : 2008/2614(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0348/2008

B6‑0348/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iċ-ċensiment tar-Roma fuq bażi ta' l-etniċità fl-Italja

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Drittijiet tal-Bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-prinċipji ta' l-ugwaljanza u tan-non-diskriminazzjoni, id-dritt għad-dinjità, għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-dejta, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, hekk kif rikonoxxuti mill-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej għall-ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u l-każistika relatata[1], il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra t-Trattati ta' l-UE, u b'mod partikolari l-Artikoli 2, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 13 (miżuri kontra d-diskriminazzjoni bbażata, inter alia, fuq ir-razza u l-oriġini etnika), 12 (projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità), 17 (Ċittadinanza Ewropea), 18 (moviment liberu) u 39 u oħrajn (moviment liberu tal-ħaddiema) tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità u partikolarment id-definizzjonijiet tad-diskriminazzjoni diretta u indiretta, id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet tal-libertà tal-moviment u tar-residenza taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom fit-territorju ta' l-Istati Membri u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Ħidma ta' l-Istaff tal-Kummissjoni dwar l-Istrumenti u l-Politiki tal-Komunità għall-Integrazzjoni tar-Roma[2] u r-Rapport annwali għall-2008 ta' l-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar, inter alia, ir-Roma, ir-razziżmu u l-ksenofobija, il-miżuri kontra d-diskriminazzjoni, u l-moviment liberu[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(5), 103(2), u (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE hija komunità ta' valuri bbażata fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-Drittijiet tal-Bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza u n-non-diskriminazzjoni, inkluż il-ħarsien ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, u billi l-UE ħadet l-impenn li tiġġieled kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, kif ukoll id-diskriminazzjoni bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikoli 12 u 13 tat-Trattat KE,

B.  billi dawn il-valuri huma implimentati fl-UE permezz tad-direttivi kontra d-diskriminazzjoni u favur il-moviment liberu, kif ukoll permezz tal-politiki li huma bbażati fuqhom, u l-Istati Membri huma marbuta li jimplimentawhom bis-sħiħ u li ma jwettqux atti li jistgħu jiksruhom,

C.  billi r-Roma huma waħda mill-miri prinċipali tar-razziżmu u d-diskriminazzjoni, hekk kif jidher ċar mill-inċidenti reċenti li kienu jinvolvu attakki u aggressjoni kontra r-Roma fl-Italja u fl-Ungerija, u hekk kif ġie enfasizzat ulterjorment fl-inkjesti reċenti ta' l-Eurobarometru,

D.  billi fil-Karta ta' Ħidma ta' l-Istaff tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li diġà hemm numru ta' strumenti u politiki leġiżlattivi u finanzjarji ta' l-UE li huma disponibbli għall-Istati Membri, sabiex dawn ikunu jistgħu jiġġieldu d-diskriminazzjoni kontra r-Roma u jippromwovu l-inklużjoni tar-Roma, partikolarment permezz ta' l-iskambju u l-promozzjoni ta' l-aħjar prattika f'dan il-qasam,

E.  billi l-popolazzjoni tar-Roma hija komunità pan-Ewropea etnokulturali bla nazzjon jew stat, u għalhekk l-UE għandha r-responsabilità partikolari li tfassal strateġija u politika Ewropea favur ir-Roma flimkien ma' l-Istati Membri,

F.  billi fil-21 ta' Mejju 2008, il-Gvern Taljan ħareġ dikriet fejn iddikjara stat ta' emerġenza fir-rigward tal-kampijiet nomadi fir-reġjuni tal-Campania, tal-Lazio u tal-Lombardia[4], ibbażat fuq il-Liġi Nru 225 ta' l-24 ta' Frar 1992 dwar il-protezzjoni ċivili, li tagħti lill-gvern il-poter li jiddikjara stat ta' emerġenza f'każ ta' ''diżastri naturali, katastrofi u avvenimenti oħra li, minħabba l-intensità u l-iskop tagħhom, għandom jiġu ttrattati bl-użu ta' setgħat u mezzi straordinarji'',

G.  billi wara dan id-dikriet ġew ordnijiet ulterjuri fit-30 ta' Mejju 2008 ('ordinanze') maħruġa mill-Prim Ministru[5] li:

  • -jaħtru l-Prefetti ta' Ruma, Milan u Napli bħala Kummissarji dwar l-emerġenza tar-Roma,
  • -jagħtuhom setgħat straordinarji biex jidentifikaw persuni, inklużi minorenni, u anke permezz tat-teħid ta' marki tas-swaba',
  • -jagħtuhom is-setgħa li jieħdu l-miżuri neċessarji kontra l-persuni li huma mkeċċija jew li jistgħu jiġu mkeċċija b'miżura amministrattiva jew ġudizzjarja,
  • -jippermettulhom li jidderogaw (għalkemm mingħajr preġudizzju għall-istat tad-dritt u l-liġi ta' l-UE) minn numru ta' liġijiet li jikkonċernaw spettru wiesa' ta' kwistjonijiet li jaffettwaw il-prerogattivi kostituzzjonali (pereżempju d-dritt li wieħed ikun infurmat meta jkun soġġett għal proċedura amministrattiva bħat-teħid tal-marki tas-swaba' u r-rekwiżit li l-persuni li jkunu perikolużi jew suspettati jew li jirrifjutaw li jidentifikaw ruħhom qabel ma jwettqu testjar ta' l-identità permezz tal-fotografija, it-teħid tal-marki tas-swaba' jew il-ġbir ta' dejta antropometrika,

H.  billi d-dikriet iddikjara stat ta' emerġenza għal perjodu ta' sena, sal-31 ta' Mejju 2009,

I.  billi l-Ministru Taljan għall-Affarijiet Interni ddikjara ripetutament li l-iskop li jittieħdu l-marki tas-swaba' huwa li jitwettaq ċensiment tal-popolazzjoni Roma fl-Italja u li għandu l-intenzjoni li jippermetti li ssir din il-proċedura għar-Roma li jgħixu fil-kampijiet, inklużi l-minorenni, permezz ta' deroga mil-liġijiet ordinarji, filwaqt li afferma li l-Italja se twettaq dawn l-operazzjonijiet ta' identifikazzjoni li se jintemmu qabel il-15 ta' Ottubru, f'Milan, f'Ruma u f'Napli,

J.  billi l-operazzjonijiet tat-teħid tal-marki tas-swaba' diġà qed isiru fl-Italja, partikolarment f'Milan u f'Napli, u billi skond l-informazzjoni pprovduta mill-NGOs, din id-dejta tinżamm mill-Prefetti f'bażi tad-dejta,

K.  billi l-Kummissarji Barrot u Špidla enfasizzaw f'dan ir-rigward l-importanza tal-prinċipji ta' l-ugwaljanza u tan-non-diskriminazzjoni fl-UE, filwaqt li affermaw li l-liġi ta' l-UE tipprojbixxi b'mod ċar id-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-etniċità,

L.  billi l-UNICEF, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa esprimew it-tħassib tagħhom, filwaqt li dan ta' l-aħħar bagħat memorandum lill-gvern Taljan rigward, inter alia, ir-razziżmu, il-ksenofobija u l-protezzjonijiet tad-Drittijiet tal-Bniedem għar-Roma,

M.  billi l-Awtorità Taljana għall-Protezzjoni tad-Dejta talbet informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti, partikolarment lill-Prefetti ta' Ruma, Milan u Napli, rigward il-possibilità li jittieħdu l-marki tas-swaba' tar-Roma, inklużi l-minorenni, peress li kienet tinsab imħassba li dan seta' jikkawża diskriminazzjoni li tkun tista' taffettwa wkoll id-dinjità personali, partikolment dik tal-minorenni,

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljani biex ma jieħdux il-marki tas-swaba' tar-Roma, inkluż tal-minorenni, peress li dan żgur jikkostitwixxi att ta' diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza u l-oriġini etnika pprojbit mill-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll att ta' diskriminazzjoni bejn ċittadini ta' l-UE ta' oriġini Roma jew nomadi u ċittadini oħra, li ma jintalbux li jgħaddu mill-istess proċedura;

2.  Huwa ta' l-istess parir ta' l-UNICEF u jqis li huwa inammissibbli, bil-għan li jiġu protetti t-tfal, illi jinkisru d-drittijiet fundamentali tagħhom u li huma jiġu kriminalizzati, kif ukoll dawk espressi mill-Kunsill ta' l-Ewropa u minn bosta NGOs u komunitajiet reliġjużi, u jqis li l-aħjar mod biex jiġu mħarsa d-drittijiet tat-tfal Roma huwa li tingħatalhom garanzija ta' aċċess għall-edukazzjoni, għall-housing u għall-kura tas-saħħa, fil-kuntest tal-politiki ta' l-inklużjoni u ta' l-integrazzjoni, u li huma jiġu mħarsa kontra l-isfruttament;

3.  Huwa ta' l-istess fehma tal-Kummissjoni li atti bħal dawn jikkostitwixxu ksur tal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta, b'mod partikolari hekk kif imniżżel fid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità u li jinsabu fl-Artikoli 12, 13 u 17 sa 22 tat-Trattat KE;

4.   Jafferma mill-ġdid li l-politiki li jżidu l-esklużjoni qatt m'huma se jkunu effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalità u ma jikkontribwixxux fil-prevenzjoni tal-kriminalità u fiż-żieda tas-sigurtà;

5.   Jikkundanna għal kollox u mingħajr ekwivoki l-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li jiffaċċjaw ir-Roma u oħrajn meqjusa bħala “Żingari”;

6.   Jitlob lill-Istati Membri sabiex jirrevedu u jirrevokaw liġijiet u politiki li jkunu ta' diskriminazzjoni kontra r-Roma fuq il-bażi tar-razza u ta' l-etniċità, b'mod dirett jew indirett, u jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jissorveljaw l-applikazzjoni min-naħa ta' l-Istati Membri tat-Trattati ta' l-UE u tad-direttivi ta' l-UE dwar miżuri kontra d-diskriminazzjoni u dwar il-moviment liberu sabiex jiżguraw illi dawn ikunu konsistenti u implimentati bis-sħiħ u biex jieħdu l-miżuri neċessarji jekk dan ma jkunx qed isir

7.   Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa fil-fond il-miżuri leġiżlattivi u eżekuttivi adottati mill-gvern Taljan sabiex tara li huma kompatibbli mat-Trattati ta' l-UE u mal-liġi ta' l-UE;

8.   Jesprimi tħassib dwar l-affermazzjoni, li tinsab fid-dikrieti amminsitrattivi u fl-ordnijiet maħruġa mill-Gvern Taljan, li l-preżenza nnifisha tal-kampijiet tar-Roma madwar ibliet kbar tikkostitwixxi emerġenza soċjali serja b'impatt fuq l-ordni pubbliku u s-sigurtà, u li dan jiġġustifika d-dikjarar ta' stat ta' emerġenza għal 12-il xahar;

9.   Huwa inkwetat illi, minħabba dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza, ikunu jistgħu jittieħdu miżuri straordinarji b'deroga mil-liġijiet mill-Prefetti, li ngħatatilhom l-awtorità li jimplimentaw il-miżuri kollha, inkluż il-ġbir ta' marki tas-swaba', fuq bażi ta' liġi dwar il-protezzjoni ċivili f'każ ta' ''diżastri naturali, katastrofi jew avvenimenti oħra'', li mhuwiex adegwat jew proporzjonat f'dan il-każ speċifiku;

10.   Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isaħħu ulterjorment il-politiki ta' l-UE dwar ir-Roma permezz tat-tnedija ta' Strateġija ta' l-UE dwar ir-Roma, għall-appoġġ u l-promozzjoni ta' azzjonijiet u proġetti mill-Istati Membri u l-NGOs marbuta ma' l-integrazzjoni u l-inklużjoni tar-Roma, partikolarment tat-tfal Roma;

11.   Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fil-kuntest ta' Strateġija ta' l-UE dwar ir-Roma u fil-kuntest tad-Deċennju ta' l-Inklużjoni tar-Roma, joħorġu liġijiet u politiki għall-appoġġ tal-komunitajiet tar-Roma filwaqt li jippromwovu l-integrazzjoni tagħhom fl-oqsma kollha u jniedu programmi kontra r-razziżmu u kontra d-diskriminazzjoni fl-iskejjel, fl-impjieg u fil-midja;

12.  Itenni f'dan il-kuntest l-importanza li jiġu żviluppati strateġiji fil-livell ta' l-UE u f'dak nazzjonali, billi jsir użu sħiħ mill-opportunitajiet provduti mill-fondi ta' l-UE, sabiex tiġi abolita s-segregazzjoni tar-Roma fl-edukazzjoni, jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal Roma (parteċipazzjoni fl-edukazzjoni prinċipali, introduzzjoni ta' boroż speċjali u programmi ta' taħriġ), jiġi żgurat u mtejjeb l-aċċess tar-Roma għas-swieq tax-xogħol, jiġi provdut aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, jiġu miġġielda l-prattiki diskriminatorji fil-provvista ta' housing, u tiżdied il-parteċipazzjoni tar-Roma fil-ħajja soċjali, ekonomika, kulturali u politika;

13.   Jilqa' l-ħolqien mill-Kummissjoni ta' grupp ta' ħidma kontra d-diskriminazzjoni b'rappreżentanti fl-Istati Membri kollha u jitlob li jkun hemm Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew li jiġi assoċjat u jkollu aċċess sħiħ għall-ħidma ta' dan il-grupp ta' ħidma; jitlob lill-kumitat kompetenti tiegħu sabiex iwaqqaf djalogu mal-parlamenti nazzjonali ta' l-Istati Membri kollha fir-rigward ta' din il-kwistjoni;

14.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-UNICEF u lill-Awtorità Taljana għall-Protezzjoni tad-Dejta.