Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0379/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0379/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

27.8.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis Wurtz, Gabriele Zimmer, Dimitrios Papadimoulis, Eva-Britt Svensson, Roberto Musacchio u Umberto Guidoni
f’isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-Pakkett Soċjali

Proċedura : 2008/2613(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0379/2008
Testi mressqa :
B6-0379/2008
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0379/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett Soċjali

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 'Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21' (COM (2008) 412) u d-diversi dokumenti mhux leġiżlattivi li jakkumpanjaw dik il-komunikazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (COM (2008) 414),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (Riformolata) (COM(2008) 419),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2001 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħolijiet Ewropew jew proċedura fuq skala Komunitarja u fil-gruppi tal-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 426),

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku milħuq fil-Kunsill dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u d-Direttiva dwar il-Ħaddiema Temporanji tad-9 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kawżi Viking Line, Laval, Rüffert u l-Kummissjoni v. l-Lussemburgu u d-dibattitu politiku kontroversjali dwarhom,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ILO li ġejjin: ILO-94 Klawżoli tax-Xogħol (Kuntratti Pubbliċi); ILO-87 Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Ħarsien tad-Dritt ta' Organizzazzjoni; ILO-98 Id-Dritt ta' Organizzazzjoni u ta' Negozjar Kollettiv; ILO-117 Għanijiet u Standards Bażiċi tal-Politika Soċjali, b’mod speċjali t-Taqsima IV tagħha; ILO-154 Negozjar Kollettiv; ILO-MLC Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu; wara li kkunsidra wkoll l-Aġenda dwar Xogħol Deċenti tal-ILO,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida Integrati dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi 2008-2010 u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi waqt il-leġiżlatura attwali tal-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill s'issa sabuha bi tqila ħafna biex jipproponu u jadottaw kwalunkwe leġiżlazzjoni ta' politika soċjali mmirata lejn il-progress soċjali fl-Unjoni Ewropea; billi l-impjiegi u l-politiki soċjali għall-progress soċjali m'humiex fost l-erba' prijoritajiet uffiċjali tal-Presidenza Franċiża attwali tal-Unjoni Ewropea; u billi d-dikjarazzjonijiet ta' dik il-Presidenza li se tagħmel mill-2008 'is-sena li fiha se jingħata bidu mill-ġdid lill-Ewropea Soċjali' għalhekk ma tantx jinstemgħu kredibbli,

C.  billi l-ftehim politiku milħuq fil-Kunsill dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tad-9 ta' Ġunju 2008 dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol huwa mmirat lejn iktar deregolamentazzjoni tal-istandards minimi diġà dgħajfa għall-ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kontra sigħat ta' ħidma irregolari u twal; billi l-ħidma attwali tal-Gvern Franċiz biex ineħħi l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġimgħa ta' 35 siegħa xogħol u kampanji simili fi Stati Membri oħra għal iktar sigħat ta' xogħol jiġbdu lejn l-istess direzzjoni ta' rigressjoni soċjali,

D.  billi s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kawżi Viking Line, Laval, Rüffert u l-Lussemburgu jirrestrinġu d-dritt tal-istrajk u ta' negozjar kollettiv billi jsostnu s-supremazija tal-libertajiet tas-suq intern fuq drittijiet fundamentali bħal dawn; billi f'dawn is-sentenzi l-istandards minimi ta' ħarsien soċjali stipulati fid-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema kienu intepretati bħala l-istandards massimi, u b'hekk ħadmu favur kompetizzjoni fit-tnaqqis tal-pagi fl-istess post tax-xogħol u ċaħħdu lill-Istati Membri milli jistipulaw kundizzjonijiet tax-xogħol iktar favorevoli u remunerazzjoni għal ħaddiema ssekondati fil-liġi nazzjonali,

   billi dawn l-iżviluppi kkontribwew ħafna għall-perċezzjoni pubblika mifruxa li l-UE qed tiffavorixxi wisq is-swieq ħielsa u l-kompetizzjoni u qed tabbanduna s-solidarjetà u l-progress soċjali; billi l-kriżi ta' leġittimità, li qed taggrava, tal-Unjoni Ewropea wasslet għal distakk ikbar bejn il-proġett Ewropew ibbażat fuq is-swieq u appoġġat mill-elites tagħha u x-xettiċiżmu fost ħafna ċittadini Ewropej dwar 'il-valur miżjud' tal-politiki Ewropej fil-ħajja ta' kuljum u l-benesseri soċjali tagħhom, kif rifless mill-ġdid reċentement mill-vot negattiv tal-Irlandiżi dwar it-Trattat ta' Liżbona,

F.  billi, f'dan l-isfond, l-'Aġenda soċjali mġedda' ippreżentata mill-Kummissjoni trid tkun interpretata bħala sforz biex tikkalma r-rabja u l-iskuntentizza ta' parti kbira mill-popolazzjoni rigward it-trajettorja neoliberali attwali tal-proġett ta' integrazzjoni Ewropew; billi, madankollu, l-hekk imsejjaħ 'Pakkett Soċjali' jikkonsisti prinċipalment f'komunikazzjonijiet mhux leġiżlattivi, rapporti u rakkomandazzjonijiet, li l-effett tagħhom f'termini ta' promozzjoni ta' progress soċjali li jista' jitkejjel fl-Unjoni Ewropea huwa dubjuż,

1.  Iqis li l-'Pakkett Soċjali' huwa tentattiv imfassal ħażin biex itellef l-attenzjoni pubblika mill-pożizzjonijiet politiċi soċjalment rigressivi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, bħad-deregolamentazzjoni ppjanata tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol u l-effetti devastanti tas-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq drittijiet fundamentali u n-negozjar kollettiv;

2.  Jirrimarka li l-Parlament talab li titneħħa gradwalment l-opt-out fl-ewwel qari tiegħu tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol; jikkritika bil-qawwa l-fatt li fil-ftehim politiku tal-Kunsill dik it-talba ġiet miċħuda; jiddikjara l-oppożizzjoni tiegħu, għaldaqstant, għall-ftehim tal-Kunsill;

3.  Jinsisti li kwalunkwe reviżjoni rilevanti soċjalment tad-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol trid tiffoka fuq il-konċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja barra mix-xogħol permezz ta' sigħat ta' xogħol inqas kuljum u kull ġimgħa; jenfasizza li l-opt-out trid titneħħa kompletament, li l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ħin li fih wieħed jista' jissejjaħ għal fuq il-post tax-xogħol u l-perjodi kompensatorji ta' mistrieħ trid tkun implimentata u integrata fid-direttiva għal kollox, u li kwalunkwe tnaqqis fil-livell ta' ħarsien mogħti mid-direttiva eżistenti jrid ikun imblukkat;

4.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jiddiskutu bir-reqqa l-kwistjonijiet imqajjma mis-sentenzi reċenti tal-Qorti; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kunsill biex jieħu azzjoni biex jiżgura s-supremazija tad-drittijiet soċjali fuq il-libertajiet tas-suq intern; għaldaqstant jitlob li ssir reviżjoni fil-fond tat-Trattati, sabiex titwitta t-triq għall-Ewropa Soċjali; iqis li, jekk l-istituzzjonijiet Ewropej jonqsu milli jirrealizzaw dan, il-kriżi serja ta' leġittimità tal-mudell ekonomiku u soċjali Ewropew attwali se taggrava b'mod drammatiku;

5.  Jinnota l-ewwel rapport biennali tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali fl-UE; jinsisti li l-kwistjoni tas-servizzi soċjali ta' interess ġenerali hija punt importanti ieħor rigward ir-reviżjoni tat-Trattati; f'dan ir-rigward, jenfasizza l-bżonn ta' dispożizzjonijiet ċari fil-liġi primarja tal-UE biex ikun żgurat li beni pubbliċi, servizzi pubbliċi, servizzi ta' interess ġenerali u l-qasam li ma jagħmilx profitt ma jkunux suġġetti għar-regoli dwar il-kompetizzjoni, l-għajnuna mill-istat, l-akkwist pubbliku u s-suq intern, iżda jiffurmaw settur li jkun immexxi biss mill-interess pubbliku u li jkun organizzat skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà taħt il-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali rispettivi tagħhom, sabiex ikun żgurat it-tħaddim tajjeb tagħhom;

6.  Jistieden lill-Kunsill biex iwaqqaf ir-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona, li diġà kien miċħud mir-referendum Irlandiż, u, bħala l-ewwel pass lejn is-soluzzjoni tas-sitwazzjoni, biex jintroduċi 'Klawżola dwar il-Progress Soċjali' bħala Protokoll tat-Trattat li jorbot, bl-għan li jiċċara:

  • li t-Trattat ma jistax ikun interpretat f'sens li jaffettwa bi kwalunkwe mod l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri, inkluż id-dritt tal-istrajk u tal-azzjoni kollettiva fil-livell nazzjonali u wkoll id-dritt ta' l-istrajk u azzjoni kollettiva transkonfinali;
  • li dawn id-drittijiet jinkludu wkoll id-dritt jew il-libertà li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti minn sistemi speċifiċi ta' azzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, inklużi azzjonijiet immirati biex ikunu konklużi l-ftehimiet kollettivi li jmorru lil hinn minn pagi minimi u standards minimi;
  • li t-Trattat ma jistax ikun interpretat f'sens li jaffettwa bi kwalunkwe mod ir-relazzjonijiet industrijali u s-sistemi ta' negozjar kollettiv kif rikonoxxuti fl-Istati Membri;
  • li t-Trattat ma jistax ikun interpretat f'sens li jaffettwa bi kwalunkwe mod il-kompetenzi tal-Istati Membri fl-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni dwar politika soċjali li tipprovdi għal standards iktar għoljin minn dawk stabbiliti fid-direttivi tal-UE li jistipulaw standards minimi;
  • li, fejn ikun hemm kunflitt bejn dawn id-drittijiet kif imsemmija hawn fuq u l-kompetenzi ta' politika soċjali jew is-sistemi ta' relazzjonijiet industrijali tal-Istati Membri mar-regolamentazzjoni tas-suq intern jew il-'libertajiet fundamentali' tas-suq intern, tal-ewwel (id-drittijiet fundamentali eċċ.) iridu jitqiesu fuq dawn tal-aħħar;

7.  Jirrimarka li l-proġetti leġiżlattivi li hemm fil-'Pakkett Soċjali' huma mmirati jew lejn liberalizzazzjoni iktar fil-fond tas-suq intern, jew bħal fil-każ tad-direttiva proposta dwar 'l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali', li hija bbażata fuq il-proposti antiki ta' Bolkestein dwar il-kura tas-saħħa fil-qasam tad-Direttiva dwar is-Servizzi, jew huma ftit li xejn ambizzjużi f'termini ta' promozzjoni tal-progress soċjali, bħal fil-każ tal-proposta dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew; iqis, għalhekk, li dawn m'humiex strumenti xierqa biex 'jingħata bidu mill-ġdid lill-Ewropea Soċjali', kif qed tgħid il-Presidenza Franċiża;

8.  Jirrimarka li s-servizzi tas-saħħa kienu esklużi mid-Direttiva dwar is-Servizzi fis-Suq Intern għal raġunijiet validi, minħabba li l-kura tas-saħħa hija parti mis-sistemi ta' sigurtà soċjali u mhux kwistjoni ta' suq; jenfasizza li m'hemm l-ebda ħtieġa, u l-anqas kompetenza tal-UE, li l-kura tas-saħħa tkun irregolata fuq il-bażi tar-regoli tas-suq intern; jinsisti li l-kwistjonijiet indirizzati mill-proposta għal direttiva tal-Kummissjoni jridu jiġu solvuti u rregolati fil-qafas tal-iskemi tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (Regolament 883/2004);

9.  Jikkritika bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali; jirrimarka li din il-proposta hija bbażata fuq approċċ tas-suq intern u hija mmirata prinċipalment biex tippermetti li nies iktar sinjuri u edukati jmorru jixtru kura tas-saħħa iktar irħisa minn pajjiżi oħra; jenfasizza li l-proposta qed iddgħajjef il-kwalità fis-sistemi tal-kura tas-saħħa, minħabba li r-rimbors għall-pazjenti minn Stati Membri ifqar mhux se jippermettilhom li jkopru l-ispejjeż għall-kura tas-saħħa ta' kwalità għolja fl-Istati Membri iktar sinjuri;

10.  Jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew (EWC) mhix ambizzjuża; ifakkar lill-Kummissjoni fit-talbiet tal-Parlament rigward ir-reviżjoni ta' dik id-direttiva, li diġà kienu ddikjarati seba' snin ilu, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2001, li għadhom ma kinux milqugħa;

11.  Jenfasizza l-ħtiġijiet fundamentali rigward ir-reviżjoni tad-Direttiva EWC: definizzjoni aħjar ta' 'informazzjoni' u 'konsultazzjoni' (informazzjoni bil-miktub u fid-dettall ipprovduta fil-ħin dovut) u kwistjonijiet transnazzjonali: it-tnaqqis tal-limiti massimi għat-twaqqif ta' EWCs; ir-rikonoxximent tal-irwol u d-drittijiet tat-trejdjunjins; kundizzjonijiet ta' xogħol aħjar għall-EWCs; penali effettivi, proporzjonali u dissważivi għall-kumpaniji li jiksru d-dispożizzjonijiet tad-direttiva; u l-istabbiliment tad-dritt tal-veto tal-EWCs fuq pjanijiet ta' ġestjoni għar-ristrutturazzjoni, l-inkorporazzjoni jew it-teħid ta' kontroll ta' kumpaniji, jew is-sensji, il-posponiment tad-deċiżjonijiet finali sakemm l-EWC ikun seta' jipproponi soluzzjonijiet alternattivi li dwarhom tkun saret konsultazzjoni bir-reqqa bejn l-EWC u t-tmexxija;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni barra l-post tax-xogħol; jikkritika bil-qawwa l-fatt li l-assikurazzjoni u prodotti finanzjarji oħra m'humiex koperti minn din id-direttiva, nuqqas li jippermetti lill-industrija finanzjarja u tal-assikurazzjoni tkompli tuża prattiċi diskriminatorji li jitolbu kontribuzzjonijiet ikbar minħabba r-riskji relatati mas-saħħa, l-età, is-sess u d-diżabilità;

13.  Jinnota l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-viżibilità u l-metodi ta' ħidma tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali u li ttejjeb l-interazzjoni tagħha ma' politiki oħra; jirrimarka li, madankollu, il-Kummissjoni u l-Kunsill ċaħdu t-talbiet tal-Parlament għal-linji gwida ġodda dwar l-inklużjoni soċjali li għandhom ikunu introdotti fil-Linji Gwida tax-Xogħol 2008-2010, u b'hekk naqsu li jtejbu tali viżibilità u interazzjoni ma' politiki oħrajn;

14.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tiffissa miri għat-tnaqqis tal-faqar (faqar b'mod ġenerali, faqar tat-tfal, faqar waqt li wieħed għandu impjieg u faqar persistenti fuq perjodu twil ta' żmien), fuq livell minimu ta' dħul permezz ta' pensjonijiet u l-aċċess għal u l-kwalità tal-kura tas-saħħa (tnaqqis tal-mortalità u tat-tfal, titjib tal-istatus tas-saħħa u tat-tul mistenni tal-ħajja, eċċ.) għall-fażi li jmiss tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali; jinsisti li miri bħal dawn iridu jkunu ffissati wkoll fir-rigward ta' skemi ta' dħul minimu (60 fil-mija tad-dħul medju komuni nazzjonali) u pagi minimi (60 fil-mija tal-paga medja nazzjonali jew speċifika għal settur) sabiex ikun miġġieled il-faqar u tkun promossa l-inklużjoni soċjali;

15.  Jappoġġa l-għan tal-Kummissjoni li tippromwovi l-kunċett ta' xogħol deċenti fil-politiki interni u esterni tal-UE; jirrimarka li wieħed mill-pilastri importanti tal-kunċett tax-xogħol deċenti hija l-idea ta' 'impjieg magħżul liberament', li jrid ikun garantit; jinsisti, għaldaqstant, li l-Istati Membri jirrevedu l-politiki tas-suq tax-xogħol li jisfurzaw lin-nies qiegħda f'impjiegi b'pagi baxxi u prekarji li ma jkunux għażlu liberament huma, jew li jaħdmu għall-benefiċċji soċjali (workfare programmes);

16.  Jappoġġa l-proposta tal-Kummissjoni għall-inkorporazzjoni tal-istandards internazzjonali tax-xogħol marittimu (ILO MLC tal-2006) fil-liġi tax-xogħol Ewropea, fuq il-bażi tal-ftehim bejn min iħaddem u t-trejdjunjins f'dak is-settur; jappoġġa wkoll il-ħidma tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni bi prijorità tal-konvenzjonijiet tal-ILO; jenfasizza, madankollu, li s-sentenza tal-ECJ fil-kawża Rüffert tikkontradixxi l-Konvenzjoni 94 tal-ILO, li tirrikjedi b'mod espliċitu l-konformità mal-ftehimiet kollettivi fir-regolamenti tal-akkwist pubbliku; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqiegħdu l-Konvenzjoni 94 tal-ILO fuq il-lista għall-implimentazzjoni bi prijorità;

17.  Jaqbel mal-Kummissjoni li hija meħtieġa aktar azzjoni biex jitnaqqas u jinqered id-distakk fil-pagi bejn is-sessi fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex isaħħu iktar il-qafas legali, sabiex jiffissaw il-mira għat-tnaqqis tad-distakk bejn is-sessi fil-pagi wkoll fir-rigward tal-aċċess għat-taħriġ vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u l-ħiliet tan-nisa, u fir-rigward tad-distakk bejn is-sessi fil-pagi tax-xogħol part time u d-distakk bejn is-sessi fil-pensjoni, u bhiex jippromwovu klawżoli ta' ugwaljanza fil-kuntratti pubbliċi;

18.  Jinnota r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istrumenti u l-politiki Komunitarji għall-inklużjoni tar-Roma; jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni soda għall-inklużjoni tar-Roma (il-Pjan ta' Azzjoni dwar ir-Roma) kif mitlub mir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar dan is-suġġett;

19.  Jirrimarka li kwalunkwe 'Pakkett Soċjali' ta' valur, li jippromwovi l-progress soċjali jrid ikun komplementat minn miżuri ta' appoġġ ta' politika ekonomika u strutturali; iqis li l-politika monetarja tal-ECB trid issir ftit inqas stretta sabiex tirribatti l-effetti tat-tnaqqis fl-attività ekonomika attwali fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu 'Programm ta' Investiment Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali' li jkun tal-inqas ta' 1% tal-GDP tal-UE, u li għandu jkun komplementat minn programmi simili ta' investiment pubbliku mill-Istati Membri sabiex tkun stabilizzata l-ekonomija u miġġielda l-bidla fil-klima; jipproponi li l-Istati Membri jintroduċu wkoll miżuri biex jistabilizzaw u jtejbu l-poter tal-akkwist ta' nies bi dħul baxx (prezzijiet ogħla tal-ikel, l-enerġija u t-trasport), pereżempju billi jintroduċu tariffi soċjali fissi għall-gass, l-elettriku, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport pubbliku eċċ.;

20.  Jenfasizza l-fatt li l-istrateġija ta' Liżbona attwali tal-Unjoni Ewropea se tintemm fl-2010; iqis li issa huwa ż-żmien li jingħata bidu għal riflessjoni bir-reqqa dwar strateġija għall-ġejjieni wara l-2010; jenfasizza li l-enfasi attwali dwar il-liberalizzazzjoni tas-suq u 'l-kompetittività' trid tkun abbandunata u sostitwita minn strateġija Ewropea ġdida għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp Sostenibbli li tkun ibbażata fuq erba' pilastri ta' importanza indaqs (l-ekonomija, l-ambjent, l-impjiegi, il-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali);

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri;