Proċedura : 2008/2607(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0381/2008

Testi mressqa :

B6-0381/2008

Dibattiti :

PV 04/09/2008 - 3

Votazzjonijiet :

PV 04/09/2008 - 7.3

Testi adottati :

P6_TA(2008)0404

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 108kWORD 57k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0343/2008
27.8.2008
PE410.783
 
B6‑0381/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano u Véronique De Keyser
f'isem il-Grupp PSE
dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani 
B6‑0381/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra r-rapport imħejji mid-Delegazzjoni Ad Hoc lill-Iżrael u t-Territorji Palestinjani (30 ta' Mejju - 2 ta' Ġunju 2008) u l-konklużjonijiet tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, u b'mod partikulari l-Artikolu 2 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżultati tat-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael tas-16 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet pertinenti tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra ta’ l-1949,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU ta' l-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU ta' l-1984 kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1989,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2007 tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, u b'mod partikulari s-sezzjoni dwar it-territorji Palestinjani okkupati,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi llum il-ġurnata iktar minn 11,000 Palestinjan, inklużi mijiet ta’ nisa u tfal, qegħdin jinżammu f'ħabsijiet u f'ċentri ta' detenzjoni Iżraeljani,

B.  billi fil-25 ta’ Awwissu 2008 l-Iżrael ħeles 198 priġunier Palestinjan bħala sinjal ta' rieda tajba,

C.  billi skond il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, li l-Iżrael huwa firmatarju għalih, it-tfal huma definiti bħala kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena; billi madankollu, it-tfal Palestinjani mill-età ta' 16-il sena huma meqjusa bħala adulti skond ir-regolamenti militari ta' l-Iżrael li jirregolaw it-territorji Palestinjani okkupati, u spiss jinżammu f’kundizzjonijiet ta’ detenzjoni xejn xierqa,

D.  billi l-maġġoranza l-kbira tal-priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Punent u minn Gaża jinżammu f'ħabsijiet li jinsabu fit-territorju ta' l-Iżrael, u billi dan ma jippermettix li l-familji tagħhom jeżerċitaw id-dritt ta' żjara b'mod raġonevoli, billi l-liġi umanitarja internazzjonali tipprojbixxi t-trasferiment ta' ċivili, inklużi detenuti u priġunieri, minn territorju okkupat għat-territorju ta' l-istat li jkun qed iwettaq l-okkupazzjoni,

E.  billi l-Iżrael qiegħed iżomm mijiet ta’ Palestinjani priġunieri f'’'detenzjoni amministrattiva' mingħajr akkuża jew proċess, mingħajr ma jgħarrafhom dwar is-suspetti li hemm kontra tagħhom, u mingħajr ma jagħtihom aċċess għall-evidenza fil-każ ta' appell kontra d-detenzjoni, u dan huwa kontra l-liġi internazzjonali,

F.  Billi l-kwistjoni ta' priġunieri politiċi għandha implikazzjonijiet politiċi, soċjali u umanitarji importanti, u billi l-arrest ta' 48 membru elett tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u membri eletti tal-muniċipalità qiegħed ikollu konsegwenzi serji fuq l-iżviluppi politiċi fit-territorji Palestinjani okkupati, billi d-Dokument tal-Priġunieri, adottat f'Mejju 2006 minn mexxejja politiċi Palestinjani li qegħdin il-ħabs u li ġejjin minn fazzjonijiet differenti, serva bħala bażi għal konċiljazzjoni nazzjonali u witta t-triq għat-twaqqif ta' gvern ta' unità nazzjonali,

G.  billi ħafna priġunieri Palestinjani li huma eżaminati u misjuba morda jew midruba mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar qed ikunu mċaħħda mill-attenzjoni medika xierqa bi ksur ta' l-Artikolu 91 tal-Konvenzjoni ta' Ginevra VI,

H.  billi r-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Iżrael, skond l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u fuq il-prinċipji demokratiċi li jikkostitwixxu element essenzjali għall-ftehima; billi l-Pjan ta' Azzjoni UE-Iżrael jenfasizza b'mod espliċitu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-liġi umanitarja internazzjonali li huma fost il-valuri komuni bejn il-partijiet,

1.  Jisħaq li l-kwistjoni tal-priġunieri politiċi Palestinjani, li għandhom il-ħila jkunu forza ta' moderazzjoni kemm internament u kemm fir-rigward tal-konflitt ma' l-Iżrael, għandha impatt ewlieni kemm fuq is-soċjetà Palestinjana u kemm fuq il-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;

2.  Jitlob, f'dan il-kuntest, biex jinħelsu numru sostanzjali ta' priġunieri politiċi Palestinjani, u b’mod partikulari għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri li huma membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, inkluż Marwan Barghouti;

3.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħelsien riċenti ta’ 199 priġunier Palestinjan, li kien sinjal ta’ rieda tajba mill-Iżrael, u jenfasizza mill-ġdid l-importanza ta' miżuri tal-bini tal-fiduċja fil-proċess ta' paċi;

4.  Huwa konxju mill-importanza tal-passi reċenti ta' bini tal-fiduċja reċiproka li ħadu l-gvern Iżraeljan u l-Hiżbollah fir-rigward ta' priġunieri; jitlob biex jittieħdu passi simili mill-Iżrael u l-Hamas sabiex jinħeles bla dewmien il-kapural Iżraeljan Gilad Shalit;

5.  Jitlob lill-Iżrael sabiex iġib is-sistema legali militari kif inhi applikata għat-tfal Palestinjani konformi ma' l-istandards internazzjonali dwar il-ġustizzja tal-minorenni, u b’mod partikulari mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b’mod partikulari bil-ħsieb li jiġi assigurat il-ħelsien immedjat tad-detenuti minorenni kollha mill-ħabsijiet u bil-ħsieb li jtemm il-prattika li jżomm persuni taħt it-18-il sena f’"detenzjoni amministrattiva”, u wkoll biex jiggarantixxi l-kundizzjonijiet għat-tfal detenuti kif hemm stipulat fil-Konvenzjoni tan-NU msemmija qabel u f’regolamenti pertinenti oħrajn tan-NU;

6.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jimplimentaw il-Linji Gwida ta' l-UE dwar it-Tfal f'Kunflitti Armati fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-Iżrael u biex jagħmlu l-protezzjoni tat-tfal Palestinjani detenuti mill-Iżrael parti essenzjali tad-djalogu fuq il-livelli kollha tar-relazzjonijiet;

7.  Jistieden lill-gvern Iżraeljan u lill-Knesset biex jikkunsidraw mill-ġdid il-Liġi dwar il-Ġellieda Illegali tagħhom li tippermetti detenzjoni amministrattiva, u biex iġibuha konformi ma' l-istandards internazzjonali umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Itenni l-kundanna tiegħu għall-forom kollha ta' tortura u trattament ħażin; jistieden lill-Iżrael sabiex jiżgura immedjatament, f'konformità mal-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura u t-Trattament jew il-Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, li l-istandards minimi ta' detenzjoni jkunu rispettati fir-rigward ta' l-ikel, il-kura tas-saħħa, id-daqs tal-postijiet tal-ħabs, il-ħarsien mill-kundizzjonijiet klimatiċi u ż-żjarat mill-familji, u sabiex jiggarantixxu kura medika adegwata lill-priġunieri Palestinjani;

9.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani nisa; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex itejbu b'mod konsiderevoli l-protezzjoni ta' detenuti vulnerabbli, b'mod partikulari l-ommijiet u n-nisa ta' età żgħira;

10.  Ifakkar fl-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, u jistieden lill-Iżrael biex jikkonforma mal-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Liġi Umanitarja, b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet relattivi għall-protezzjoni ta' nies ċivili li jgħixu fi stat okkupat; jemmen bis-sħiħ li t-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael għandu jkun konsistenti u marbut mal-konformità ta' l-Iżrael ma' l-obbligi internazzjonali tiegħu skond il-liġi internazzjonali, b'mod partikulari fir-rigward d-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

11.  Jinnota l-istqarrija tal-Kummissjoni lill-Parlament tad-9 ta’ Lulju 2008, li tesprimi “simpatija kbira mat-tbatija tal-priġunieri Palestinjani fil-ħabsijiet Iżraeljani” u li tafferma li “l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni EU-Iżrael se tkompli tfakkar kemm lill-Unjoni Ewropea u kemm lill-Iżrael li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-prinċipji demokratiċi huma l-bażi tar-realzzjonijiet bilaterali tagħna”;

12. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tat-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li jiġi stabbilit Sottokumitat komplut dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li jieħu post il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob sabiex jiġu kkonsultati b'mod estensiv u involuti bis-sħiħ l-organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem u l-NGOs fl-Iżrael u t-territorji Palestinjani okkupati fil-monitoraġġ tal-progress ta' l-Iżrael biex jikkonforma ma' l-obbligi tiegħu skond il-liġi internazzjonali;13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Avviż legali - Politika tal-privatezza