Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0377/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0377/2008

    MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

    27.8.2008

    imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
    skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
    minn Margrete Auken u Marie-Hélène Aubert
    f'isem il-Grupp Verts/ALE
    dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u l-mortalità tal-ommijiet

    Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0377/2008

    Proċedura : 2008/2621(RSP)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    B6-0377/2008
    Testi mressqa :
    B6-0377/2008
    Testi adottati :

    B6‑0377/2008

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp u l-mortalità tal-ommijiet

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) adottati fis-Samit tal-Millennju tan-NU f’Settembru 2000,

    –  wara li kkunsidra l-Konferenza Internazzjonali tan-NU dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (ICPD) li saret fil-Kajr f’Settembru 1994, il-Programm ta’ Azzjoni adottat fil-Kajr u d-dokumenti sussegwenti li rriżultaw, adottati fis-seduta speċjali tan-NU Kajr+5 dwar aktar azzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Azzjoni adottat fl-1999,

    –  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, tat-3 ta’ Settembru 1981,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

    A.  billi l-MDG għas-saħħa tal-ommijiet huwa li jnaqqas il-mortalità tal-ommijiet bi tliet kwarti sal-2015,

    B.  billi l-parti l-kbira tal-imwiet tal-ommijiet tista’ tiġi evitata iżda aktar minn nofs miljun mara jibqgħu jmutu kull sena minn kumplikazzjonijiet marbuta mat-tqala u mat-twelid, l-aktar fl-Afrika l-isfel mis-Saħara,

    C.  billi l-kumplikazzjonijiet fis-saħħa tal-ommijiet huma l-kawża ewlenija tal-mewt għat-tfajliet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

    D.  billi l-mortalità u l-morbożità tal-ommijiet jikkostitwixxu emerġenza globali tas-saħħa, kull sena jmutu madwar 536,000 omm, u għal kull mara li tmut, 30 mara jew aktar jesperjenzaw kumplikazzjonijiet serji, minn infezzjonijiet kroniċi sa ġrieħi li jikkawżaw diżabilità, bħall-fistula obstetrika, li faċilment tista’ tiġi evitata li kieku jkun hemm aċċess universali għall-kura obstetrika bażika u ta’ emerġenza u għas-servizzi riproduttivi tas-saħħa,

    E.  billi l-HIV, il-kunflitt armat u d-deterjorazzjoni tas-sistemi tas-saħħa qed ikomplu jaggravaw il-mortalità tal-ommijiet;

    F.  billi s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif definiti fil-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, huma ta’ importanza kritika sabiex jintlaħqu l-MDGs, b’mod partikulari dawk marbuta mas-saħħa tal-ommijiet u tat-tfal u mal-prevenzjoni tal-HIV,

    G.  billi n-nuqqas ta’ għarfien tad-drittijiet tan-nisa, aċċess mhux tajjeb għall-informazzjoni, iż-żwieġ bikri u prijorità politika baxxa u l-assenza ta’ riżorsi suffiċjenti allokati għas-saħħa tal-ommijiet kollha jikkontribwixxu għall-mortalità għolja,

    H.  billi, minflok żdied l-appoġġ, l-iffinanzjar totali tad-donaturi għall-ippjanar tal-familja bħalissa huwa ferm aktar baxx milli kien fl-1994, billi niżel minn USD 723 miljun fl-1995 għal USD 442 miljun fl-2004, f'termini assoluti tad-dollaru,

    1.  Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu li l-mortalità tal-ommijiet (MDG5) huwa l-għan li jinsab l-aktar imbiegħed mill-mira tiegħu u mhuwiex qiegħed fil-proċess li jintlaħaq mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b’mod partikulari fl-Afrika;

    2.  Jinnota li minbarra l-edukazzjoni, l-għoti tas-setgħa lin-nisa jagħti kontribut sinifikanti għat-titjib tal-MDG5 dwar is-saħħa tal-ommijiet, u li dan huwa indikatur kritiku tal-progress ġenerali fl-iżvilupp;

    3.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, qabel il-Laqgħa Għolja tan-NU dwar l-MDGs, biex jagħtu prijorità lill-azzjoni biex jintlaħaq l-MDG5 dwar it-titjib tas-saħħa tal-ommijiet;

    4.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jintensifikaw l-isforzi biex jeliminaw il-mortalità u l-morbożità tal-ommijiet li jistgħu jiġu evitati permezz tal-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni regolari tal-pjanijiet direzzjonali u tal-pjanijiet ta’ azzjoni għat-tnaqqis tal-piż globali tal-mortalità u l-morbożità tal-ommijiet, bl-adozzjoni ta’ approċċ sistematiku, sostenut, u bbażat fuq l-ekwità u fuq id-drittijiet tal-bniedem, appoġġjat u faċilitat b'mod adegwat minn iffinanzjar u mekkaniżmi istituzzjonali b'saħħithom;

    5.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jespandu l-provvista tas-servizzi tas-saħħa għall-ommijiet fil-kuntest tal-kura primarja tas-saħħa, fuq il-bażi tal-kunċett ta’ għażla infurmata, edukazzjoni dwar il-maternità bla periklu, kura ffukata u effettiva għal qabel it-twelid, programmi dwar in-nutriment tal-ommijiet, għajnuna adegwata għall-ħlas li tevita r-rikors eċċessiv għal operazzjonijiet Ċesarji u tipprovdi għal emerġenzi obstetriċi, servizzi ta’ riferiment għall-kumplikazzjoniiet marbuta mat-tqala, mal-ħlas u mal-abort, u kura u ppjanar tal-familja għal wara t-twelid;

    6.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippromwovu l-aċċess tan-nisa kollha għal informazzjoni u servizzi komprensivi marbuta mas-saħħa sesswali u riproduttiva;

    7.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw indikaturi u punti ta’ riferiment għat-tnaqqis tal-mortalità tal-ommijiet (inklużi l-allokazzjonijiet ODA) u biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ monitorjar u ta’ responsabilità li jistgħu jwasslu għal titjib kostanti tal-politiki u l-programmi eżistenti;

    8.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummisjoni biex jiggarantixxu li s-servizzi tal-kura tas-saħħa riproduttiva jkunu disponibbli, aċċessibbli u ta’ kwalità tajba, u biex jiddedikaw ir-riżorsi massimi disponibbli għall-politiki u l-programmi marbuta mal-mortalità tal-ommijiet;

    9.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jipprovdu servizzi ta’ abort aċċessibbli u bla periklu sal-punt massimu possibbli skont il-liġi lokali u, b'dan il-mod, iħarġġu u jgħammru lil dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa għall-provvista ta' servizzi komprensivi u sikuri għall-abort;

    10.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw programmi u politiki biex jindirizzaw il-fatturi determinanti fundamentali tas-saħħa li huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-mortalità tal-ommijiet, bħall-parteċipazzjoni fi proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet marbuta mas-saħħa, tagħrif fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva, litteriżmu, nutriment, nuqqas ta' diskriminazzjoni u ugwaljanza bejn il-ġeneri;

    11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.