MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
27.8.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Tadeusz Masiel, Ewa Tomaszewska, Zbigniew Krzysztof Kuźmiuk u Ryszard Czarnecki
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-Pakkett Soċjali
B6‑0378/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett Soċjali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2008) 412),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 426),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (COM(2008) 414),
– wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (COM(2008) 419),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Titjib tal-kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda dwar Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel" (COM(2008) 425),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-aġenda tal-politika soċjali hija element ewlieni tal-modernizzazzjoni ekonomika u soċjali ta' l-Unjoni Ewropea, u l-implimentazzjoni tagħha jkun deċiżiv fil-kisba ta' l-objettivi strateġiċi stipulati fl-Istrateġija ta' Liżbona,
B. billi l-Unjoni Ewropea wieġbet b'suċċess għall-isfidi soċjali ġodda matul l-aħħar ħamsin sena, u dan wassal għall-ħolqien tal-mudell soċjali Ewropew,
C. billi r-realtajiet soċjali qed jinbidlu malajr u l-aġenda tal-politika soċjali għandha tiġi adattata għall-isfidi l-ġodda bħal ma huma l-globalizzazzjoni, il-bidla demografika, il-progress teknoloġiku, il-bidla fil-klima u l-immigrazzjoni,
D. billi l-politika soċjali Ewropea kisbet riżultati permezz tat-titjib fil-kundizzjonijiet ta' l-għajxien u billi tistimula t-tkabbir ta' impjiegi, ħafna problemi, bħal ma huma l-qgħad, l-iżolazzjoni soċjali u l-faqar, baqgħu ma ssolvewx.
E. billi waħda mill-isfidi importanti ta' l-Unjoni Ewropea hi li jkunu żgurati l-opportunitajiet uġwali għaċ-ċittadini kollha,
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pakkett soċjali mġedded ippreżentat mill-Kummissjoni bħala pass 'il quddiem li jiddefinixxi mill-ġdid il-mudell soċjali Ewropew sabiex ilaħħaq mar-realtajiet soċjali li qed jinbidlu;
2. Jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni għall-Aġenda Soċjali Mġedda, li hija mibnija fuq għanijiet bħal ngħidu aħna l-opportunitajiet, l-aċċess u s-solidarjeta; jemmen li t-twettiq ta' dawn l-għanijiet ikun risposta xierqa għall-isfidi l-ġodda li ħarġu fi snin riċenti;
3. Jiddispjaċiħ, madankollu, li sakemm ikunu magħrufa l-isfidi u l-problemi, il-pakkett fis-sħuħija tiegħu ma għandux viżjoni koerenti tal-Mudell Soċjali Ewropew imġedded; iqis li l-inizjattivi inklużi f'dan il-pakkett mhumiex konnessi b'mod ċar mat-twettiq tal-prijoritajiet stabbiliti;
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet indaqs kif stipulati fil-proposta għal direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali; iqis li l-aċċess faċli għaċ-ċittadini Ewropej għall-kura tas-saħħa ta' kwalità huwa essenzjali biex jingħelbu sfidi bħal ma huma l-bidla demografika u l-mobilità tal-forza tax-xogħol;
5. Japprezza l-isforzi tal-Kummissjoni biex tkun iffaċilitata l-interoperabilità tar-rekords elettroniċi tas-saħħa ppreżentati fir-rakkomandazzjonijiet dwar l-interoperabilità tar-rekords elettroniċi tas-saħħa;
6. Jilqa' bi pjaċir il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Titjib tal-kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda dwar Kooperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel"; jisħaq li, sabiex jitwettqu l-għanijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona, huwa essenzjali li jkun żgurat l-aċċess għall-edukazzjoni ugwali u għat-tagħlim tul il-ħajja għaż-żgħażagħ; jenfasizza li biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali huwa vitali li jitjiebu s-sistemi ta' l-iskejjel permezz tat-tisħiħ tal-koperazzjoni fl-edukazzjoni sabiex ikun żgurat li l-istudenti jiksbu kompetenzi essenzjali;
7. Jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew ("European Works Council" - EWC) jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati; japrezza l-kisbiet ta' l-EWC fit-titjib tad-djalogu bejn min iħaddem u l-impjegati; huwa mħasseb, madankollu, li l-mudell il-ġdid għall-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jista' jkollu impatt fuq il-flessibilità u l-kompetittività ta' l-ekonomija u l-intrapriżi Ewropej;
8. Iqis li l-idea li l-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni tiġi estiża, li hija l-bażi ta' proposta għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament minn reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew preferenzi sesswali huwa kuntrarju għall-prinċipji tas-sussedjarjetà u tal-proporzjonalità; jieħu l-opinjoni li, billi teżisti l-liġi kontra d-diskriminazzjoni f'kull Stat Membru, ma hemm l-ebda bżonn li jiġi introdott kwalunkwe qafas legali fuq livell Komunitarju sabiex tkun miġġielda d-diskriminazzjoni ibbażata fuq reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali u li jidħol fis-seħħ il-prinċipju tat-trattament ugwali, barra mill-qasam tax-xogħol;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni.